Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0704

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2014 tal- 25 ta' Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 211/2013 dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 186, 26.6.2014, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0628

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/704/oj

    26.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/49


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 704/2014

    tal-25 ta' Ġunju 2014

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 211/2013 dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għan-nebbieta (sprouts) jew iż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta importati fl-Unjoni.

    (2)

    Matul awditjar reċenti mwettaq mis-Servizzi ta' Spezzjoni tal-Kummissjoni (l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju) f'pajjiżi terzi, ġew osservati ċerti nuqqasijiet. Dawn in-nuqqasijiet għandhom x'jaqsmu mal-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiċċertifikaw li ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta jiġu prodotti f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-iġjene għall-produzzjoni primarja u l-operazzjonijiet assoċjati stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I tiegħu.

    (3)

    Sabiex jinżamm l-ogħla livell tal-protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li l-pajjiżi terzi jieħdu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ta' ċertifikazzjoni b'saħħitha, bħala alternattiva fil-pajjiż tal-oriġini, huwa xieraq li r-rekwiżit taċ-ċertifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-iġjene għall-produzzjoni primarja jinbidel b'test mikrobijoloġiku għaż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta qabel ma ssir l-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, il-mudell taċ-ċertifikat fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 211/2013 għandu jiġi emendat ukoll.

    (4)

    Din il-miżura għandha tkun limitata fiż-żmien sakemm il-pajjiżi terzi jipprovdu l-garanziji meħtieġa li n-nuqqasijiet ġew ikkoreġuti.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 211/2013 huwa emendat kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Rekwiżit taċ-ċertifikazzjoni

    1.   Il-kunsinni tan-nebbieta jew taż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta impurtati fl-Unjoni u li joriġinaw jew jintbagħtu minn pajjiżi terzi għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness, li jiċċertifika li n-nebbieta jew iż-żrieragħ ġew prodotti skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-iġjene għall-produzzjoni primarja u l-operazzjonijiet assoċjati stabbiliti fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, u li n-nebbieta ġew prodotti skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-traċċibilità stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 208/2013 (*), ġew prodotti fi stabbilimenti approvati skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 (**) u jirrispettaw il-kriterji mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

    Iċ-ċertifikat u, meta applikabbli, ir-riżultati tat-test mikrobijoloġiku tal-Enterobacteriaceae kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, għandu jitħejja fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-pajjiż terz minn fejn tintbagħat il-kunsinna u tal-Istat Membru fejn issir l-importazzjoni fl-UE, jew ikun akkumpanjat bi traduzzjoni ċċertifikata f'dik il-lingwa jew lingwi. Jekk l-Istat Membru tad-destinazzjoni jitlob hekk, iċ-ċertifikati jridu jkunu akkumpanjati wkoll minn traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li tintuża lingwa uffiċjali minn tal-Unjoni minflok tiegħu.

    2.   L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-kunsinna sakemm din tasal fid-destinazzjoni indikata fiċ-ċertifikat.

    3.   Fil-każ li l-kunsinna tinqasam, għandu jkun hemm kopja taċ-ċertifikat ma' kull parti tal-kunsinna.

    4.   Madankollu, b'deroga mir-rekwiżit tal-paragrafu 1 li jiċċertifika uffiċjalment li ż-żrieragħ ġew prodotti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, u sal-1 ta' Lulju 2015, il-kunsinni taż-żrieragħ għan-nebbieta li se jiġu esportati lejn l-Unjoni jistgħu jkunu suġġetti għal test mikrobijoloġiku tal-Enterobacteriaceae sabiex jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet iġjeniċi tal-produzzjoni qabel l-esportazzjoni. Ir-riżultati ta' dawk it-testijiet mikrobijoloġiċi ma jistgħux jaqbżu l-1 000 cfu/g.

    5.   Jekk ikun applikabbli, iċ-ċertifikat u r-riżultati ta' dawn it-testijiet, iridu jkunu disponibbli għall-Operaturi tan-Negozji tal-Ikel li jipproduċu n-nebbieta billi jużaw żrieragħ impurtati, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti.

    (*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal-11 ta' Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta' traċċabbiltà għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsubin għall-produzzjoni tan-nebbieta (ĠU L 68, 12.3.2013, p. 16)."

    (**)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 tal-11 ta' Marzu 2013 dwar l-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 68, 12.3.2013, p. 24).”"

    2.

    L-Artikolu 4 jitħassar.

    3.

    Il-mudell taċ-ċertifikat għall-importazzjoni tan-nebbieta jew iż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta fl-Anness huwa ssostitwit bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 tal-11 ta' Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tan-nebbieta (sprouts) u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta (ĠU L 68, 12.3.2013, p. 26).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).


    ANNESS

    “MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT GĦALL-IMPORTAZZJONI TAN-NEBBIETA (SPROUTS) U Ż-ŻRIERAGĦ MAĦSUBA GĦALL-PRODUZZJONI TAN-NEBBIETA

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top