Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0057

    Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq)

    ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179–189 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/57/oj

    12.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 173/179


    DIRETTIVA 2014/57/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ April 2014

    dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Suq finanzjarju integrat u effiċjenti u fiduċja akbar tal-investituri jeħtieġu integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-fiduċja tal-pubbliku fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u l-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jagħmel ħsara lill-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fit-titoli, id-derivattivi u l-parametri ta’ referenza.

    (2)

    Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ikkompletat u aġġornat il-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-integrità tas-suq. Din esiġiet ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jikxfu u jinvestigaw abbuż tas-suq. Mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, id-Direttiva 2003/6/KE esiġiet ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri amministrattivi xierqa jew li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli għal ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.

    (3)

    Ir-rapport tal-25 ta’ Frar 2009 mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière (il-‘Grupp de Larosière’), irrakkomanda li tmexxija prudenzjali tajba tal-qafas tan-negozju għas-settur finanzjarju trid tkun ibbażata fuq sistemi b’saħħithom ta’ sorveljanza u sanzjonar. Għal dak il-għan, il-Grupp de Larosière ħass li l-awtoritajiet superviżorji jrid ikollhom setgħat suffiċjenti sabiex jaġixxu u li għandu jkun hemm ukoll sanzjonijiet ugwali, b’saħħithom u ta’ deterrent kontra r-reati kollha finanzjarji, sanzjonijiet li għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv sabiex tiġi preservata l-integrità tas-suq. Il-Grupp de Larosière kkonkluda li s-sistemi tas-sanzjonar tal-Istati Membri huma b’mod ġenerali dgħajfa u eteroġenji.

    (4)

    Qafas leġislattiv li jiffunzjona sewwa fir-rigward tal-abbuż tas-suq jeħtieġ infurzar effettiv. Evalwazzjoni tas-sistemi nazzjonali għas-sanzjonijiet amministrattivi skont id-Direttiva 2003/6/KE wriet li mhux l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha kellhom sett sħiħ ta’ setgħat għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li jistgħu jirrispondu għall-abbużi tas-suq bis-sanzjoni xierqa. B’mod partikolari, mhux l-Istati Membri kollha kienu pprevedew sanzjonijiet pekunarji għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata u għall-manipulazzjoni tas-suq, u l-livell tas-sanzjonijiet kien ivarja b’mod estensiv bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, jinħtieġ att leġislattiv ġdid sabiex jiġu żgurati regoli minimi komuni madwar l-Unjoni.

    (5)

    L-adozzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi mill-Istati Membri, irriżultat sal-lum, bħala insuffiċjenti sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.

    (6)

    Huwa essenzjali li l-konformità mar-regoli dwar l-abbuż tas-suq tiġi msaħħa permezz tad-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali li juru forma aktar b’saħħitha ta’ diżapprovazzjoni soċjali meta mqabbla ma’ penali amministrattivi. L-istabbiliment ta’ reati kriminali għall-inqas għal forom serji ta’ abbuż tas-suq jistabbilixxi limiti ċari għat-tipi ta’ mġiba li hija meqjusa bħala partikolarment inaċċettabbli u jibgħat messaġġ lill-pubbliku u li trasgressuri potenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu din l-imġieba bis-serjetà ħafna.

    (7)

    Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew għal sanzjonijiet kriminali għal xi forom ta’ ksur serju tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE. Approċċi differenti mill-Istati Membri jimminaw l-uniformità tal-kundizzjonijiet tal-operat fis-suq intern u jistgħu jipprovdu inċentiv għall-persuni biex iwettqu abbuż tas-suq fi Stati Membri li ma jipprovdux għal sanzjonijiet kriminali għal dawn ir-reati. Barra minn hekk, ma kien hemm, sal-lum, l-ebda fehim madwar l-Unjoni kollha tal-imġieba li hija kkunsidrata li tikkostitwixxi ksur serju tar-regoli dwar l-abbuż tas-suq. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi fir-rigward tat-tifsira ta’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi u s-sanzjonijiet rilevanti. Regoli minimi komuni għandhom ukoll jagħmluha possibbli li jintużaw metodi aktar effettivi ta’ investigazzjoni u kooperazzjoni aktar effettiva fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Fid-dawl ta’ dak li seħħ wara l-kriżi finanzjarja, hu evidenti li l-manipolazzjoni tas-suq għandha potenzjal għal ħsara mifruxa fuq ħajjet miljuni ta’ nies. L-iskandlu Libor, li kien jikkonċerna każ serju ta’ manipulazzjoni ta’ parametru ta’ referenza, wera li l-problemi rilevanti u l-lakuni għandhom impatt serju fuq il-fiduċja tas-suq u jistgħu jirriżultaw f’telf sinifikanti għall-investituri u f’distorsjonijiet tal-ekonomija reali. In-nuqqas ta’ reġimi komuni ta’ sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni kollha joħloq opportunitajiet għall-awturi ta’ abbuż fis-suq biex dawn jieħdu vantaġġ minn reġimi anqas stretti f’xi Stati Membri. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal-abbuż tas-suq se jkollha effett deterrenti miżjud fuq perpetraturi potenzjali.

    (8)

    L-introduzzjoni mill-Istati Membri kollha ta’ sanzjonijiet kriminali għall-inqas għal reati serji ta’ abbuż tas-suq, għalhekk hija essenzjali sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.

    (9)

    Sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkun allinjat ma’ dak tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), in-negozjar f’ishma proprji fi programmi ta’ riakkwisti u n-negozjar ta’ titoli jew strumenti assoċjati għall-istabilizzazzjoni ta’ titoli; tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba segwitu tal-politika monetarja, ta’ rata tal-kambju jew ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku; attivitajiet li jikkonċernaw il-kwoti ta’ emissjonijiet sabiex titwettaq il-politika tal-Unjoni dwar il-klima; u attivitajiet imwettqa b’segwitu għall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni, għandhom ikunu eżentati minn din id-Direttiva.

    (10)

    L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jipprevedu li għall-inqas każijiet serji ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, manipulazzjoni tas-suq u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata li jikkostitwixxu reati kriminali meta jitwettqu b’mod intenzjonali.

    (11)

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata għandhom jitqiesu serji f’każijiet bħal dawk meta l-impatt fuq l-integrità tas-suq, il-profitt reali jew potenzjali li jkun sar jew it-telf li jkun ġie evitat, il-livell ta’ ħsara kkawżata lis-suq, jew il-valur ġenerali tal-istrumenti finanzjarji nnegozjati jkun kbir. Ċirkostanzi oħra li jistgħu jitqiesu huma, pereżempju, fejn reat ikun sar fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali jew fejn is-suspettat jew il-konvenut huwa reċidiv.

    (12)

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-manipulazzjoni tas-suq għandha titqies serja f’każijiet bħal dawk li fihom l-impatt fuq l-integrità tas-suq; il-profitt reali jew potenzjali li jkun sar jew it-telf li jkun ġie evitat, il-livell ta’ ħsara kkawżata lis-suq, il-livell tal-bidla tal-valur tal-istrument finanzjarju jew il-kuntratt spot tal-komoditajiet jew l-ammont ta’ fondi oriġinarjament użat ikun kbir jew fejn il-manipulazzjoni titwettaq minn persuna impjegata jew li taħdem fis-settur finanzjarju jew f’awtorità superviżorja jew regolatorja.

    (13)

    Minħabba l-effetti avversi ta’ tentattiv ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u t-tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-suq fuq l-integrità tas-swieq finanzjarji u fuq il-fiduċja tal-investituri f’dawk is-swieq, dawk il-forom ta’ mġiba għandhom ikunu punibbli wkoll bħala reat kriminali.

    (14)

    Din id-Direttiva għandha tobbliga lill-Istati Membri biex, fil-liġi nazzjonali tagħhom jipprevedu pieni kriminali fir-rigward ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, manipulazzjoni tas-suq u żvelar mhux xieraq ta’ informazzjoni privileġġata li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex toħloq obbligi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ tali pieni jew ta’ kwalunkwe sistema oħra disponibbli tal-infurzar tal-liġi, għal każijiet individwali.

    (15)

    Din id-Direttiva għandha tesiġi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità sabiex jitwettqu r-reati kriminali jkunu wkoll punibbli.

    (16)

    Sabiex is-sanzjonijiet għar-reati msemmija f’din id-Direttiva jkunu effettivi u dissważivi, f’din id-Direttiva għandu jiġi stabbilit livell minimu għaż-żmien massimu ta’ priġunerija.

    (17)

    Din id-Direttiva għandha tiġi applikata billi jitqies il-qafas legali stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    (18)

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-politika Ewropea għall-iżgurar tal-integrità tas-swieq finanzjarji stipulata fir-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-Istati Membri għandhom jestendu r-responsabbiltà għar-reati previsti f’din id-Direttiva għal persuni ġuridiċi, permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali jew miżuri oħra li huma effettivi, proporzjonati u diżważivi, pereżempju dawk previsti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Tali sanzjonijiet jew miżuri oħra jistgħu jinkludu wkoll il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar sanzjoni, inkluża l-identità tal-persuna ġuridika responsabbli, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u r-riskji għall-istabilità tas-swieq finanazjarji u l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq u meta l-liġi nazzjonali tipprevedi responsabbiltà kriminali għall-persuni ġuridiċi, jestendu tali responsabbiltà kriminali, b’konformità mal-liġi nazzjonali, għar-reati previsti f’din id-Direttiva. Din id-Direttiva m’għandhiex twaqqaf lill-Istati Membri milli jippubblikaw deċiżjonijiet finali dwar responsabbiltà jew sanzjonijiet.

    (19)

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati previsti f’din id-Direttiva jkollhom il-kapaċità li jużaw għodda investigattivi effettivi. B’kont meħud, inter alia, tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-użu ta’ għodod bħal dawn b’konformità mal-liġi nazzjonali għandu jkun proporzjonat man-natura u l-gravità tar-reati taħt investigazzjoni.

    (20)

    Billi din id-Direttiva tipprovdi għal regoli minimi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar strinġenti tal-liġi kriminali għall-abbuż tas-suq.

    (21)

    L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jipprevedu li l-manipulazzjoni tas-suq li sseħħ bi traskuraġni jew b’negliġenza serja tikkostitwixxi reat kriminali.

    (22)

    L-obbligi li f’din id-Direttiva li jiġu previsti pieni fuq persuni fiżiċi u sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali tagħhom ma jeżentawx lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprevedu fil-liġi nazzjonali għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur previst fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ħlief jekk l-Istati Membri jkunu ddeċidew, b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li jipprevedi biss sanzjonijiet kriminali għal tali ksur fil-liġi nazzjonali tagħhom.

    (23)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa determinat b’tali mod li jikkomplementa u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Billi r-reati għandhom ikunu punibbli skont din id-Direttiva meta jitwettqu b’intenzjoni u għall-inqas f’każijiet serji, is-sanzjonjiet għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jirrikjedux li l-intenzjoni tiġi ppruvata jew li jiġu kkwalifikati bħala serji. Fl-applikazzjoni tal- liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali abbażi tar-reati previsti minn din id-Direttiva u tas-sanzjonijiet amministrattivi b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

    (24)

    Mingħajr ħsara għar-regoli ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi b’konformità maċ-ċirkostanzi konkreti f’kull każ individwali, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għandha tkun proporzjonali u tieħu kont tal-profitti magħmula jew it-telf evitat minn persuni miżmuma responabbli, kif ukoll id-dannu li jirriżulta mir-reat għal persuni oħra u, fejn applikabbli, id-dannu għall-funzjonament tas-swieq jew l-ekonomija b’mod ġenerali.

    (25)

    Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura d-disponibilità ta’ sanzjonijiet kriminali għall-inqas għal abbużi serji tas-suq madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjaretà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dik id-Direttiva, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

    (26)

    Iż-żieda ta’ attivitajiet transkonfinali tirrikjedi kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ abbuż tas-suq. L-organizzazzjoni u l-kompetenza ta’ dawk l-awtoritajiet nazzjonanli fl-Istati Membri differenti m’għandhomx ixekklu l-kooperazzjoni tagħhom.

    (27)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) kif stabbiliti fit-TFUE. B’mod speċifiku, hija għandha tiġi applikata bir-rispett dovut għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni (Artikolu 11), il-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47), il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża (Artikolu 48), il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni (Artikolu 49) u d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat (Artikolu 50).

    (28)

    Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Isttai Membri għandhom jiżguraw id-drittijiet proċedurali tal-persuni ssusspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. L-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva huma mingħajr ħsara għall-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni dwar drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali. Xejn f’din id-Direttiva ma huwa maħsub biex jirrestrinġi l-libertà tal-istampa jew il-libertà tal-espressjoni fil-mezzi tal-informazzjoni peress li dawn huma garantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri, b’mod partikolari skont l-Artikolu 11 tal-Karta u dispożizzjonijiet rilevanti oħra. Dan għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata skont id-dispożizzjonijiet dwar tali żvelar f’din id-Direttiva.

    (29)

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, anness għat-TUE u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Renju Unit mhux ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (30)

    F’konformita mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u għat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (31)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhix tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (32)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta opinjoni fl-10 ta’ Frar 2012 (6),

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi għal sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata, għal żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u għal manipulazzjoni tas-suq biex tiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u ttejjeb il-protezzjoni tal-investituri u l-fiduċja f’dawk is-swieq.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal dan li ġej:

    (a)

    l-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew li għalihom tkun saret talba għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat;

    (b)

    l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fuq faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF),ammessi għan-negozjar fuq MTF jew li għalihom tkun saret talba għall-ammissjoni għan-negozjar fuq MTF;

    (c)

    l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fuq faċilità organizzata tan-negozjar (OTF);

    (d)

    l-istrumenti finanzjarji mhux koperti mill-punti (a), (b) jew (c), li l-prezz jew il-valur tagħhom jiddependi minn jew għandu effett fuq il-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju msemmi f’dawk il-punti, inklużi, iżda mhux biss, swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jew kuntratti għad-differenzi.

    Din id-Direttiva tapplika wkoll għal imġiba jew tranżazzjonijiet, inklużi offerti, relatati mal-irkantar fuq pjattaforma tal-irkant awtorizzata bħala suq irregolat ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jew prodotti oħra rkantati bbażati fuqhom, inkluż meta l-prodotti rkantati mhumiex strumenti finanzjarji, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (7). Mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tirreferi għal offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ rkant, kwalunkwe dispożizzjoni f’din id-Direttiva li tirreferi għal ordnijiet għan-negozjar għandhom japplikaw għal offerti bħal dawn.

    3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

    (a)

    negozjar f’ishma proprji fi programmi ta’ riakkwist, meta tali negozjar jitwettaq b’konformità mal-Artikoli 5(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (b)

    negozjar f’titoli jew strumenti assoċjati kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għall-istabbilizzazzjoni ta’ titoli, meta tali negozjar jitwettaq b’konformità mal-Artikoli 5(4) u (5) ta’ dak ir-Regolament;

    (c)

    tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba mwettqa b’segwitu għal politika monetarja, ta’ rata tal-kambju jew ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku b’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba mwettqa b’konformità mal-Artikolu 6(2) tiegħu, attivitajiet imwettqa b’segwitu għall-politika tal-Unjoni dwar il-klima b’konformità mal-Artikolu 6(3) tiegħu, jew attivitajiet imwettqa b’segwitu għall-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni jew il-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni, b’konformità mal-Artikolu 6(4) tiegħu;

    4.   L-Artikolu 5 għandu japplika wkoll għal:

    (a)

    kuntratti spot dwar il-komoditajiet, li mhumiex prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, fejn it-tranżazzjoni, l-ordni jew l-imġiba jkollha effett fuq il-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

    (b)

    tipi ta’ strumenti finanzjarji, inklużi kuntratti ta’ derivati jew strumenti ta’ derivati għat-trasferiment ta’ riskju tal-kreditu fejn it-tranżazzjoni, l-ordni, l-offerta jew l-imġiba jkollha effett fuq il-prezz jew il-valur ta’ kuntratt spot ta’ komoditajiet meta l-prezz jew il-valur jiddependi fuq il-prezz jew il-valur ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji;

    (c)

    imġiba marbuta ma’ parametri ta’ riferenza.

    5.   Din id-Direttiva tapplika għal kwalunkwe tranżazzjoni, ordni jew imġiba li tikkonċerna l-istrument finanzjarju, msemmi fil-paragrafi 2 u 4, irrispettivament minn jekk tali tranżazzjoni, ordni jew imġiba sseħħx f’post tan-negozjar.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “Strument finanzjarju” tfisser kwalunkwe strument finanzjarju kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

    (2)

    “kuntratt spot dwar komoditajiet,” tfisser kuntratt spot dwar komoditajiet kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (3)

    “programm ta’ riakkwist” tfisser in-negozjar fl-ishma proprji skont l-Artikoli 21 sa 27 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

    (4)

    “informazzjoni privileġġata” tfisser informazzjoni skont l-Artikolu 7(1)sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (5)

    “kwota tal-emissjonijiet” kwota tal-emissjonijiet kif deskritta fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (6)

    “parametru ta’ referenza” tfisser parametru ta’ referenza kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (7)

    “prattika tas-suq aċċettata” tfisser prattika tas-suq speċifika li tkun aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (8)

    “stabbilizzazzjoni” tfisser stabbilizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 3(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

    (9)

    “suq regolat” tfisser suq regolat kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (10)

    “faċilità multilaterali tan-negozjar” jew “MTF” tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (11)

    “faċilità organizzata tan-negozjar” jew “OTF” tfisser faċilità organizzata tan-negozjar kif definit fil-punt (23) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (12)

    “post tan-negozjar” tfisser post tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (13)

    “prodott tal-enerġija bl-ingrossa” tfisser prodott tal-enerġija bl-ingrossa kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

    (14)

    “emittent” tfisser “emittent ta’ strument finanzjarju” kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

    Artikolu 3

    Abbuż minn informazzjoni privileġġata, rakkomandazzjoni jew tħeġġiġ lil ħaddieħor biex jinvolvi ruħu f’abbuż minn informazzjoni privileġġata

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, ir-rakkomandazzjoni jew it-tħeġġiġ lil ħaddieħor biex jinvolvi ruħu f’abbuż minn informazzjoni privileġġata msemmi fil-paragrafi 2 sa 8, jikkostitwixxu reati kriminali għall-inqas f’każijiet serji u meta mwettqa intenzjonalment.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-abbuż minn informazzjoni privileġġata sseħħ meta persuna jkollha informazzjoni privileġġata u tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tagħmel ċessjoni ta’, akkont tagħha jew akkont ta’ parti terza, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li magħhom tkun marbuta dik l-informazzjoni.

    3.   Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe persuna li jkollha informazzjoni privileġġata minħabba li:

    (a)

    tkun membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta’ sorveljanza tal-emittent jew tkun parteċipant fis-suq tal-kwota tal-emissjonijiet;

    (b)

    ikollha sehem fil-kapital tal-emittent jew tkun parteċipant fis-suq tal-kwota tal-emissjonijiet;

    (c)

    ikollha aċċess għall-informazzjoni permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet; jew

    (d)

    tkun involuta f’attivitajiet kriminali.

    Dan l-Artikolu japplika wkoll għal kwalunkwe persuna li kisbet informazzjoni privileġġata f’ċirkostanzi għajr dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu meta dik il-persuna tkun taf li hija informazzjoni privileġġata.

    4.   L-użu ta’ informazzjoni privileġġata billi tiġi kkanċellata jew emendata ordni rigward strument finanzjarju li l-informazzjoni tkun relatata miegħu meta dik l-ordni tkun saret qabel ma l-persuna kkonċernata kellha l-informazzjoni privileġġata, għandu jitqies ukoll bħala abbuż minn informazzjoni privileġġata.

    5.   B’rabta mal-irkanti ta’ kwoti tal-emissjonijiet jew prodotti rkantati oħra bbażati fuqhom li jinżammu skont ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010, l-użu ta’ informazzjoni privileġġata msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkonsisti wkoll fil-preżentazzjoni, il-modifika jew l-irtirar ta’ offerta minn persuna għall-kont proprju tagħha jew għall-kont ta’ parti terza.

    6.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, rakkomandazzjoni biex persuna oħra tidħol f’abbuż minn informazzjoni privileġġata, jew persważjoni fil-konfront ta’ persuna oħra biex tinvolvi ruħha f’abbuż minn informazzjoni privileġġata, isseħħ meta l-persuna jkollha informazzjoni privileġġata u:

    (a)

    tirrakkomanda, abbażi ta’ dik l-informazzjoni, li persuna oħra takkwista jew tagħmel ċessjoni minn strumenti finanzjarji li tkun relatata magħhom dik l-informazzjoni, jew tissuġġerixxi lil dik il-persuna biex tagħmel tali akkwist jew ċessjoni; jew

    (b)

    tirrakkomanda, abbażi ta’ dik l-informazzjoni, li persuna oħra tikkanċella jew temenda ordni li tikkonċerna strument finanzjarju li tkun relatata magħhom dik l-informazzjoni, jew tissuġġerixxi lil dik il-persuna biex tagħmel tali kanċellazzjoni jew emenda.

    7.   L-użu ta’ rakkomandazzjonijiet jew tħeġġiġ imsemmija fil-paragrafu 6 jammonta għal abbuż minn informazzjoni privileġġata meta l-persuna li qed tuża r-rakkomandazzjoni jew is-suġġeriment tkun taf li hija bbażata fuq informazzjoni privileġġata.

    8.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-fatt biss li persuna jkollha jew kellha informazzjoni privileġġata m’għandux jimplika li dik il-persuna użat dik l-informazzjoni u li kienet involuta f’abbuż minn informazzjoni privileġġata abbażi ta’ akkwist jew ċessjoni, meta l-imġiba tagħha tikkwalifika bħala leġittima skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

    Artikolu 4

    L-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-manipulazzjoni tas-suq msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 tikkostitwixxi reati kriminali għall-inqas f’każijiet serji u meta mwettqa intenzjonalment.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata jseħħ meta persuna jkollha informazzjoni privileġġata tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra, għajr meta l-iżvelar iseħħ waqt eżerċizzju normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet, inkluż meta l-iżvelar jikkwalifika bħala konsultazzjoni tas-suq b’konformità mal-Artikolu 11(1) sa (8) tar-Regolament (EU) Nru 596/2014.

    3.   Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe persuna fis-sitwazzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 3(3).

    4.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-iżvelar suċċessiv ta’ rakkomandazzjonijiet jew suġġerimenti imsemmi fl-Artikolu 3(6) jammonta għal żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata skont dan l-Artikolu fejn l-persuna li tiżvela r-rakkomandazzjoni jew is-suġġeriment tkun taf li dan kien ibbażat fuq informazzjoni privileġġata.

    5.   Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat b’konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni.

    Artikolu 5

    Manipulazzjoni tas-suq

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-manipulazzjoni tas-suq kif msemmija fil-paragrafu 2 tikkostitwixxi reati kriminali għall-inqas f’każijiet serji u meta titwettaq intenzjonalment.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-manipulazzjoni tas-suq għandha tinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew xi mġiba oħra li:

    (i)

    tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ strument finanzjarju jew kuntratt spot relatat dwar il-komoditajiet; jew

    (ii)

    tiżgura l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet f’livell anormali jew artifiċjali;

    sakemm ir-raġunijiet li għalihom dan isir mill-persuna li daħlet fit-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordnijiet għal negozjar ma jkunux leġittimi, u dawk it-tranżazzjonijiet jew ordnijiet għal negozjar ikunu f’konformità ma’ prattiki aċċettati tas-suq dwar il-post ta’ negozjar ikkonċernat;

    (b)

    id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew kwalunkwe attività jew imġiba oħra li taffettwa l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar, jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet, li juża tagħmir fittizju jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew strataġemma;

    (c)

    it-tqassim ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-Internet, jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, li tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ strumenti finanzjarji jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet, jew tiżgura l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet f’livell anormali jew artifiċjali, fejn il-persuni li jagħmlu t-tqassim jieħdu għalihom infushom jew għal persuna oħra, vantaġġ jew profitt mit-tqassim tal-informazzjoni inkwistjoni; jew

    (d)

    it-trasmissjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew il-forniment ta’ inputs foloz jew qarrieqa, jew kwalunkwe mġiba oħra li timmanipula l-kalkolu ta’ parametru ta’ referenza.

    Artikolu 6

    Inċitament, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità tar-reati msemmija fl-Artikoli 3(2) sa (5) u l-Artikoli 4 u 5, ikunu punibbli bħala reat kriminali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) sa (5) u (7) u l-Artikolu 5, ikun punibbli bħala reat kriminali.

    3.   L-Artikolu 3(8) japplika mutatis mutandis.

    Artikoli 7

    Pieni kriminali għal persuni fiżiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 5 jkunu punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas erba’ snin.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 4 jkun punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas sentejn.

    Artikolu 8

    Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’:

    (a)

    setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

    (b)

    awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

    (c)

    awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamel possibbli t-twettiq ta’ reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

    3.   Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu involuti bħala awturi, inċitaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6.

    Artikolu 9

    Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 8 tiġi soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

    (a)

    l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

    (b)

    l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

    (c)

    it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

    (d)

    l-istralċ ġudizzjarju;

    (e)

    l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

    Artikolu 10

    Ġurisdizzjoni

    1.   L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, fejn ir-reat ikun twettaq:

    (a)

    interament jew parzjalment fit-territorju tagħhom; jew

    (b)

    minn wieħed miċ-ċittadini tagħhom, għall-inqas f’każijiet fejn l-att huwa reat kriminali fil-post fejn ikun sar.

    2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn huwa jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni ulterjuri fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 li jkunu twettqu barra t-territorju tiegħu, fejn:

    (a)

    ir-residenza abitwali tat-trasgressur tinsab fit-territorju tiegħu; jew

    (b)

    ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju.

    Artikolu 11

    Taħriġ

    Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jitolbu lil dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi, il-pulizija u l-persunal ġudizzjarju u dak tal-awtoritajiet kompetenti involuti fi proċedimenti u l-investigazzjonijiet kriminali biex jipprovdu taħriġ xieraq fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 12

    Rapport

    Sal-4 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ din id-Direttiva u, jekk meħtieġ, dwar il-ħtieġa li tiġi emendata, inkluż fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ każijiet serji kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1), il-livell ta’ sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri u sa fejn l-elementi fakultattivi msemmija fid-Direttiva ġew adottati.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, jekk ikun il-każ, jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

    Artikolu 13

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-3 ta' Lulju 2016, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-3 ta' Lulju 2016 u suġġett għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Article 15

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU C 161, 7.6.2012, p. 3.

    (2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 64.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta’ April 2014.

    (4)  Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16).

    (5)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  ĠU C 177, 20.6.2012, p. 1.

    (7)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità, (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

    (8)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar swieq fi strumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2011/61/UE u d-Direttiva 2002/92/KE (Ara paġna 349 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (9)  Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 74).

    (10)  Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).


    Top