Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0687

    2013/687/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Novembru 2013 dwar in-notifika mir-Repubblika Ellenika ta’ pjan nazzjonali tranżitorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument C(2013) 8133)

    ĠU L 317, 28.11.2013, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/687/oj

    28.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/35


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-26 ta’ Novembru 2013

    dwar in-notifika mir-Repubblika Ellenika ta’ pjan nazzjonali tranżitorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali

    (notifikata bid-dokument C(2013) 8133)

    (It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

    (2013/687/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat lill-Kummissjoni l-pjan nazzjonali tranżitorju (TNP) tagħha fid-19 ta’ Diċembru 2012 (2).

    (2)

    Matul il-valutazzjoni tagħha tal-kompletezza tat-TNP, il-Kummissjoni sabet li kien hemm informazzjoni nieqsa rigward id-data li fiha ngħata l-ewwel permess. Għaldaqstant, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2013 (3), il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Elleniċi biex jipprovdu l-informazzjoni nieqsa kif ukoll kjarifika dwar il-kapaċità termali kklassifikata totali ta’ impjant tal-kombustjoni wieħed.

    (3)

    Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 2013 (4).

    (4)

    Wara valutazzjoni ulterjuri tat-TNP u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra fit-8 ta’ Lulju 2013 (5), fejn tenniet it-talba tagħha għall-informazzjoni dwar id-data li fiha ngħata l-ewwel l-permess għal diversi impjanti, u talbet kjarifika dwar l-użu għal impjant wieħed tad-deroga msemmija fin-Nota 4 fit-Tabella C1 tal-Appendiċi C tal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE tal-10 ta’ Frar 2012 li tistabbilixxi regoli dwar il-pjanijiet nazzjonali tranżizzjonali msemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (6).

    (5)

    Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2013 (7), ir-Repubblika Ellenika pprovdiet l-informazzjoni u l-kjarifiki addizzjonali mitluba, b’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    (6)

    Għaldaqstant, it-TNP ġie vvalutat mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    (7)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat il-konsistenza u l-korrettezza tad-dejta, is-suppożizzjonijiet u l-kalkoli użati biex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ta’ kull wieħed mill-impjanti tal-kombustjoni koperti mit-TNP għal-limiti massimi tal-emissjoni stabbiliti fit-TNP, u analizzat jekk dan jinkludix objettivi u miri, miżuri u skedi relatati biex jintlaħqu dawn l-objettivi u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex jivvaluta l-konformità fil-ġejjieni.

    (8)

    Il-Kummissjoni sabet li l-limiti massimi tal-emissjoni għas-snin 2016 u 2019 ġew ikkalkulati bl-użu ta’ dejta u formuli xierqa u li l-kalkoli kienu korretti. Ir-Repubblika Ellenika pprovdiet biżżejjed informazzjoni dwar il-miżuri li se jiġu implimentati sabiex jintlaħqu l-limiti massimi tal-emissjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tat-TNP.

    (9)

    Wara li ġiet ippreżentata l-informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tinsab sodisfatta li l-awtoritajiet Elleniċi kkunsidraw id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    (10)

    Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tat-TNP għandha tkun bla ħsara għal liġijiet oħra nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. B’mod partikolari, billi tistabbilixxi kundizzjonijiet għal permess individwali għall-impjanti tal-kombustjoni koperti mit-TNP, ir-Repubblika Ellenika timpenja ruħha biex tiżgura li ma tiġix ipperikolata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti, inter alia, fid-Direttiva 2010/75/UE, fid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (8) u fid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (9).

    (11)

    L-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2010/75/UE jeżiġi li r-Repubblika Ellenika tinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil sussegwenti fit-TNP. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dak it-tibdil jikkonformax mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Fuq il-bażi tal-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, ma tqajmux oġġezzjonijiet kontra l-pjan nazzjonali tranżitorju (TNP) li r-Repubblika Ellenika nnotifikat lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012 skont l-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE, kif emendat skont l-informazzjoni addizzjonali mibgħuta fil-25 ta’ Ġunju 2013 u t-30 ta’ Lulju 2013 (10).

    2.   L-ismijiet tal-impjanti koperti mit-TNP, is-sustanzi li jniġġsu li għalihom huma koperti dawk l-impjanti, u l-limiti massimi ta’ emissjoni applikabbli huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    3.   L-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali tranżitorju mill-awtoritajiet Elleniċi ma għandhiex teżenta lir-Repubblika Ellenika minn konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet minn impjanti ta’ kombustjoni individwali koperti mill-pjan, u ma’ korpi oħra rilevanti tal-liġi ambjentali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk kwalunkwe tibdil sussegwenti fit-TNP, li jiġi notifikat mir-Repubblika Ellenika fil-ġejjieni, jikkonformax mad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (2)  In-notifika mir-Repubblika Ellenika waslet bil-posta elettronika fid-19 ta’ Diċembru 2012 u ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni Ewropea fl-istess data bin-numru ta’ reġistrazzjoni: Ares(2012)1526291.

    (3)  Ares(2013)1981975.

    (4)  Ares(2013)2480530.

    (5)  Ares(2013)2586817.

    (6)  ĠU L 52, 24.2.2012, p. 12.

    (7)  Ares(2013)2847956.

    (8)  ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

    (9)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

    (10)  Il-verżjoni konsolidata tat-TNP ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Awwissu 2013 bin-numru ta’ reġistrazzjoni Ares(2013)2847956.


    ANNESS

    Lista ta’ impjanti inklużi fit-TNP

    Numru

    L-isem tal-impjant

    Kapaċità termali kklassifikata totali fil-31.12.2010 (MW)

    Sustanzi li jniġġsu li huma koperti minn TNP

    SO2

    NOx

    trab

    1

    Megalopolis 3

    839

    2

    Megalopolis 4

    822

    3

    Meliti 1

    796

    4

    Agios Dimitrios 1-2

    1 524

    5

    Agios Dimitrios 3-4

    1 574

    6

    Agios Dimitrios 5

    892

    7

    Kardia 3

    812

    8

    Kardia 4

    812


    Ħarsa ġenerali lejn il-limiti massimi tal-emissjonijiet

    (tunnellati)

     

    2016

    2017

    2018

    2019

    1.1 – 30.6.2020

    SO2

    42 915

    35 763

    28 611

    21 459

    10 730

    NOx

    21 459

    21 459

    21 459

    21 459

    10 730

    trab

    8 493

    6 378

    4 262

    2 147

    1 074


    Top