Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1018

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1018/2013 tat- 23 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 282, 24.10.2013, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 282, 24.10.2013, p. 15–17 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1018/oj

    24.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 282/43


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1018/2013

    tat-23 ta’ Ottubru 2013

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (2).

    (2)

    Madankollu, fiż-żmien tal-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa, kien hemm għadd ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma ġewx iffinalizzati l-evalwazzjoni tagħhom mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (“l-Awtorità”) jew l-analiżi tagħhom mill-Kummissjoni (3).

    (3)

    Fost dawn l-indikazzjonijiet, l-Awtorità tat valutazzjoni tajba tal-indikazzjoni dwar is-saħħa li kienet tirreferi għall-effett tal-karboidrati fil-manteniment tal-funzjoni tal-moħħ, u dwar din l-indikazzjoni pproponiet li bħala kundizzjonijiet xierqa għall-użu jinkiteb “l-inġestjoni ta’ 130 g ta’ karboidrati glikimiċi kuljum hija stmata li tissodisfa l-eżiġenza ta’ glukożju mill-moħħ” (4).

    (4)

    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li l-indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa jridu jkunu akkumpanjati mill-kundizzjonijiet kollha meħtieġa (inklużi r-restrizzjonijiet) għall-użu tagħhom. Għaldaqstant, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi għandha tinkludi l-kliem tal-indikazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu tal-indikazzjonijiet, u fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet tal-użu u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u b’konformità mal-opinjonijiet tal-Awtorità.

    (5)

    Iżda kien hemm għadd ta’ Stati Membri li espremew it-tħassib li din l-awtorizzazzjoni bil-kundizzjonijiet ta’ użu tagħha tista’ tippromwovi u tinkoraġġixxi l-konsum ta’ oġġetti tal-ikel li jkun fihom zokkor miżjud minbarra z-zokkor li fihom naturali. Barra minn hekk, tkun qed tagħti messaġġ konfliġġenti u li jħawwad lill-konsumaturi, partikolarment fid-dawl tal-parir li jingħata f’livell nazzjonali biex il-konsumaturi jnaqqsu miz-zokkor li jieħdu. Huwa meqjus li, għal din l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, il-problema ta’ għanijiet konfliġġenti tista’ tiġi indirizzata jekk l-indikazzjoni tkun awtorizzata li tintuża biss f’kundizzjonijiet speċifiċi limitati għal oġġetti tal-ikel li jkun fihom ftit zokkor jew li ma jkunz żdiedilhom zokkor, iżda jista’ jkun fihom zokkor naturali.

    (6)

    Biex l-operaturi tan-negozju tal-ikel ikunu jistgħu jaddattaw ruħhom għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament dan għandu jibda japplika sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (7)

    B’konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ir-Reġistru tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li fih l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati kollha, għandu jiġi aġġornat fid-dawl tar-Regolament preżenti.

    (8)

    Meta stabbiliet il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qieset il-kummenti u l-pożizzjonijiet li rċeviet mingħand il-membri tal-pubbliku u l-partijiet interessati.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mit-13 ta’ Mejju 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1.

    (3)  Jikkorrispondu għal 2232 annotazzjoni (IDs) fil-lista kkonsolidata.

    (4)  http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2226.pdf


    ANNESS

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 432/2012 tiddaħħal din l-entrata f’ordni alfabetika:

    Nutrijent, sustanza, prodott tal-ikel jew kategorija tal-ikel

    Indikazzjoni

    Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni

    Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

    In-numru tal-Ġurnal tal-EFSA

    Numru ta’ annotazzjoni fil-Lista Kkonsolidata mressqa lill-EFSA għall-valutazzjoni tagħha

    “Karboidrati

    Il-karboidrati jikkontribwixxu għall-manteniment tal-funzjoni normali tal-moħħ

    Biex tintwera l-indikazzjoni, għandu jingħata tagħrif lill-konsumaturi li l-effett it-tajjeb jinkiseb permezz ta’ doża ta’ kuljum ta’ 130 g ta’ karboidrati mis-sorsi kollha.

    L-indikazzjoni tista’ tintuża għall-ikel li fih mill-inqas 20 g karboidrati, minbarra l-polijoli, li huma metabolizzati mill-bniedem, għal kull porzjon ikkwantifikat, u li jikkonforma mal-indikazzjoni dwar is-saħħa LIVELL BAXX TA’ ZOKKOR jew BLA ZOKKOR MIŻJUD kif elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

    L-indikazzjoni ma għandhiex tintuża fuq ikel li jkun 100 % zokkor.

    2011;9(6):2226

    603,653 ”


    Top