Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0498

    2012/498/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Awwissu 2012 li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE fir-rigward tas-setturi u s-subsetturi li huma meqjusa esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5715) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 241, 7.9.2012, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32019R0331

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/498/oj

    7.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 241/52


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Awwissu 2012

    li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE fir-rigward tas-setturi u s-subsetturi li huma meqjusa esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5715)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/498/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 10a(1) u (13) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE (2) tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE, lista ta’ setturi u subsetturi li huma meqjusa esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (3) tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE.

    (3)

    Kull sena settur jew subsettur jista’ jiżdied mal-lista ta’ setturi u subsetturi li huma meqjusa esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju wara li ġie muri, f’rapport analitiku, li s-settur jew is-subsettur jissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafi 14 u 17 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, wara bidla li għandha impatt sostanzjali fuq l-attivitajiet tas-settur jew tas-subsettur.

    (4)

    Xi setturi li ma nstabux li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell NACE-4 fid-Deċiżjoni 2010/2/UE ġew diżaggregati u għadd ta’ subsetturi korrispondenti, li għalihom ċerti karatteristiċi speċifiċi u distintivi wasslu għal impatti differenti b’mod sinifikanti mill-bqija tas-settur, ġew ivvalutati. Għas-subsetturi “Drapp irqiq, xbieki, twapet żgħar, saqqijiet, twavel u prodotti oħrajn tal-fibri tal-ħġieġ, minbarra tessuti minsuġa” u “Suf tal-gagazza, suf tal-blat u suf minerali simili u t-taħlitiet tagħhom, fi kwantitajiet kbar, folji jew rombli”, din il-valutazzjoni wriet li jistgħu jintgħarfu faċilment minn subsetturi oħra abbażi ta’ karatteristiċi speċifiċi u li huma jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 10a(15) tad-Direttiva 2003/87/KE. Is-subsetturi “Drapp irqiq, xbieki, twapet żgħar, saqqijiet, twavel u prodotti oħrajn tal-fibri tal-ħġieġ, minbarra tessuti minsuġa” u “Suf tal-gagazza, suf tal-blat u suf minerali simili u t-taħlitiet tagħhom, fi kwantitajiet kbar, folji jew rombli” għandhom jiżdiedu mal-lista tas-setturi u s-subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

    (5)

    Il-kodiċi 2614 tal-livell NACE-4 “Manifattura tal-fibri tal-ħġieġ” tikkonsisti minn żewġ kodiċi Prodcom ta’ 6-ċifri. “261411 Ħjut, ftietel, ħjut mibrumin u ħjut imqatta’, tal-fibra tal-ħġieġ” u “261412 Drapp irqiq, xbieki, twapet żgħar, saqqijiet, twavel u prodotti oħrajn tal-fibri tal-ħġieġ, minbarra tessuti minsuġa”. Fid-Deċiżjoni 2010/2/UE, is-subsettur kopert permezz tal-kodiċi Prodcom ta’ 6 ċifri, 261411 kien meqjus li hu espost għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, se jkun kopert is-settur kollu tal-livell NACE 4 2614. Biż-żieda wkoll tal-kodiċi Prodcom 261412 mal-lista ta’ setturi u subsetturi li huma meqjusa esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, il-kodiċi 2614 tal-livell NACE 4 ġiet miżjuda mat-Taqsima 1.2 tal-lista, filwaqt li l-kodiċi Prodcom 261411 tħassret mit-Taqsima 2.

    (6)

    Id-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Deċiżjoni 2010/2/UE

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2010/2/UE huwa emendat skont l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Deċiżjoni 2011/278/UE

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa emendat skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Connie HEDEGAARD

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10.

    (3)  ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1.


    ANNESS I

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2010/2/UE huwa emendat kif ġej:

    1.

    Fit-Taqsima 1.2, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata 2613:

    Kodiċi NACE

    Deskrizzjoni

    “2614

    Manifattura tal-fibri tal-ħġieġ”

    2.

    It-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

    (a)

    L-entrata li jmiss titħassar:

    Kodiċi Prodcom

    Deskrizzjoni

    “261411

    Ħjut, ftietel, ħjut mibrumin u ħjut imqatta’, tal-fibra tal-ħġieġ”

    (b)

    L-entrata li jmiss tiddaħħal wara l-entrata 26821400:

    Kodiċi Prodcom

    Deskrizzjoni

    “26821610

    Suf tal-gagazza, suf tal-blat u suf minerali simili u t-taħlitiet tagħhom, fi kwantitajeit kbar, folji jew rombli”


    ANNESS II

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-entrata li tikkorrispondi għall-parametru referenzjarju tal-prodott “Suf minerali” tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    Parametru referenzjarju tal-prodott

    Definizzjoni tal-prodotti koperti

    Definizzjoni tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti

    (limiti tas-sistema)

    Esponiment għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif determinat mid-Deċiżjoni 2010/2/UE għas-snin 2013 u 2014

    Parametru referenzjarju

    (kwoti/t)

    “Suf minerali

    Prodotti ta’ insulazzjoni ta’ suf minerali għal applikazzjonijiet termali, akustiċi u tan-nar, immanifatturati bl-użu ta’ ħġieġ, blat jew suf tal-gagazza.

    Il-proċessi kollha, marbuta b’mod dirett jew indirett mal-passi ta’ produzzjoni tat-tidwib, is-sfibratura u l-injezzjoni ta’ aġent li jgħaqqad u t-twebbis u t-tnixxif u l-iffurmar huma inklużi. Għad-determinazzjoni ta’ emissjonijiet indiretti, il-konsum totali tal-elettriku fil-limiti tas-sistema għandu jiġi kkunsidrat.

    iva

    0,682 ”


    Top