Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0651

    Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro

    ĠU L 201, 27.7.2012, p. 135–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/651/oj

    27.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/135


    REGOLAMENT (UE) Nru 651/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-4 ta’ Lulju 2012

    dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1998 u tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar il-muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/23/KE tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (3), approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (4), jirrakkomandaw prattika fir-rigward tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, inklużi muniti tal-euro kommemorattivi, u konsultazzjoni qabel il-qerda ta’ muniti tal-euro li jkunu tajbin għaċ-ċirkolazzjoni u l-użu ta’ muniti tal-euro għall-kolletturi.

    (2)

    In-nuqqas tad-dispożizzjonijiet obbligatorji għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro jista' jirriżulta fi prattika differenti bejn Stat Membru u ieħor u ma jwassalx għal qafas integrat biżżejjed għall-munita waħdanija. Fl-interessi tat-trasparenza u taċ-ċertezza legali, hu għalhekk neċessarju li jiġu introdotti regoli li jorbtu dwar il-ħruġ ta’ muniti tal-euro.

    (3)

    Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (5), il-muniti denominati fl-euro u ċ-ċenteżmi u li jikkonformaw mad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati mill-Kunsill għandhom l-istatus ta’ munita legali fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. Id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ muniti tal-euro huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (6).

    (4)

    L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom ikunu jistgħu joħorġu wkoll muniti ta’ żewġ euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni sabiex jiċċelebraw avvenimenti speċifiċi, skont il-limiti ffissati kull sena u li jkunu applikabbli għal kull Stat Membru li joħorġ il-muniti fir-rigward tan-numru ta’ ħruġ ta’ tali muniti li jinħarġu. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti limiti fuq il-volumi għall-muniti tal-euro kommemorattivi biex ikun żgurat li dawn il-muniti jibqgħu perċentwal żgħir mill-għadd totali tal-muniti ta’ żewġ euro fiċ-ċirkolazzjoni. Dawn il-limiti fuq il-volumi għandhom, madankollu, jippermettu l-ħruġ ta’ volum ta’ muniti biżżejjed li jiżgura li l-muniti tal-euro kommemorattivi jistgħu jiċċirkolaw b'mod effettiv.

    (5)

    L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom ikunu jistgħu joħorġu muniti tal-euro għall-kolletturi, li ma jkunux maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u li għandhom ikunu jistgħu jintgħarfu mingħajr diffikultà mill-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Il-muniti tal-euro għall-kolletturi għandu jkollhom status ta’ munita legali biss fl-Istat Membru li joħroġhom u ma għandhomx jinħarġu bil-ħsieb li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

    (6)

    Huwa kunsiljabbli li jittieħed kont tal-ħruġ tal-muniti tal-euro għall-kolletturi fil-volum ta’ muniti li jiġi approvat mill-Bank Ċentrali Ewropew, iżda dan għandu jsir fuq bażi globali milli għal kull ħarġa individwali.

    (7)

    L-użu ta’ denominazzjoni differenti ta’ muniti tal-euro u ta’ karti tal-flus tal-euro, kif attwalment imfasslin, għandu jiġi eżaminat perjodikament u bir-reqqa mill-istituzzjonijiet kompetenti fid-dawl tal-kriterji tal-ispejjeż u ta’ aċċettabbiltà pubblika. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-impatt fuq il-ħruġ kontinwat tal-muniti ta’ ċenteżmu u ta’ żewġ ċenteżmi.

    (8)

    Sabiex ikun evitat li muniti tal-euro li jkunu tajbin għaċ-ċirkolazzjoni jinqerdu minn Stat Membru wieħed waqt li jista' jkun hemm il-ħtieġa ta’ dawn il-muniti fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel jinqerdu dawn il-muniti,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (1)

    “muniti għaċ-ċirkolazzjoni” tfisser muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 975/98;

    (2)

    “muniti kommemorattivi” tfisser muniti għaċ-ċirkolazzjoni, li huma maħsuba biex jikkommemoraw suġġett speċifiku kif speċifikat fl-Artikolu 1h tar-Regolament (KE) Nru 975/98;

    (3)

    “muniti għall-kolletturi” tfisser muniti tal-euro maħsuba għall-kollezzjoni li ma jkunux maħruġin sabiex jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

    Artikolu 2

    Tipi ta’ muniti tal-euro

    1.   L-Istati Membri jistgħu joħorġu żewġ tipi ta’ muniti tal-euro: muniti għaċ-ċirkolazzjoni u muniti għall-kolletturi.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-impatt fuq il-ħruġ kontinwat tal-muniti ta’ ċenteżmu u ta’ żewġ ċenteżmi. Dik l-istima ta’ impatt għandha tinkludi analiżi fir-rigward tal-benefiċċji korrispondenti għall-ispejjeż li tqis l-ispejjeż reali tal-produzzjoni ta’ dawk il-muniti fl-isfond tal-valur u l-benefiċċji tagħhom.

    Artikolu 3

    Ħruġ tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni

    1.   Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jinħarġu u jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni fil-valur nominali tagħhom.

    2.   Proporzjon minuri, li ma jaqbiżx il-5 % tal-valur nett totali kumulat u tal-volum tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni maħruġin minn Stat Membru, b'kont meħud biss tas-snin ta’ ħruġ nett pożittiv, jista' jitqiegħed fis-suq b'valur nominali ogħla jekk dan ikun ġustifikat mill-kwalità speċjali tal-munita, minn preżentazzjoni f'pakkett speċjali jew minn kwalunkwe servizz addizzjonali pprovdut.

    Artikolu 4

    Ħruġ tal-muniti tal-euro kommemorattivi

    1.   Kull Stat Membru li l-munita tagħhom hija l-euro jista' joħroġ biss żewġ muniti kommemorattivi fis-sena, għajr fejn:

    (a)

    jinħarġu b'mod kollettiv muniti kommemorattivi mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro; jew

    (b)

    tinħareġ munita kommemorattiva fl-okkażjoni ta’ post temporanju vakanti jew ta’ kariga provviżorja tal-funzjoni ta’ Kap tal-Istat.

    2.   L-għadd totali ta’ muniti kommemorattivi imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni għal kull ħarġa individwali ma għandux jaqbeż l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin:

    (a)

    0,1 % tal-għadd nett totali kumulat tal-muniti ta’ żewġ euro mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro sal-bidu tas-sena qabel is-sena ta’ ħruġ tal-munita kommemorattiva; dan il-limitu jista' jogħla għal 2,0 % tal-għadd nett totali kumulat tal-muniti ta’ żewġ euro tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro jekk ikun kommemorat suġġett ampjament rikonoxxut u ferm simboliku, li f'każ bħal dan, l-Istat Membru li jagħmel il-ħarġa għandu joqgħod lura milli jniedi munita kommemorattiva oħra li tuża l-limitu miżjud matul l-erba' snin sussegwenti u għandu jagħti r-raġunijiet għala għażel il-limitu miżjud; jew

    (b)

    5,0 % tal-għadd nett totali kumulat tal-muniti ta’ żewġ euro mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat sal-bidu tas-sena qabel is-sena ta’ ħruġ tal-munita kommemorattiva.

    3.   Id-deċiżjoni jekk isirx il-ħruġ ta’ muniti kommemorattivi b'disinn komuni, maħruġin b'mod kollettiv mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, għandu jittieħed mill-Kunsill. Id-drittijiet ta’ vot tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom ikunu sospiżi għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Ħruġ tal-muniti għall-kolletturi

    1.   Il-muniti għall-kolletturi għandhom ikollhom l-istatus ta’ munita legali biss fl-Istat Membru li joħroġhom.

    L-identità tal-Istat Membru li jagħmel il-ħarġa għandha tkun rikonoxxibbli b'mod ċar u faċli fuq il-munita.

    2.   Sabiex ikunu faċilment distingwibbli mill-muniti għaċ-ċirkolazzjoni, il-muniti għall-kolletturi għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

    (a)

    il-valur nominali tagħhom għandu jkun differenti mill-valuri nominali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni;

    (b)

    l-immaġni tagħhom m'għandhiex tkun simili għan-naħat komuni ta’ muniti għaċ-ċirkolazzjoni, u jekk l-immaġini tagħhom tkun simili għal xi naħa nazzjonali ta’ muniti għaċ-ċirkolazzjoni, l-apparenza globali tagħhom tkun xorta waħda faċilment distingwibbli;

    (c)

    il-lewn, id-dijametru u l-piż tagħhom għandhom ivarjaw b'mod sinifikanti mill-muniti għaċ-ċirkolazzjoni fir-rigward ta’ mill-anqas tnejn minn dawn it-tliet karatterstiċi; id-differenza għandha titqies bħala sinifikanti jekk il-valuri inklużi t-tolleranzi jkunu barra mill-firxiet ta’ tolleranzi stabbiliti għall-muniti għaċ-ċirkolazzjoni; u

    (d)

    xifirhom ma għandux ikollu forma ta’ arzell jew forma ta’ “fjura Spanjola”.

    3.   Il-muniti għall-kolletturi jistgħu jitqiegħdu fis-suq fil-valur nominali tagħhom jew f'valur ogħla.

    4.   Għandu jittieħed kont tal-ħarġiet tal-muniti għall-kolletturi fuq bażi globali fid-dawl tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti li għandu jiġi approvat mill-Bank Ċentrali Ewropew.

    5   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiskuraġġixxu l-użu ta’ muniti għall-kolletturi bħala mezz ta’ ħlas.

    Artikolu 6

    Konsultazzjoni qabel il-qerda tal-muniti fiċ-ċirkolazzjoni

    Qabel jinqerdu l-muniti għaċ-ċirkolazzjoni li ma jkunux muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (7), l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tas-sottokumitat rilevanti tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jinformaw lid-diretturi taz-zekek tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 273, 16.9.2011, p. 2.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2012.

    (3)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52.

    (4)  ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70.

    (5)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

    (6)  ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.

    (7)  ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1.


    Top