This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011L0016
Council Directive 2011/16/EU of 15 February 2011 on administrative cooperation in the field of taxation and repealing Directive 77/799/EEC
Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal- 15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE
Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal- 15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE
ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2024
11.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 64/1 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/16/UE
tal-15 ta' Frar 2011
dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Il-ħtieġa tal-Istati Membri għal assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni qed tikber rapidament f'era globalizzata. Hemm żvilupp tremend fil-mobbiltà tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta' transazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti. Din id-diffikultà dejjem tiżdied taffettwa l-funzjonament tas-sistemi fiskali u tinvolvi tasssazzjoni doppja, li minnha nnifisha tinċita l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali, filwaqt li s-setgħat ta' kontroll jibqgħu f'livell nazzjonali. B'hekk dan jikkomprometti l-funzjonament tas-suq intern. |
(2) |
Għalhekk, Stat Membru wieħed ma jistax jimmaniġġja s-sistema fiskali interna tiegħu speċjalment fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, mingħajr ma jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħrajn. Sabiex jingħelbu l-effetti negattivi ta' dan il-fenomenu, huwa indispensabbli li tiġi żviluppata kooperazzjoni amministrattiva ġdida bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Huma meħtieġa strumenti b'potenzjal li x'aktarx joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri, bl-istabbiliment tal-istess regoli, obbligi u drittijiet għall-Istati Membri kollha. |
(3) |
Għalhekk, għandu jittieħed approċċ ġdid bil-ħolqien ta' test ġdid biex l-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex jikkooperaw effiċjentement fil-livell internazzjonali biex jegħlbu l-effetti negattivi ta' globalizzazzjoni dejjem tikber fis-suq intern. |
(4) |
F'kuntest bħal dan, id-Direttiva eżistenti tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni ta' primjums tal-assigurazzjoni (3) m'għadhiex tipprevedi miżuri adatti. Id-dgħufijiet kbar tagħha ġew studjati mill-Grupp ta' Ħidma Ad hoc tal-Kunsill dwar il-Frodi Fiskali fir-rapport tiegħu tat-22 ta' Mejju 2000 u aktar reċentament fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra Mġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja tas-27 ta' Settembru 2004 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tal-31 ta' Mejju 2006. |
(5) |
Id-Direttiva 77/799/KEE, anki bl-emendi sussegwenti tagħha, kienet imfassla f'kuntest differenti mir-rekwiżiti attwali tas-suq intern u m'għadhiex tista' tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-kooperazzjoni amministrattiva. |
(6) |
Minħabba l-għadd u l-importanza tal-adattamenti li għandhom isiru għadDirettiva 77/799/KEE, sempliċi emenda tagħha ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-għanijiet imfissra hawn fuq. Id-Direttiva 77/799/KEE għalhekk għandha titħassar u tiġi ssostitwita bi strument legali ġdid. Dak l-istrument għandu japplika għat-taxxi diretti u t-taxxi indiretti li għadhom m'humiex koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa meqjus li din id-Direttiva ġdida tkun l-istrument xieraq f'termini ta' kooperazzjoni amministrattiva effettiva. |
(7) |
Din id-Direttiva tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE iżda tipprevedi regoli aktar ċar u aktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni, portata usa' ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Regoli aktar ċari għandhom ukoll jagħmluha possibbli li, b'mod partikolari, jiġu koperti l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha fl-Unjoni, b'kont meħud tal-firxa dejjem tiżdied ta' arranġamenti legali, inklużi mhux biss l-arranġamenti tradizzjonali bħat-trusts, il-fondazzjonijiet u l-fondi tal-investiment, iżda kwalunkwe strument ġdid li jista' jiġi stabbilit mill-pagaturi tat-taxxa fl-Istati Membri. |
(8) |
Għandu jkun hemm aktar kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-kooperazzjoni amministrattiva, bi, bħala regola, komunikazzjoni bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament. In-nuqqas ta' kuntatti diretti jwassal għal ineffiċjenza, nuqqas ta' użu tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva u dewmien fil-komunikazzjoni. Għandhom għalhekk jiġu pprovduti miżuri li jwasslu għal aktar kuntatti diretti bejn is-servizzi bil-ħsieb li l-kooperazzjoni ssir aktar effiċjenti u rapida. L-għoti ta' kompetenzi lid-dipartimenti ta' kollegament għandu jiġi deċiż skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru. |
(9) |
L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet partikolari meta mitluba jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor u għandhom jagħmlu l-indaġni meħtieġa biex jikseb tali informazzjoni. L-istandard ta' “rilevanza prevedibbli” huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x'aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta' pagatur speċifiku tat-taxxa. Waqt li l-Artikolu 20 ta' din id-Dreittiva jinkludi rekwiżiti proċedurali, jeħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b'mod liberali sabiex ma jfixklux l-iskambju effettiv ta' informazzjoni. |
(10) |
Huwa magħruf li l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta'informazzjoni mingħajr prekondizzjonijiet huwa l-mezz l-aktar effettiv kif tittejjeb il-valutazzjoni korretta tat-taxxi f'sitwazzjonijiet transkonfinali u fil-ġlieda kontra l-frodi. Għalhekk, għal dan il-għan, għandu jiġi segwit approċċ gradwali li jibda bl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni disponibbli dwar ħames kategoriji u r-rieżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti wara rapport mill-Kummissjoni. |
(11) |
L-iskambju spontanju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu wkoll jissaħħaħ u jiġi inkoraġġit. |
(12) |
Il-limiti ta' żmien għall-għoti tal-informazzjoni skont din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir f'waqtu u għalhekk ikun effettiv. |
(13) |
Huwa importanti li uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jitħallew ikunu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. |
(14) |
Peress li s-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna waħda jew aktar soġġetta għat-taxxa stabbilita f'diversi Stati Membri spiss tkun ta' interess komuni u komplementari, għandu jkun possibbli li jitwettqu kontrolli simultanji fuq tali persuna minn żewġ Stati Membri jew aktar, bi ftehim reċiproku u fuq bażi volontarja. |
(15) |
Fid-dawl tar-rekwiżit legali f'ċerti Stati Membri li pagatur tat-taxxa jiġi nnotifikat dwar deċiżjonijiet u strumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà fiskali tiegħu u tad-diffikultajiet suċċessivi għall-awtoritajiet tat-taxxa, inklużi każijiet fejn il-pagatur tat-taxxa jkun irrilokola għal Stat Membru ieħor, huwa mixtieq li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ikunu kapaċi li jirrikorru għall-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih irriloka l-pagatur tat-taxxa. |
(16) |
Ir-reazzjoni dwar l-informazzjoni mibgħuta ser tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. |
(17) |
Kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija meħtieġa għall-istudju permanenti tal-proċeduri ta' kooperazzjonu u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-aħjar prattiki fl-oqsma kkunsidrati. |
(18) |
Huwa importanti għall-effiċjenza tal-kooperazzjoni amministrattiva li l-informazzjoni u d-dokumenti miksubin skont din id-Direttiva, soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, jistgħu jintużaw mill-Istat Membru li jirċivihom għal finijiet oħra wkoll. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasmettu dik l-informazzjoni lil pajjiż terz, taħt ċerti kondizzjonijiet. |
(19) |
Is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru rikjest jista' jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni għandhom ikunu definiti u limitati b'mod ċar, b'kont meħud ta' ċerti interessi privati li għandhom ikunu mħarsa kif ukoll tal-interess pubbliku. |
(20) |
Madankollu, Stat Membru m'għandux jirrifjuta li jittrasmetti informazzjoni minħabba li ma jkollux interess domestiku jew minħabba li l-informazzjoni hija miżmuma minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna li taġixxi f'aġenzija jew f'kapaċità fiduċjarja jew minħabba li hija relatata ma' interessi ta' appartenenza f'persuna. |
(21) |
Din id-Direttiva fiha regoli minimi u għalhekk m'għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jidħlu f'kooperazzjoni usa' ma' Stati Membri oħrajn skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jew fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi ma' Stati Membri oħrajn. |
(22) |
Għandu jkun ċar ukoll li fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, huwa m'għandux jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħrajn li jixtiequ jiffurmaw parti minn tali kooperazzjoni reċiproka usa'. |
(23) |
L-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir permezz ta' formoli, formati u rotot ta' komunikazzjoni standardizzati. |
(24) |
Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva, speċjalment abbażi tal-istatistika. |
(25) |
'Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4). |
(26) |
F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma inkoraġġuti li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi. |
(27) |
L-iskambju kollu ta' informazzjoni msemmi f'din id-Direttiva huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (5) u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (6). Madankollu, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa u proporzjonati bil-ħsieb tat-telf potenzjali ta' dħul għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali tal-informazzjoni koperta minn din id-Direttiva għall-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi. |
(28) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(29) |
Peress li l-għan tal-azzjoni li għandha titttieħed, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri biex jingħelbu l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni li qed tiżdied fis-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dak l-għan, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta' informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.
2. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 b'mezzi elettroniċi, kif ukoll regoli u proċeduri li taħthom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jikkooperaw dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.
3. Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' kwalunkwe obbligu tal-Istati Membri fir-rigward ta' kooperazzjoni amministrattiva usa' li tirriżulta minn strumenti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi kollha ta' kwalunkwe tip intaxxati minn jew f'isem Stat Membru jew is-suddiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali.
2. Minkejja l-paragrafu 1, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji doganali, jew għad-dazji tas-sisa koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali pagabbli lill-Istat Membru jew subdiviżjoni tal-Istat Membru jew lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti skont il-liġi pubblika.
3. Fl-ebda każ m'għandhom it-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 jinftehmu li jinkludu:
(a) |
ħlasijiet, bħal għaċ-ċertifikati u dokumenti oħrajn maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi; jew |
(b) |
miżati ta' natura kuntrattwali, bħall-konsiderazzjoni għall-utilitajiet pubbliċi. |
4. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 intaxxati fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati permezz tal-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. |
“awtorità kompetenti” ta' Stat Membru tfisser l-awtorità li nħatret bħala tali minn dak l-Istat Membru. Meta jaġixxi skont din id-Direttiva, l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti għandhom jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet kompetenti permezz ta' delega skont l-Artikolu 4; |
2. |
“uffiċċju ċentrali ta' kollegament” tfisser l-uffiċċju li nħatar bħala tali bir-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti mal-Istati Membri l-oħrajn fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva; |
3. |
“dipartiment ta' kollegament” tfisser kwalunkwe uffiċċju għajr l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament li nħatar bħala tali għall-iskambju dirett ta' informazzjoni skont din id-Direttiva; |
4. |
“uffiċjal kompetenti” tfisser kwalunkwe uffiċjal li huwa awtorizzat li jiskambja informazzjoni direttament skont din id-Direttiva; |
5. |
“awtorità rikjedenti” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jagħmel talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti; |
6. |
“awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jirċievi talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti; |
7. |
“indaġni amministrattiva”, tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħra kollha meħudin mill-Istati Membri fil-qadi ta' dmirijiethom bil-ħsieb li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fiskali; |
8. |
“skambju ta' informazzjoni fuq talba” tfisser l-iskambju ta' informazzjoni bbażata fuq talba magħmula mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest f'każ speċifiku; |
9. |
“skambju awtomatiku” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Fil-kuntest tal-Artikolu 8, l-informazzjoni disponibbli tirreferi għal informazzjoni fil-fajls dwar it-taxxa tal-Istat Membru li jkun qed jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru; |
10. |
“skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni mhux sistematika, fi kwalunkwe waqt u mingħajr talba minn qabel, ta' informazzjoni lil Stat Membru ieħor; |
11. |
“persuna” tfisser:
|
12. |
“b'mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluż il-kompressjoni diġitali, u l-ħażna tad-data, u l-utilizzar ta' wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi oħrajn elettromanjetiċi; |
13. |
“Netwerk CCN” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (CCN), żviluppata mill-Unjoni għat-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fiż-żona doganali u fiskali. |
Artikolu 4
Organizzazzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, li fi żmien xahar mill-11 ta' Marzu 2011, bl-awtorità kompetenti tiegħu għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla għal dan.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u tippubblika lista tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-awtorità kompetenti għandha taħtar uffiċċju ċentrali ta' kollegament uniku. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.
L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jista' wkoll jinħatar bħala responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni b'dan.
3. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar dipartimenti ta' kollegament bil-kompetenza mogħtija f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tiegħu. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tad-dipartimenti ta' kollegament u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.
4. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar uffiċjali kompetenti. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tal-uffiċjali kompetenti u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.
5. L-uffiċjali impenjati f'kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu uffiċjali kompetenti għal dan il-fini, f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.
6. Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat jew jirċievi talba jew tweġiba għal talba għall-kooperazzjoni, huwa għandu jinforma lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu skont il-proċeduri stabbiliti minn dak l-Istat Membru.
7. Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talba għall-kooperazzjoni li teħtieġ azzjoni li taqa' 'l barra mill-kompetenza li tingħatalu f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tal-Istat Membru tiegħu, huwa għandu jgħaddi din it-talba mingħajr dewmien lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu u jinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan. F'tali każ, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 7 għandu jibda mill-jum ta' wara dak li fih it-talba għall-kooperazzjoni tgħaddi lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament.
KAPITOLU II
SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI
TAQSIMA I
Skambju ta' informazzjoni fuq talba
Artikolu 5
Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba
Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b'riżultat ta' indaġnijiet amministrattivi.
Artikolu 6
Indaġnijiet amministrattivi
1. L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta' kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.
2. It-talba msemmija fl-Artikolu 5 jista' jkun fiha talba motivata għal indaġni amministrattiva speċifika. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-opinjoni li ma tkun meħtieġa l-ebda indaġni amministrattiva, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.
3. Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.
4. Meta speċifikament mitluba mill-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika d-dokumenti oriġinali bil-kondizzjoni li dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta.
Artikolu 7
Limiti ta' żmien
1. L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-irċevuta tat-talba.
Madankollu, fejn l-awtorità rikjesta tkun diġà fil-pussess ta' dik l-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien xahrejn minn dik id-data.
2. F'ċerti każijiet speċjali, il-limiti ta' żmien għajr dawk previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jinqablu bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.
3. L-awtorità rikjesta għandha tikkonferma immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma mill-irċevuta, jekk huwa possibbli b'mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet talba mill-awtorità rikjedenti.
4. Fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti bi kwalunkwe defiċjenzi fit-talba u bil-ħtieġa għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. F'tali każ, il-limit ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jibdew mill-jum wara li l-awtorità rikjedenti tkun irċeviet l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.
5. Fejn l-awtorità rikjesta ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba sal-limitu ta' żmien rilevanti, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tat-talba, bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha li tagħmel hekk, u d-data sa meta hi tqis li tista' tkun f'pożizzjoni li twieġeb.
6. Fejn l-awtorità rikjesta m'għandhiex fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta u ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba għall-informazzjoni jew tirrifjuta li tagħmel dan għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 17, hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti dwar ir-raġunijiet għal dan u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba.
TAQSIMA II
Skambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni
Artikolu 8
Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni
1. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2014 li tkun disponibbli dwar ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji speċifiċi li ġejjin ta' dħul u ta' kapital kif għandhom jinftehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni:
(a) |
dħul minn impjieg; |
(b) |
ħlasijiet tad-direttur; |
(c) |
prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja li mhumiex koperti minn strumenti legali oħra tal-Unjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni u miżuri simili oħra; |
(d) |
pensjonijiet; |
(e) |
dritt ta' proprjetà ta' u dħul minn beni immobbli. |
2. Qabel l-1 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-kategoriji elenkati fil-paragrafu 1 li fir-rigward tagħhom għandhom informazzjoni disponibbli. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għalihom.
3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tindika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li hija ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar il-kategoriji ta' dħul u ta' kapital imsemmijin fil-paragrafu 1, jew li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar dħul jew kapital li ma jkunx iktar minn ammont ta' limitu. Hija għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni b'dan. Stat Membru jista' jitqies li ma jixtieqx jirċievi informazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, jekk ma jinformax lill-Kummissjoni bi kwalunkwe kategorija speċifika li fir-rigward tagħha huwa jkollu informazzjoni disponibbli.
4. Qabel l-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bi statistiki dwar il-volum ta' skambji awtomatiċi u, sa fejn ikun possibbli, b'informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti relatata mal-iskambji li seħħew u bidliet potenzjali oħrajn, kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali u kif ukoll għall-partijiet terzi.
5. Qabel l-1 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni riċevuta, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż amministrattivi u oħrajn rilevanti u l-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, kif ukoll l-aspetti prattiċi marbuta ma' dan. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill rigward il-kategoriji ta' dħul u ta' kapital u/jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluż il-kondizzjoni li għandha tkun disponibbli l-informazzjoni li tikkonċerna lil residenti fi Stati Membri oħra.
Meta jkun qed jeżamina proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta t-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza u l-funzjonament tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u t-titjib tal-istandard tiegħu, bil-għan li jipprevedi li:
(a) |
l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2017 rigward ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar mill-inqas tliet kategoriji speċifiċi ta' dħul u ta' kapital elenkati fil-paragrafu 1, kif għandhom jinftiehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni; u |
(b) |
il-lista ta' kategoriji fil-paragrafu 1 tiġi estiża biex tinkludi dividendi, qligħ kapitali u royalties. |
6. Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha ssir tal-inqas darba fis-sena, fi żmien sitt xhur wara tmiem is-sena tat-taxxa tal-Istat Membru li matulha l-informazzjoni tkun saret disponibbli.
7. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), qabel id-dati msemmija fl-Artikolu 29(1).
8. Fejn l-Istati Membri jaqblu dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kategoriji addizzjonali ta' dħul u kapital fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jikkonkludu ma' Stati Membri oħrajn, huma għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet lill-Kummissjoni li għandha tagħmel dawn il-ftehimiet disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.
TAQSIMA III
Skambju spontanju ta' informazzjoni
Artikolu 9
Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju spontanju ta' informazzjoni
1. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tikkomunika l-informazzjonimsemmija fl-Artikolu 1(1) lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed li jkollha raġunijiet biex taħseb li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor; |
(b) |
persuna soġġetta għat-taxxa tikseb tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, taxxa fi Stat Membru wieħed li jista' jwassal għal żieda fit-taxxa jew għal obbligu ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor; |
(c) |
kuntatti kummerċjali bejn xi persuna soġġetta għat-taxxa fi Stat Membru wieħed u persuna soġġetta għat-taxxa fl-Istat Membru l-ieħor isiru permezz ta' pajjiż wieħed jew aktar b'tali mod li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta fi Stat Membru wieħed jew l-ieħor jew fit-tnejn; |
(d) |
l-awtorità kompetenti ta' xi Stat Membru jkollha raġunijiet biex taħseb li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi gruppi ta' intrapriżi; |
(e) |
informazzjoni mogħtija lil Stat Membru wieħed mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tkun ippermettiet li tinkiseb l-informazzjoni li tista' tkun rilevanti biex issir valutazzjoni tal-obbligu tat-taxxa fl-Istat Membru tal-aħħar. |
2. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu jikkomunikaw, permezz ta' skambju spontanju, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kwalunkwe informazzjoni li huma konxji tagħha u li tista' tkun utli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 10
Limiti ta' żmien
1. L-awtorità kompetenti li lilha ssirilha disponibbli l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn xahar wara li ssir disponibbli.
2. L-awtorità kompetenti li lilha tiġi kkomunikata l-informazzjoni skont l-Artikolu 9 għandha tikkonferma, jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti li tkun pprovdiet l-informazzjoni immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma wara l-irċevuta.
KAPITOLU III
FOROM OĦRA TA' KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
TAQSIMA I
Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-indaġnijiet amministrattivi
Artikolu 11
Ambitu u kondizzjonijiet
1. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1):
(a) |
ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest jaqdu dmirijithom; |
(b) |
ikunu preżenti matul l-indaġnijiet amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. |
Fejn l-informazzjoni mitluba tinsab f'dokumentazzjoni li għaliha għandhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħhom.
2. Safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru rikjest, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jipprovdi li, fejn uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti matul indaġnijiet amministrattivi, huma jistgħu jintervistaw individwi u jeżaminaw reġistri.
Kwalunkwe rifjut mill-persuna taħt investigazzjoni li tirrispetta l-miżuri ta' spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhu jitqies mill-awtorità rikjesta daqs li kieku dak ir-rifjut twettaq kontra l-uffiċjali tal-awtorità tal-aħħar.
3. L-uffiċjali awtorizzati mill-Istat Membru rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandhom f'kull waqt ikunu jistgħu jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità tagħhom u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.
TAQSIMA II
Kontrolli simultanji
Artikolu 12
Kontrolli simultanji
1. Fejn żewġ Stati Membri jew aktar jaqblu li jwettqu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, fuq persuna waħda jew aktar dwar interess komuni jew komplementari għalihom, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba b'dan il-mod, il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw.
2. L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tidentifika b'mod indipendenti l-persuni li jkollha l-intenzjoni li tipproponi kontroll simultanju fuqhom. Hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati dwar kwalunkwe każ li għalih tipproponi kontroll simultanju, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-għażla tagħha.
Hija għandha tispeċifika l-perijodu ta' żmien li matulu iridu jitwettqu dawk il-kontrolli.
3. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx tieħu sehem f'kontrolli simultanji. Hija għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut motivat tagħha lill-awtorità li pproponiet kontroll simultanju.
4. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha taħtar rappreżentant bir-responsabbiltà li jissorvelja u jikkoordina l-operazzjoni ta' kontroll.
TAQSIMA III
Notifika amministrattiva
Artikolu 13
Talba għal notifika
1. Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandha, skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta' strumenti simili fl-Istat Membru rikjest, tinnotifika lid-destinatarju bi kwalunkwe strument u deċiżjoni li joriġinaw mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjedenti u li jikkonċernaw l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu ta' leġiżlazzjoni dwar taxxi koperti minn din id-Direttiva.
2. It-talbiet għal notifika għandhom jindikaw is-suġġett tal-istrument jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-indirizz tad-destinatarju, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju.
3. L-awtorità rikjesta għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bit-tweġiba tagħha u, partikolarment, bid-data tan-notifika l-istrument jew tad-deċiżjoni lid-destinatarju.
4. L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-Artikolu biss meta ma tkunx tista' tinnotifika f'konformità mar-regoli li jirregolaw in-notifika tal-istrumenti kkonċernati fl-Istat Membru rikjedenti, jew fejn tali notifika tagħti lok għal diffikultajiet sproporzjonati. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tinnotifika kwalunkwe dokument permezz tal-posta rreġistrata jew elettronikament direttament lil persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.
TAQSIMA IV
Feedback
Artikolu 14
Kondizzjonijiet
1. Meta awtorità kompetenti tipprovdi informazzjoni skont l-Artikoli 5 jew 9, hija tista' titlob lill-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni biex tibgħat feedback dwar dan. Jekk tintalab feedback, l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet l-informazzjoni għandha, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza fiskali u l-protezzjoni tad-data applikabbli fl-Istat Membru tagħha, tibgħat il-feedback lill-awtorità kompetenti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jkun magħruf l-eżitu tal-użu tal-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti prattiċi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-feedback dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati darba fis-sena, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi maqbula bilateralment.
TAQSIMA V
Kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza
Artikolu 15
Ambitu u kondizzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jeżaminaw u jevalwaw il-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva u għandhom jikkondividu l-esperjenza tagħhom, bil-ħsieb li tittejjeb tali kooperazzjoni u, fejn ikun il-każ, jitfasslu regoli fl-oqsma kkonċernati.
2. L-Istati Membri jistgħu, flimkien mal-Kummissjoni, jipproduċu linji gwida dwar kwalunkwe aspett meqjus bħala meħtieġ għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza kondiviża.
KAPITOLU IV
KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 16
Żvelar ta' informazzjoni u dokumenti
1. L-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri f'kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha. Tali informazzjoni tista' tintuża għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.
Tali informazzjoni tista' tintuża wkoll għall-valutazzjoni u l-infurzar ta' taxxi u dazji oħrajn koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (7), jew għall-valutazzjoni u l-infurzar tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali.
Barra minn hekk, din tista' tintuża b'rabta mal-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi li jistgħu jinvolvu penalitajiet, li jinbdew bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-konvenuti u tax-xhieda f'tali proċedimenti.
2. Bil-permess tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jikkomunika informazzjoni skont din id-Direttiva, u biss safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu waslu skont din id-Direttiva jistgħu jintużaw għal finijiet diversi minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1. Tali permess għandu jingħata jekk l-informazzjoni tista' tintuża għal finijiet simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.
3. Fejn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor x'aktarx li tkun utli għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għall-awtorità kompetenti ta' Stat Membru terz, hija tista' tittrasmetti dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-aħħar, bil-kondizzjoni li dik it-trasmissjoni tkun f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva. Hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tikkondividi dik l-informazzjoni ma' Stat Membru terz. L-Istat Membru tal-oriġini tal-informazzjoni jista' jopponi din il-kondiviżjoni ta' informazzjoni fi żmien 10 ijiem ta' ħidma minn mets jirċievi l-komunikazzjoni mill-Istat Membru li jkun jixtieq jikkondividi l-informazzjoni.
4. Il-permess biex tintuża informazzjoni skont il-paragrafu 2, li tkun ġiet trasmessa skont il-paragrafu 3, jista' jingħata biss mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni.
5. Informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom, miksuba mill-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti skont din id-Direttiva jistgħu jiġu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti fuq l-istess bażi ta' informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor simili pprovduti minn awtorità ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 17
Limiti
1. Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta' informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha.
2. Din id-Direttiva m'għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru rikjest biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk dan ikun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu li jitwettaq tali indaġnijiet jew li jiġbor l-informazzjoni mitluba għall-finijiet tiegħu stess.
3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru rikjest tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni meta l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx jista', għal raġunijiet ġuridiċi, jipprovdi informazzjoni simili.
4. L-għoti ta' informazzjoni jista' jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.
5. L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għal informazzjoni.
Artikolu 18
Obbligi
1. Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista' ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m'għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f'tali informazzjoni.
2. Fl-ebda każ m'għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta' Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta' aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta' persuna.
3. Minkejja l-paragrafu 2, Stat Membru jista' jirrifjuta t-trasmissjoni tal-informazzjoni mitluba meta tali informazzjoni tikkonċerna perijodu taxxabbli qabel l-1 ta' Jannar 2011 u meta t-trasmissjoni ta' tali informazzjoni tista' tkun ġiet irrifjutata abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799/KEE jekk kienet ġiet mitluba qabel il-11 ta' Marzu 2011.
Artikolu 19
Estensjoni ta' kooperazzjoni usa' pprovduta lil pajjiż terz
Fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, dak l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jixtieq jidħol f'tali kooperazzjoni reċiproka usa' ma' dak l-Istat Membru.
Artikolu 20
Formoli standard u formati elettroniċi
1. It-talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 u t-tweġibiet għalihom, il-konfermi ta' rċevuta, it-talbiet għal informazzjoni kuntestwali addizzjonali, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jintbagħtu permezz ta' formola standard adotatta mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).
Il-formoli standard jistgħu jiġu akkumpanjati minn rapporti, dikjarazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom.
2. Il-formola standard li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:
(a) |
l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni; |
(b) |
l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba. |
L-awtorità rikjedenti tista', safejn ikun magħruf u f'konformità mal-iżviluppi internazzjonali, tipprovdi l-isem u l-indirizz ta' kwalunkwe persuna li hu maħsub li għandha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta kif ukoll kwalunkwe element li jista' jiffaċilita l-ġbir ta' informazzjoni mill-awtorità rikjesta.
3. L-informazzjoni spontanja u l-konferma ta' rċevuta tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 rispettivament, it-talbiet għal notifiki amministrattivi skont l-Artikolu 13 u l-informazzjoni ta' reazzjoni skont l-Artikolu 14 għandhom jintbagħtu permezz tal-formola standard adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26 (2).
4. L-iskambji awtomatiċi ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8 għandhom jintbagħtu bl-użu ta' format standard elettroniku mmirat li jiffaċilita tali skambju awtomatiku u bbażat fuq il-format elettroniku skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx (8), li għandu jintuża għat-tipi kollha ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni, adottat mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).
Artikolu 21
Arranġamenti prattiċi
1. L-informazzjoni kkomunikata skont din id-Direttiva għandha, safejn hu possibli, tkun ipprovduta b'mezzi elettroniċi bl-użu tan-netwerk CCN.
Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tan-netwerk CCN li jkun meħtieġ biex jippermetti l-iskambju ta' dik l-informazzjoni bejn Stati Membri.
L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tas-sistemi tagħhom li jkun meħtieġ biex dik l-informazzjoni tiġi skambjata permezz tan-netwerk CCN.
L-Istati Membri għandhom iċedu l-pretensjonijiet kollha għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ħlief, fejn adatt, fir-rigward ta' ħlasijiet lill-esperti.
3. Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni sal-punt fejn tkun meħtieġa għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerk CCN.
4. It-talbiet għal kooperazzjoni, inklużi t-talbiet għal notifika, u d-dokumenti mehmuża jistgħu jsiru fi kwalunkwe lingwa miftiehma mill-awtorità rikjesta u dik rikjedenti.
Dawk it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta f'każijiet speċjali biss fejn l-awtorità rikjesta tiddikjara r-raġuni tagħha għaliex tkun qed titlob it-traduzzjoni.
Artikolu 22
Obbligi speċifiċi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex:
(a) |
tiġi żgurata koordinazzjoni interna effettiva fl-organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4; |
(b) |
tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra msemmija fl-Artikolu 4; |
(c) |
jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva previsti f'din id-Direttiva. |
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull Stat Membru kwalunkwe informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li tirċievi u li hi tkun f'pożizzjoni li tipprovdi.
KAPITOLU V
RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI
Artikolu 23
Evalwazzjoni
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jevalwaw il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista f'din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni valutazzjoni annwali tal-effikaċja tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 8 kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-forma u l-kondizzjonijiet ta' komunikazzjoni ta' dik il-valutazzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), lista ta' data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva.
5. L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 sa 4 għandha tinżamm kunfidenzjali mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet tal-Unjoni.
6. L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru taħt il-paragrafi 2, 3 u 4, kif ukoll kwalunkwe rapport jew dokument prodott mill-Kummissjoni bl-użu ta' tali informazzjoni, jistgħu jiġu trasmessi lil Stati Membri oħrajn. Tali informazzjoni trasmessa għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun irċeviha.
Ir-rapporti u d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni msemmijin f'dan il-paragrafu jistgħu jintużaw biss mill-Istati Membri għal skopijiet analitiċi, iżda m'għandhomx jiġu ppubblikati jew isiru disponibbli għal kwalunkwe persuna jew korp ieħor mingħajr il-qbil espliċitu tal-Kummissjoni.
KAPITOLU VI
RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI
Artikolu 24
Skambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi
1. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz li tkun prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi ta' dak l-Istat Membru rigward it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2, dik l-awtorità tista', dment li dan ikun permess skont ftehim ma' dak il-pajjiż terz, tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għalihom dik l-informazzjoni tista' tkun utli u lil kwalunkweawtorità rikjedenti.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw, skont id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom dwar il-komunikazzjoni ta' data personali lil pajjiżi terzi, informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva lil pajjiż terz, kemm-il darba l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti:
(a) |
l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu tkun oriġinat l-informazzjoni tkun qablet ma' dik il-komunikazzjoni; |
(b) |
il-pajjiż terz ikkonċernat ikun impenja lilu nnifsu li jipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa biex tinġabar evidenza dwar in-natura irregolari jew illegali ta' transazzjonijiet li jidhru li jikkontravjenu jew jikkostitwixxu abbuż ta' leġiżlazzjoni fiskali. |
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 25
Protezzjoni tad-data
L-iskambju kollu ta' informazzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE safejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva.
Artikolu 26
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni”.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.
Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.
Artikolu 27
Rappurtar
Kull ħames snin wara l-1 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 28
Tħassir tad-Direttiva 77/799/KEE
Id-Direttiva 77/799/KEE hija mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.
Artikolu 29
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.
Madankollu, huma għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.
Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 30
Dħul fis-Seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 31
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
MATOLCSY Gy.
(1) Opinjoni tal-10 ta' Frar 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(4) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(5) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(8) ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.