Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0300

2009/300/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1830) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 82, 28.3.2009, pp. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2020; Imħassar b' 32020D1804 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/300/oj

28.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Marzu 2009

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1830)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/300/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li ġie kkonsultat il-Bord tal-Ittikkettar Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 l-Ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jkollu l-karatteristiċi li jippermettulu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib fir-rigward tal-aspetti ambjentali prinċipali.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-kriterji speċifiċi dwar l-ekotikketta, imfassla abbażi tal-abbozz tal-kriterji magħmul mill-Bord għall-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Huwa jipprovdi wkoll li r-reviżjoni tal-kriterji dwar l-Ekotikketta, kif ukoll tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati ma’ dawk il-kriterji, għandha sseħħ fi żmien xieraq qabel ma jintemm il-perjodu tal-validità tal-kriterji speċifikati għal kull grupp ta’ prodotti kkonċernat.

(4)

B’segwitu għar-Regolament (KE) Nru 1980/2000, twettqet reviżjoni fil-ħin tal-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll tar-rekwiżiti korrispondenti tal-valutazzjoni u tal-verifika li kienu ġew stabbliliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/255/KE tat-25 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (2).

(5)

Fid-dawl ta’ din ir-reviżjoni, huwa xieraq, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ekoloġiċi ġodda biex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u dawk tas-suq.

(6)

Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-grupp tal-prodott stabbilita f’dik id-Deċiżjoni biex jitqiesu t-teknoloġiji ġodda.

(7)

Fl-interessi taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni 2002/255/KE għalhekk għandha tiġi sostitwita. Peress li l-perjodu ta’ validità tal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni ġie mtawwal sal-31 ta’ Ottubru 2009, dik id-Deċiżjoni għandha tinbidel sa’ mill-1 ta’ Novembru 2009.

(8)

Il-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti korrispondenti tal-valutazzjoni u tal-verifika għandhom ikunu validi sat-31 ta’ Ottubru 2013.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta’ prodotti “televiżjonijiet” għandu jinkludi:

“Tagħmir elettroniku li jaħdem bil-kurrent tal-elettriku bl-iskop u l-funzjoni primarja li jirċievi, jiddekodifika u juri sinjali ta’ trasmissjoni tat-TV.”

Artikolu 2

Sabiex jingħata l-eko-tikketta Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, it-televiżjoni jrid jidħol fil-grupp ta’ prodotti “televiżjonijiet” u jrid jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti “televiżjonijiet”, kif ukoll ir-rekwiżiti korrispondenti ta’ evalwazzjoni u verifikazzjoni, għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Ottubru 2013.

Artikolu 4

Għal finijiet amministrattivi in-numru tal-kodiċi assenjat lit-televiżjonijiet għandu jkun “022”.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2002/255/KE hija mħassra.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Novembru 2009.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kapitolu 15, il-Volum 5, p. 177.

(2)   ĠU L 87, 4.4.2002, p. 53, l-Edizzjoni Speċjali bil-Malti, il-Kapitolu 15, il-Volum 7, p. 47.


ANNESS

IL-QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Biex jingħata Ekotikketta, il-prodott għandu jkun konformi mal-kriterji ta’ dan l-Anness, li l-għan tagħhom huwa li jmexxu ‘l quddiem:

it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew ir-riskji marbuta mal-użu tal-enerġija (it-tisħin globali, l-aċidifikazzjoni, it-tnaqqis ta’ għejun ta’ enerġija li ma jiġġeddux), billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija,

it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ riżorsi naturali,

it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ sustanzi perikolużi billi jitnaqqas l-użu ta’ sustanzi tali.

Barra minn hekk, il-kriterji jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika (l-aħjar użu ambjentali) u jsaħħu l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-ambjent.

Il-korpi kompetenti huma rakkomandati li jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi amministrattivi ambjentali rikonoxxuti, bħal EMAS jew ISO 14001, meta jivvalutaw applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan l-Anness (nota: mhux meħtieġ li jiġu implimentati tali skemi ta’ ġestjoni).

Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifikazzjoni huma indikati f’kull kriterju.

Meta possibbli t-testijiet għandhom jitwettqu minn laboratorji akkreditati kif jixraq jew laboratorji li jissodisfaw il-ħtiġijiet espressi fl-istandard EN ISO 17025 u li huma kompetenti li jwettqu t-testijiet rilevanti.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu d-dokumentazzjoni ta’ evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

Il-korpi kompetenti huma rakkomandati li jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi amministrattivi ambjentali rikonoxxuti, bħal EMAS jew ISO 14001, meta jivvalutaw applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji (nota: mhux meħtieġ li jiġu implimentati tali skemi ta’ ġestjoni).

IL-KRITERJI

1.   Tfaddil tal-enerġija

(a)   Standby b’mod passiv

i.

Il-konsum tat-televiżjoni waqt li jkun standby b’mod passiv għandu ≤ 0,30 W ħlief meta l-kundizzjoni f’parti ii tiġi sodisfatta.

ii.

Għal televiżjonijiet bi swiċċ faċilment viżibbli jitfi kompletament, tant li meta l-iswiċċ ikun fil-pożizzjoni “mitfi”, il-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni tkun < 0,01 W, il-konsum tat-televiżjoni waqt li jkun standby b’mod passiv għandu jkun ≤ 0,30 W.

(b)   Il-konsum massimu tal-enerġija

Waqt il-modalità mixgħula il-konsum tal-enerġija tat-televiżjonijiet għandu jkun ≤ 200 W.

(ċ)   L-Effiċjenza fl-Enerġija

Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula tat-televiżjonijiet imqiegħda fis-suq li jkunu ngħataw l-Ekotikketta, għandu jkun daqs jew inqas minn 0,64 (20 W + A 4,3224 W/dm2).

Mill-1 ta’ Jannar 2011, sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula tat-televiżjonijiet imqiegħda fis-suq li jkunu ngħataw l-Ekotikketta, għandu jkun daqs jew inqas minn 0,51 (20 W + A 4,3224 W/dm2).

Mill-1 ta’ Jannar 2013, il-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula tat-televiżjonijiet imqiegħda fis-suq li jkunu ngħataw l-Ekotikketta, għandu jkun daqs jew inqas minn 0,41 (20 W + A 4,3224 W/dm2).

Fejn A hija l-arja viżibbli tal-iskrin (1) espressa f’dm2.

Il-valutazzjoni u l-verifika (il-punti b) sa d)): it-televiżjoni għadu jiġi eżaminat għall-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula fil-kundizzjoni li jkun wasal fiha għand il-konsumatur, skont l-istandard rivedut IEC62087, u jintuża s-sinjal dinamiku tax-xandir tal-vidjo (“Il-Metodi ta’ Kejl għall-Konsum tal-Enerġija ta’ Tagħmir tal-Awdjo, tal-Vidjo u ta’ tagħmir ieħor relatat”). Jekk it-televiżjoni jkollu menu obligatorju hekk kif jinxtegħel, il-valuri pprogrammati minn qabel għandhom ikunu l-issettjar rakkomandat mill-manufattur għall-użu normali fid-dar. Rapport tat-test għandu jiġi provdut mill-applikant għall-korp kompetenti ta’ għotja li juri li t-televiżjoni jissodisfa ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti a) sa c).

Biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ a) ii), l-applikant għandu jiddikjara li t-televiżjoni tagħhom huwa konformi mar-rekwiżiti u jipprovdi evidenza fotografika rigward is-swiċċ li jitfi kompletament.

Sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ c), l-applikant għandu juri li kull televiżjoni tagħhom bl-Ekotikketta meta tqiegħed l-ewwel darba fis-suq wara d-dati li hemm imniżżla fil-kriterja se jissodisfa l-kriterja xierqa għall-effiċenza tal-enerġija. Jekk dan ma jistax jintwera l-korp kompetenti joħroġ biss il-liċenzja tal-Ekotikketta għall-perjodu li fih tista’ tintwera konformità.

2.   Il-Kontenut ta’ Merkurju tal-Lampi Fluworexxenti

L-ammont totali ta’ merkurju (Hg), fil-lampi kollha, għal kull skrin, ma għandux ikun akbar minn 75 mg għal skrins bi skrin viżibbli dijagonali sa u jinkludi 40 pulzier. (101 cm.)

L-ammont totali ta’ merkurju (Hg), fil-lampi kollha, għal kull skrin, ma għandux ikun akbar minn 99 mg għal skrins bi skrin viżibbli dijagonali akbar minn 40 pulzier. (101 cm.)

Il-valutazzjoni u l-verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li t-televiżjonijiet tagħhom huma konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Hi għandha tinkludid-dokumentazzjoni dwar l-għadd ta’ lampi użati u t-total ta’ kontenut ta’ merkurju tal-lampi, mingħand il-fornituri.

3.   L-estensjoni tat-tul tal-ħajja

Il-manifattur għandu joffri garanzija kummerċjali li tiżgura li t-televiżjoni jibqa’ jiffunzjona għal mill-inqas sentejn. Din il-garanzija għandha tkun valida mid-data tal-kunsinna lill-klijent.

Id-disponibbiltà tal-partijiet elettroniċi kompatibbli li jinbidlu għandha tkun garantita għal 7 snin minn meta tieqaf il-produzzjoni.

Il-valutazzjoni u l-verifika: l-applikant irid jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti.

4.   Id-disinn għaż-żarmar

Il-manufattur għandu juri li t-televiżjoni jista’ jiżżarma faċilment minn riċiklaturi professjonisti mħarrġa bl-użu tal-għodda li s-soltu jkolhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bl-iskop li:

isir xogħol ta’ tiswija u tibdil ta’ partijiet mherrija;

jaġġornaw partijiet aktar antiki jew partijiet skaduti u

jisseparaw il-partijiet u l-materjali, fl-aħħar mill-aħħar għar-riċiklaġġ.

Sabiex jiġi ffaċilitat iż-żarmar:

It-tagħmir ġewwa t-televiżjoni għandu jkun jista’ jiġi żarmat, eż. il-viti, “snap-fixes”, speċjalment għall-partijiet li għandhom sustanzi perikolużi.

Partijiet tal-pastik għandhom ikunu magħmulin minn polimeru wieħed jew minn polimeri kompatibbli għar-riċiklaġġ u jkollhom il-marka tal-ISO11469 rilevanti jekk huma ikbar minn 25 g bħala massa.

Ma għandux jintuża interzjar ta’ metall li ma jistax jiġi sseparat.

Id-dejta dwar in-natura u l-ammont ta’ sustanzi perikolużi fit-televiżjoni għadhom jinġabru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/121/KE (2) u skont Sistema Armonizzata Globali tal-Ikklassifikar u l-Ittikkettar tal-Kimiċi (GHS).

Il-valutazzjoni u l-verifika: Rapport tal-eżami għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni li tispjega fid-dettal kif jiżżarma it-televiżjoni. Għandu jkun fiha djagramma sploduta tat-televiżjoni li timmarka l-komponenti ewlenin kif ukoll tidentifika kwalunkwe sustanza perikoluża fil-komponenti. Tista’ tkun fil-format bil-miktub jew dak awdjoviżiv. It-tagħrif li jirrigwarda s-sustanzi perikolużi għandu jiġi pprovdut lill-korp kompetenti tal-għotja f’forma ta’ lista ta’ materjali u tidentifika t-tip ta’ materjali, il-kwantità użata u l-lokalità.

5.   Il-Metalli Tqal u s-Sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-Nar

(a)

Il-kadmju, iċ-ċomb, il-merkurju, il-kromju 6 + jew sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar bħall-bifenil polibrominat (PBB) jew l-eteru difenil polibrominat (PBDE) kif elenkati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ma għandhomx jintużaw fit-televiżjoni sakemm l-applikazjonijiet ta’ dawn is-sustanzi mhumiex imniżżlin fl-Anness għad-Direttiva bħala eżenti mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva jew sakemm il-valur massimu ta’ konċentrazzjoni mhuwiex ugwali għal jew inqas mil-limitu speċifikat fl-istess Anness. Rigward l-Anness, il-valur massimu ta’ konċentrazzjoni għandu jkun < 0.1 %.

(b)

Il-partijiet tal-plastik ma għandux ikollhom sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar, jew preparazzjonijiet li jkun fihom sustanzi, li jiġu assenjati jew jistgħu jiġu assenjati, fiż-żmien tal-applikazzjoni,l-ebda minn dawn il-frażijiet tar-riskju li ġejjin jew taħlita minnhom:

R40 (riskju possibbli ta’ kanċer)

R45 (jista’ jikkawża l-kanċer)

R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret)

R50 (tossiċi hafna għall-organiżmi tal-baħar)

R51 (tossiċi għall-organizmi akwatiċi/tal-baħar)

R52 (ta’ dannu għall-organiżmi akwatiċi/tal-baħar)

R53 (jistgħu jikkawżaw effetti avversi fuq medda twila ta’ żmien fl-ambjent akwatiku)

R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità)

R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda)

R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità)

R63 (riskju possibbli ta’ ħsara għal tarbija mhux imwielda)

kif definiti fid-Direttiva 2006/121/KE. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għas-sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar jiġifieri dawk li ladarba jintużaw jinbidlulhom il-propjetajiet tagħhom (jiġifieri li filfatt ma jinstabux fil-prodott finali f’konċentrazzjoni > 0,1 %) tant li l-frażijiet identifikati bl-R ta’ hawn fuq ma japplikawx aktar.

Il-valutazzjoni u l-verifika: Għandu jiġi ppreżentat ċertifikat iffirmat mill-manufattur tat-televiżjoni li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti tal-għotja. Il-korp kompetenti tal-għotja għandu jiġi pprovdut ukoll b’dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u tas-sustanzi li jwaqqfu t-tixrid tan-nar u l-kopji ta’ skedi ta’ dejta rilevanti għas-sikurezza tal-materjali u tas-sustanzi. Is-sustanzi kollha li jwaqqfu t-tixrid tan-nar li jintużaw għandhom jiġu indikati b’mod ċar.

6.   L-istruzzjonijiet għall-utent

It-televiżjoni għandu jinbiegħ bit-tagħrif rilevanti għall-utent li jipprovdi l-parir li jipprovdi pariri dwar l-użu xieraq ambjentali tiegħu. It-tagħrif għandu jitqiegħed f’post wieħed u faċli biex jinstab fl-istruzzjonijiet għall-utent kif ukoll fil-websajt tal-manufattur. It-tagħrif jinkludi, b’mod partikolari:

(a)

Il-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni fil-modalitajiet varji: mixgħul, mitfi, standby b’mod passiv, inkluż it-tagħrif dwar l-iffrankar tal-enerġija possibbli fil-modalitajiet differenti.

(b)

Il-medja tal-konsum annwali tal-enerġija tat-televiżjoni mfissra f’kWh, ikkalkulata abbażi tal-konsum tal-enerġija waqt il-modalità mixgħula, waqt li jitħaddem 4 sigħat kull ġurnata 365 ġurnata fis-sena.

(ċ)

Tagħrif li l-effiċjenza tal-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u b’hekk tiffranka l-flus billi tnaqqas il-kontijiet tal-elettriku.

(d)

L-indikazzjonijiet li ġejjin dwar kif tnaqqas il-konsum tal-enerġija meta ħadt ma jkun qed jara t-televiżjoni:

Jekk jintefa l-kurrent mill-mejn li miegħu jkun imqabbad it-televiżjoni, jew jinqala’ l-plagg, l-użu tal-enerġija jixxejjen għat-televiżjonijiet kollha, u hija proċedura rakkomandata meta t-televiżjoni ma jkunx se jintuża għal żmien twil, eżempju meta wieħed ikun sejjer għal xi vaganza;

Jekk jintuża l-iswiċċ li jitfi kompletament, l-użu tal-enerġija jitnaqqas għal kważi żero (jekk hemm swiċċ installat);

Jekk it-televiżjoni jitqiegħed f’modalità “standby”, il-konsum tal-enerġija se jonqos, iżda xorta se juża ftit enerġija;

Jekk jitnaqqas il-livell tal-qawwa tad-dawl tal-iskrin jonqos l-użu tal-enerġija.

(e)

Il-pożizzjoni tal-iswiċċ li jitfi kompletament (jekk hemm wieħed installat).

(f)

It-tagħrif dwar it-tiswija rigward min hu kwalifikat biex isewwi t-televiżjonijiet, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt kif jixraq.

(g)

L-istruzzjonijiet ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja għar-rimi xieraq tat-televiżjonijiet f’żoni ta’ kumdità ċivika jew permezz ta’ bejjiegħ ta’ skemi ta’ ritorn (retailer take-back schemes) kif applikabbli, li għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(h)

It-tagħrif illi l-prodott ġie mogħti l-fjura (l-Ekotikketa tal-UE), bi spjegazzjoni qasira dwar xi tfisser, flimkien ma’ indikazzjoni li aktar tagħrif dwar l-Ekotikketta jinstab fl-indirizz tal-websajt: http://www.ecolabel.eu

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn il-ħtiġijiet, u għandu jipprovdi kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet lill-korp kompetenti li tivvaluta l-applikazzjoni.

7.   L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta

Il-Kaxxa 2 tal-Ekotikketta għandha tinkludi t-test li ġej:

Effiċjenza għolja fl-enerġija

L-emissjonijiet imnaqqsa tas-CO2

Iddisinjat sabiex jiffaċilita t-tiswija u r-riċiklaġġ.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ din il-ħtieġa, u għandu jipprovdi kopja tal-Ekotikketta kif tidher fuq il-pakkett u/jew il-prodott u/jew id-dokumentazzjoni li takkumpanjahom għall-korp kompetenti tal-għotja.


(1)   L-erja tal-iskrin: Din hija l-erja tal-iskrin f’dm2. Hija ugwali għal [id-daqs tal-iskrin × id-daqs tal-iskrin × 0,480] għal skrin standard (proporzjon tad-dehra ta’ 4:3), u [id-daqs tal-iskrin × id-daqs tal-iskrin × 0,427] għal skrin wiesa’ (proporzjon tad-dehra ta’ 16:9).

(2)   ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1

(3)   ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 31, p. 127.

(4)   ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 7, p. 359.


Top