Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0056

    Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/06/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/56/oj

    25.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 164/19


    DIRETTIVA 2008/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Ġunju 2008

    li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    L-ilmijiet marini taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jinkludu ilmijiet fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed u fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal, inklużi l-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji.

    (2)

    Huwa evidenti li l-pressjonijiet fuq riżorsi naturali marini u d-domanda għal servizzi ekoloġiċi marini huma ta’ spiss għoljin wisq u li l-Komunità teħtieġ li tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ilmijiet marini irrispettivament minn fejn iseħħu l-effetti tagħhom.

    (3)

    L-ambjent marin huwa wirt prezzjuż li għandu jiġi protett, ippreservat u, fejn prattikabbli, restawrat bl-għan aħħari li tkun ippreservata l-bijodiversità u mantenuti oċeani u ibħra diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, sani u produttivi. F’dak ir-rigward din id-Direttiva għandha, inter alia, tippromwovi l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fl-oqsma ta’ politika kollha rilevanti u tipprovdi s-sinsla ambjentali tal-Politika Marina futura għall-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Konformement mad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (4), ġiet żviluppata strateġija tematika għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ l-ambjent marin bl-għan ġenerali li tippromwovi l-użu sostenibbli ta’ l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marini.

    (5)

    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tematika għandhom ikunu mmirati lejn il-konservazzjoni ta’ l-ekosistemi marini. Dan l-approċċ għandu jinkludi żoni protetti, u għandu jindirizza l-attivitajiet umani kollha li għandhom impatt fuq l-ambjent marin.

    (6)

    L-istabbiliment ta’ żoni marini protetti, inklużi żoni li huma diġà nominati jew li għad iridu jiġu nominati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar il-Habitats) (5), id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Għasafar) (6), u fi ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom il-Komunità Ewropea jew l-Istati Membri ikunu Partijiet, huwa kontribuzzjoni importanti għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb skond din id-Direttiva.

    (7)

    It-twaqqif ta’ tali żoni protetti skond din id-Direttiva se jkun pass importanti sabiex jiġu sodisfatti l-impenji assunti matul is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u fil-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità Bijoloġika, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (7) u se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ netwerks koerenti u rappreżentattivi ta’ tali żoni.

    (8)

    Bl-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-bniedem filwaqt li jkun permess l-użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi marini, għandha tingħata prijorità lill-kisba jew iż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin Komunitarju, għall-kontinwazzjoni tal-protezzjoni u tal-preservazzjoni tiegħu, u għall-prevenzjoni ta’ deterjorament sussegwenti.

    (9)

    Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, huwa meħtieġ qafas legali trasparenti u koerenti. Dan il-qafas għandu jikkontribwixxi għall-koerenza bejn linji politiċi differenti u jħaddan l-integrazzjoni ta’ interessi ambjentali f’linji politiċi oħra, bħall-Politika Komuni dwar is-Sajd, il-Politika Agrikola Komuni u linji politiċi Komunitarji rilevanti oħrajn. Il-qafas leġislattiv għandu jipprovdi qafas ġenerali għal azzjoni u jippermetti li din l-azzjoni tkun tista’ tittieħed b’mod koordinat, konsistenti u integrat sewwa ma’ azzjoni taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra u taħt ftehim internazzjonali.

    (10)

    Il-kondizzjonijiet, il-problemi u l-ħtiġijiet diversi tar-Reġjuni Marini jew Sub-Reġjuni varji li jiffurmaw l-ambjent marin fil-Komunità jeħtieġu soluzzjonijiet differenti u speċifiċi. Dik id-diversità għandha titqies fl-istadji kollha tal-preparazzjoni ta’ l-istrateġiji marini, iżda speċjalment waqt il-preparazzjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin tal-Komunità fil-livell tar-Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini.

    (11)

    Kull Stat Membru għandu għalhekk jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu li, filwaqt li tkun speċifika għall-ilmijiet tiegħu, tkun tirrifletti l-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin partikolari. L-Istrateġiji Marini għandhom jirriżultaw fl-eżekuzzjoni ta’ programmi ta’ miżuri mfassla sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb. Madankollu, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu meħtieġa jieħdu passi speċjali fejn m’hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b’kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, sakemm tkun ġustifikata adegwatament kull deċiżjoni sabiex ma titteħidx azzjoni.

    (12)

    L-ilmijiet kostali, inklużi l-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom, huma parti integrali ta’ l-ambjent marin, u bħala tali għandhom ikunu koperti minn din id-Direttiva, u dan sa fejn aspetti partikolari ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ambjent marin mhumiex diġà indirizzati permezz tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (8) jew permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa.

    (13)

    Minħabba n-natura transkonfinali ta’ l-ambjent marin, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw l-iżvilupp koordinat ta’ Strateġiji Marini għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin. Billi r-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini huma kondiviżi kemm ma’ Stati Membri oħra kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw koordinazzjoni stretta ma’ l-Istati Membri kollha u ma’ pajjiżi terzi konċernati. Fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, l-istrutturi istituzzjonali eżistenti stabbiliti f’Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini, b’mod partikolari Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, għandhom jintużaw sabiex jiżguraw tali koordinazzjoni.

    (14)

    L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva, fejn l-istatus tal-baħar hu kritiku sal-punt li tinħtieġ azzjoni urġenti, għandhom ifittxu li jaqblu dwar pjan ta’ azzjoni li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri. F’tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi aktar qawwija tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta’ sperimentazzjoni.

    (15)

    Mhux l-Istati Membri kollha għandhom ilmijiet marini kif definiti f’din id-Direttiva u, għalhekk, l-effett tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jindirizzaw esklussivament lill-Istati Membri li għandhom ilmijiet marini għandu jkun limitat għal dawk l-Istati Membri.

    (16)

    Ladarba hija indispensabbli azzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jinkisbu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni, din id-Direttiva għandha ssaħħaħ aktar il-koerenza tal-kontribut tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha taħt ftehim internazzjonali.

    (17)

    Il-Komunità u l-Istati Membri huma rispettivament Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea ta’ l-UNCLOS u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 relatat ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (9). Għandu għalhekk jittieħed kont sħiħ f’din id-Direttiva ta’ l-obbligi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha taħt dak il-ftehim. Minbarra d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ambjent marin tal-Partijiet, l-UNCLOS tinkludi obbligi ġenerali sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta’ Parti ma jikkawżawx ħsara lil hinn mill-ilmijiet marini tagħha, u sabiex jiġi evitat li l-ħsara jew il-perikli jiġu ttrasferiti minn zona għall-oħra jew li tip ta’ tniġġiż jiġi trasformat f’tip ieħor.

    (18)

    Din id-Direttiva għandha wkoll tappoġġa l-pożizzjoni qawwija meħuda mill-Komunità, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, dwar it-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità, l-assigurazzjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina u l-ħolqien ta’ network globali ta’ żoni marini protetti sa l-2012. Addizzjonalment, hi għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Seba’ Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li adottat programm elaborat ta’ ħidma dwar il-bijodiversità marina u kostali b’numru ta’ għanijiet, miri u attivitajiet maħsuba sabiex iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità bijoloġika nazzjonali, reġjonali u globali u sabiex jassiguraw il-kapaċità ta’ l-ekosistemi marini li jsostnu l-provvista ta’ prodotti u servizzi, u programm ta’ ħidma f’żoni protetti bl-objettiv li jitwaqqfu u jinżammu sistemi ekoloġikament rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti sa l-2012. L-obbligu li l-Istati Membri jagħżlu żoni għan-Natura 2000 skond id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Habitats jagħmel kontribut importanti għal dan il-proċess.

    (19)

    Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-obbligi u ta’ l-impenji importanti tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri skond diversi ftehim internazzjonali rilevanti rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marin mit-tniġġis: il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE (10), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin tal-Grigal ta’ l-Atlantiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE (11), inkluż l-Anness V il-ġdid tagħha dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ekosistemi u d-Diversità Bijoloġika taż-Żona Marina u l-Appendiċi 3 korrispondenti, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/340/KE (12), u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin u ż-Żona Kostali tal-Mediterran, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (13), u l-emendi tagħha mill-1995, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE (14), kif ukoll il-Protokoll tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis minn Sorsi Bbażati Fuq l-Art, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE (15), u l-emendi tagħha mill-1996, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE (16). Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ ta’ l-obbligi ta’ l-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis, li permezz tagħha assumew impenji importanti rigward il-protezzjoni ta’ l-ambjent marin mit-tniġġis, u li għaliha l-Komunità għadha mhijiex parti, iżda għandha status ta’ osservatur.

    (20)

    Huwa meħtieġ li pajjiżi terzi li jkollhom ilmijiet marini fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ma’ Stat Membru jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċess stabbilit f’din id-Direttiva, sabiex b’hekk jiffaċilitaw il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

    (21)

    Huwa kruċjali, sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, li tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ objettivi ta’ konservazzjoni, ta’ miżuri ta’ ġestjoni u ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni stabbiliti għal miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew żoni marini protetti.

    (22)

    Għandhom jitqiesu wkoll il-bijodiversità u l-potenzjal għal riċerka marina assoċjata ma’ ambjenti ta’ baħar fond.

    (23)

    Ladarba l-programmi ta’ miżuri esegwiti skond l-Istrateġiji Marini ser ikunu effettivi biss jekk ikunu maħsuba fuq il-bażi ta’ konoxxenza tajba ta’ l-istat ta’ l-ambjent marin f’żona partikolari u huma mfassla viċin kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet ta’ l-ilmijiet konċernati fil-każ ta’ kull Stat Membru u mill-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-preparazzjoni f’livell nazzjonali ta’ qafas adatt, inklużi riċerka marina u operazzjonijiet ta’ monitoraġġ, għat-tfassil ta’ politika b’mod infurmat. Fil-livell Komunitarju, l-appoġġ għal riċerka assoċjata għandu jkun kontinwament inkluż fil-linji politiċi tar-riċerka u l-iżvilupp. Ir-rikonoxximent ta’ kwistjonijiet marini fis-Seba’ Programm Kwadru dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp huwa pass importanti f’dik id-direzzjoni.

    (24)

    Bħala l-ewwel pass fil-preparazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri, l-Istati Membri li jokkupaw Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jagħmlu analiżi ta’ l-aspetti jew tal-karatteristiċi ta’, u tal-pressjonijiet u impatti fuq, l-ilmijiet marini tagħhom, b’mod li jidentifikaw il-pressjonijiet u l-impatti predominanti fuq dawk l-ilmijiet, u analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu tagħhom u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marin. Huma jistgħu jużaw valutazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali bħala bażi għall-analiżi tagħhom.

    (25)

    Abbażi ta’ tali analiżi, l-Istati Membri għandhom imbagħad jiddeterminaw għall-ilmijiet marini tagħhom sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb. Għal dawn l-għanijiet, huwa kunsiljabbli li ssir dispożizzjoni għall-iżvilupp ta’ kriterji u standards metodoloġiċi sabiex tkun żgurata l-konsistenza u sabiex ikun jista’ jsir tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini sal-punt li fih ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Dawn għandhom jiġu żviluppati bl-involviment tal-partijiet interessati kollha.

    (26)

    Il-pass li jmiss sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb għandu jkun li jiġu stabbiliti miri ambjentali u programmi ta’ monitoraġġ għal valutazzjoni kontinwa, li jippermettu li l-istat ta’ l-ilmijiet marini konċernati jiġi evalwat fuq bażi regolari.

    (27)

    L-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta’ miżuri maħsuba sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet konċernati, filwaqt li jakkomodaw ir-rekwiżiti Komunitarji u internazzjonali eżistenti u l-ħtiġijiet tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. Dawk il-miżuri għandhom jiġu mfassla fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni ta’ prevenzjoni, li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rimedjata fil-post minn fejn tkun ġejja, u li min iniġġes għandu jħallas.

    (28)

    Huwa kunsiljabbli li l-Istati Membri jieħdu l-passi msemmija hawn fuq, fid-dawl tal-preċiżjoni meħtieġa fl-attenzjoni li tingħata. Sabiex tkun żgurata l-koeżjoni ta’ l-azzjoni fil-Komunità kollha u fir-rigward ta’ l-impenji fil-livell globali, huwa essenzjali li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-passi meħudin, sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-koerenza ta’ l-azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat u tipprovdi gwida dwar modifiki neċessarji possibbli kif meħtieġ.

    (29)

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li l-kisba jew iż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb f’kull aspett jistgħu ma jkunux possibbli fl-ilmijiet marini kollha sa l-2020. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ ġustizzja u fattibbiltà, huwa kunsiljabbli li jkun hemm provvediment għall-każijiet fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti jew li jikseb jew iżomm status ambjentali tajjeb.

    (30)

    F’dak il-kuntest huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal żewġ każijiet speċjali. L-ewwel każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-miri ambjentali tiegħu minħabba azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li l-Istat Membru konċernat ma jkunx risponsabbli għalihom, jew minħabba kawżi naturali jew force majeure, jew minħabba azzjonijiet li dak l-Istat Membru jkun ħa hu stess għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, jew minħabba li l-kondizzjonijiet naturali ma jippermettux titjib f’waqtu fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini. L-Istat Membru konċernat għandu jissostanzja għaliex huwa jikkunsidra li nqala’ tali każ speċjali u jidentifika ż-żona konċernata, u għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jsegwi l-miri ambjentali,li jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini milqutin uli jtaffi l-impatt avvers fuq ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

    (31)

    It-tieni każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tiegħu, forsi anke tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kollu, iżda li ma tistax tiġi solvuta b’miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jew li tkun marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali. F’tali każ, għandhom isiru arranġamenti sabiex il-Kummissjoni tiġi infurmata b’dan fil-qafas tan-notifika ta’ programmi ta’ miżuri u, fejn tkun meħtieġa azzjoni Komunitarja, sabiex isiru rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

    (32)

    Madankollu, huwa meħtieġ li l-flessibbiltà introdotta għall-każijiet speċjali tkun suġġetta għal kontroll fil-livell Komunitarju. Rigward l-ewwel każ speċjali, huwa għalhekk kunsiljabbli li, tingħata l-attenzjoni dovuta lill-effikaċja ta’ kwalunkwe miżura ad hoc meħuda. Barra dan, f’każijiet fejn l-Istat Membru jirriferi għal azzjoni meħuda għal raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk xi modifiki jew alterazzjonijiet li jsiru lill-ambjent marin bħala konsegwenza ma tipprekludix jew tikkomprometti b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar modifiki neċessarji possibbli jekk hija tqis li l-miżuri previsti mhumiex suffiċjenti jew adattati sabiex jiżguraw koerenza ta’ azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun konċernat.

    (33)

    Rigward it-tieni każ speċjali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kwistjoni u tirrispondi f’perijodu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tirrifletti, skond kif ikun meħtieġ, rakkomandazzjonijiet ta’ l-Istat Membru konċernat meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (34)

    Fid-dawl tan-natura dinamika ta’ l-ekosistemi marini u tal-varjabbiltà naturali tagħhom, u fid-dawl tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta’ tipi differenti ta’ attività umana u bl-impatt tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jingħaraf li d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb tista’ jkollha tiġi adattata maż-żmien. B’hekk, huwa kunsiljabbli li l-programmi ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ l-ambjent marin jkunu flessibbli u adattabbli u jieħdu kont ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini fuq bażi regolari.

    (35)

    Huwa meħtieġ ukoll li jsiru dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri u ta’ l-aġġornamenti tagħhom, u għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta’ rapporti interim li jiddeskrivu l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi.

    (36)

    Sabiex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-pubbliku ġenerali fl-istabbiliment, fl-implimentazzjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini, għandu jsir provvediment għad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni pubblika adegwata dwar l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini, jew dwar l-aġġornamenti relatati tagħhom, kif ukoll, meta tintalab, informazzjoni rilevanti użata għall-iżvilupp ta’ l-Istrateġiji Marini skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali.

    (37)

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta tirċievi l-programmi ta’ miżuri kollha u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2019. Għandhom jiġu ppubblikati rapporti sussegwenti tal-Kummissjoni kull sitt snin minn dakinhar ’il quddiem.

    (38)

    Għandu jsir provvediment għall-adozzjoni ta’ standards metodoloġiċi għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin, tal-monitoraġġ, tal-miri ambjentali u ta’ l-adozzjoni ta’ formati tekniċi għall-finijiet ta’ trasmissjoni u pproċessar ta’ data skond id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (17).

    (39)

    Huwa meħtieġ li l-miżuri li jirregolaw il-ġestjoni tas-sajd ikunu jistgħu jittieħdu fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (18), ibbażati fuq pariri xjentifiċi, sabiex jiġi appoġġat it-twettiq ta’ l-objettivi indirizzati minn din id-Direttiva, inkluż l-għeluq totali ta’ ċerti żoni għas-sajd sabiex ikun permess li l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi jinżammu jew jiġu rkuprati u, fejn hu xieraq, sabiex jiġu ssalvagwardjati, inter alia, il-postijiet fejn ibid, jitrabba u jiekol il-ħut. L-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat Euratom jirregolaw l-iskarigi u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ materjal radjuattiv u għalhekk din id-Direttiva ma għandhiex tindirizzahom.

    (40)

    Il-Politika Komuni tas-Sajd inkluż fir-riforma futura, għandha tikkunsidra l-impatti ambjentali tas-sajd u l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

    (41)

    Fil-każ li l-Istati Membri jikkunsidraw li tkun meħtieġa azzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq jew f’oqsma oħra marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali, huma għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għal azzjoni Komunitarja.

    (42)

    It-tħassib serju ambjentali, b’mod partikolari dak ikkawżat mill-bidla fil-klima, relatat ma’ l-ilmijiet Artiċi, li huma ambjent marin ġar ta’ importanza partikolari għall-Komunità, jeħtieġ li jiġi evalwat mill-istituzzjonijiet Komunitarji u jista’ jkun li jitlob azzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ambjentali ta’ l-Artiku.

    (43)

    Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marin, il-prevenzjoni tad-deterjorament tiegħu u fejn applikabbli r-restawr ta’ dak l-ambjent f’żoni fejn ġie milqut ħażin, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tad-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (44)

    Il-programmi ta’ miżuri u l-azzjoni sussegwenti mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet umani u fuq il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

    (45)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji, rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (19), b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha li huwa maħsub sabiex jippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi ta’ l-Unjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ titjib fil-kwalità ambjentali konformement mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

    (46)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (20).

    (47)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadatta l-Annessi III, IV u V ta’ din id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (48)

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa sabiex tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi sabiex jintużaw mill-Istati Membri u sabiex tadotta speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u valutazzjoni. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jissupplimentaw din id-Direttiva biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sa mhux aktar tard mis-sena 2020.

    2.   Għal dak il-għan, l-Istrateġiji Marini għandhom jiġu żviluppati u implimentati sabiex:

    (a)

    jiġi protett u ppreservat l-ambjent marin, jiġi pprevenut id-deterjorament tiegħu jew, fejn ikun prattikabbli, jiġu rkuprati l-ekosistemi marini f’żoni fejn ġew milquta b’mod ħażin;

    (b)

    jiġu pprevenuti u mnaqqsa l-inputs fl-ambjent marin, bil-għan li jiġi gradwalment eliminat it-tniġġis kif definit fl-Artikolu 3(8), sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatti sinifikanti fuq, jew riskji għal, il-bijodiversità marina, l-ekosistemi marini, is-saħħa umana jew l-użi leġittimi tal-baħar.

    3.   L-Istrateġiji Marini għandhom japplikaw approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-bniedem, b’mod li jiżguraw li l-pressjoni kollettiva ta’ tali attivitajiet tinżamm f’livelli kompatibbli mal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb u li l-kapaċità ta’ l-ekosistemi marini li jirrispondu għal bidliet ikkawżati mill-bniedem ma tiġix kompromessa, filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi marini minn ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

    4.   Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-koerenza bejn, u jkollha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni ta’ interessi ambjentali fil-linji politiċi, fi ftehim u f’miżuri leġislattivi differenti li jkollhom impatt fuq l-ambjent marin.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet marini kollha kif definiti fl-Artikolu 3(1), u għandha tqis l-effetti transkonfinali fuq il-kwalità ta’ l-ambjent marin ta’ pajjiżi terzi fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku fini tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, ifittxu li jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b’mod li jkun kompatibbli, safejn hu raġonevoli u prattikabbli, ma’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “ilmijiet marini” tfisser:

    (a)

    ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tan-naħa tal-baħar tal-linja bażi minn fejn il-medda ta’ l-ilmijiet territorjali hija mkejla li testendi sat-tarf nett taż-żona fejn Stat Membru ikollu u/jew jeżerċita drittijiet ta’ ġurisdizzjoni, skond l-UNCLOS, bl-eċċezzjoni ta’ ilmijiet li jmissu mat-territorji u territorji msemmija fl-Anness II mat-Trattat u mad-Dipartimenti u Kollettivitajiet Esteri Franċiżi; u

    (b)

    ilmijiet kostali kif definiti mid-Direttiva 2000/60/KE, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom, sa fejn aspetti partikolari ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ambjent marin ma jkunux diġà indirizzati permezz ta’ dik id-Direttiva jew leġiżlazzjoni Komunitarja oħra;

    2.

    “Reġjun Marin” tfisser reġjun tal-baħar li huwa identifikat taħt l-Artikolu 4. Ir-Reġjuni Marini u s-Sub-Reġjuni tagħhom huma nominati għall-fini tal-faċilitazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u huma ddeterminati b’kont meħud tal-karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u bijoġeografiċi;

    3.

    “Strateġija Marina” tfisser l-Istrateġija li għandha tiġi żviluppata u implimentata fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kif stabbilit fl-Artikolu 5;

    4.

    “status ambjentali” tfisser l-istat ġenerali ta’ l-ambjent fl-ilmijiet marini, b’kont meħud ta’ l-istruttura, tal-funzjoni u tal-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti flimkien mal-fatturi naturali fisjografiċi, ġeografiċi, bijoloġiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet fiżiċi, akustiċi u kimiċi inklużi dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem ġewwa jew barra ż-żona konċernata;

    5.

    “status ambjentali tajjeb” tfisser l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta’ l-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri, jiġifieri:

    (a)

    l-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti, flimkien mal-fatturi assoċjati fisjografiċi, ġeografiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, jippermettu dawk l-ekosistemi sabiex jiffunzjonaw bis-sħiħ u sabiex iżommu r-reżiljenza tagħhom għall-bidliet ambjentali kkaġunati mill-bniedem. L-ispeċijiet u l-habitats marini ikunu protetti, it-tnaqqis tal-bijodiversità kkaġunat mill-bniedem ikun impedit u komponenti bijoloġiċi differenti jiffunzjonaw f’armonija;

    (b)

    il-proprjetajiet idro-morfoloġiċi, fiżiċi u kimiċi, ta’ l-ekosistemi, inklużi dawk il-proprjetajiet li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata, jappoġġaw l-ekosistemi kif deskritt hawn fuq. L-inputs antropoġeniċi ta’ sustanzi u enerġija, inkluż l-istorbju, fl-ambjent marin ma jikkaġunawx effetti ta’ tniġġis.

    L-istatus ambjentali tajjeb għandu jiġi determinat fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kif imsemmi fl-Artikolu 4, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi fl-Anness I. Għandha tiġi applikata ġestjoni li tadatta abbażi ta’ l-approċċ favur l-ekosistema sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb;

    6.

    “kriterji” tfisser karatteristiċi tekniċi distintivi li huma marbutin mill-qrib ma’ deskritturi kwalitattivi;

    7.

    “mira ambjentali” tfisser dikjarazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva dwar il-kondizzjoni mixtieqa tal-komponenti differenti ta’ l-ilmijiet marini fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun, u tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom. Il-miri ambjentali huma stabbiliti skond l-Artikolu 10;

    8.

    “tniġġis” tfisser introduzzjoni diretta jew indiretta fl-ambjent marin, kaġun ta’ attività tal-bniedem, ta’ sustanzi jew ta’ enerġija, inkluż storbju taħt il-baħar ikkawżat mill-bniedem, li jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta f’effetti detrimentali bħal ħsara lir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi marini, inkluż it-telf tal-bijodiversità, perikli għas-saħħa tal-bniedem, tfixkil ta’ attivitajiet marini, inklużi s-sajd, it-turiżmu u r-rekreazzjoni u użu leġittimu ieħor tal-baħar, ħsara fil-kwalità ta’ l-użu ta’ l-ilma baħar u tnaqqis ta’ amenitajiet jew, b’mod ġenerali, ħsara lill-użu sostennibbli ta’ prodotti jew servizzi marini;

    9.

    “koperazzjoni reġjonali” tfisser koperazzjoni u koordinazzjoni ta’ attivitajiet bejn Stati Membri u, kull meta possibbli, pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, bil-fini li jiġu żviluppati u implimentati Strateġiji Marini;

    10.

    “Konvenzjoni dwar Baħar Reġjonali” tfisser kwalunkwe mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew ftehim internazzjonali flimkien mal-korpi governattivi tagħhom stabbiliti bil-fini li jiġi protett l-ambjent marin tar-Reġjuni Marini imsemmijin fl-Artikolu 4, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin tal-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin ta’ l-Atlantiku tal-Grigal u l-Konvenzjoni dwar l-Ambjent Marin u r-Reġjun Kostali tal-Baħar tal-Mediterran.

    Artikolu 4

    Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini

    1.   L-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, jieħdu kont tal-fatt li l-ilmijiet marini koperti mis-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom jifformaw parti integrali mir-Reġjuni Marini li ġejjin:

    (a)

    il-Baħar Baltiku;

    (b)

    l-Oċean Atlantiku tal-Grigal;

    (ċ)

    il-Baħar Mediterran;

    (d)

    il-Baħar l-Iswed.

    2.   L-Istati Membri jistgħu, sabiex jieħdu kont ta’ l-ispeċifiċitajiet ta’ żona partikolari, jimplimentaw din id-Direttiva b’referenza għas-subdiviżjonijiet fil-livell adatt ta’ l-ilmijiet marini msemmijin fil-paragrafu 1, sakemm tali subdiviżjonijiet ikunu delimitati b’mod kompatibbli mas-Sub-Reġjuni Marini li ġejjin:

    (a)

    fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal:

    (i)

    il-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, inklużi l-Kattegat u l-Kanal Ingliż;

    (ii)

    l-Ilmijiet Ċeltiċi;

    (iii)

    il-Bajja ta’ Biskajja u l-Kosta ta’ l-Iberja;

    (iv)

    fl-Oċean Atlantiku, ir-reġjun bijo-ġeografiku Makaroneżjan, li jikkonsisti mill-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji;

    (b)

    fil-Baħar Mediterran:

    (i)

    il-Baħar Mediterran tal-Punent;

    (ii)

    il-Baħar Adrijatiku;

    (iii)

    il-Baħar Jonju u l-Baħar Mediterran Ċentrali;

    (iv)

    il-Baħar Eġew u tal-Lvant.

    L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe subdiviżjoni sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 26(1) iżda jistgħu jirriveduhom hekk kif titlesta l-ewwel valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), punt (a)(i).

    Artikolu 5

    Strateġiji Marini

    1.   Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu skond il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

    2.   L-Istati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu koerenti u kkoordinati fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu kkonċernat, konformement mal-pjan ta’ azzjoni li ġej li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex isegwu approċċ komuni:

    (a)

    preparazzjoni:

    (i)

    valutazzjoni inizjali, li għandha titlesta sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ l-ilmijiet konċernati u ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 8;

    (ii)

    determinazzjoni, li għandha tiġi stabbilita sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 9(1);

    (iii)

    l-istabbiliment, sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ serje ta’ miri ambjentali u ta’ indikaturi assoċjati, skond l-Artikolu 10(1);

    (iv)

    l-istabbiliment u l-implimentazzjoni, sal-15 ta’ Lulju 2014, ħlief fejn ikun diversament speċifikat fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, ta’ programm ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa u għall-aġġornamenti regolari tal-miri, skond l-Artikolu 11(1).

    (b)

    programmi ta’ miżuri:

    (i)

    l-iżvilupp, sa mhux aktar tard mill-2015, ta’ programm ta’ miżuri maħsub sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, skond l-Artikoli 13(1), (2) u (3);

    (ii)

    il-bidu ta’ l-operazzjoni tal-programm previst fil-punt (i), sa mhux aktar tard mill-2016, skond l-Artikolu 13(10).

    3.   L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva huma esortati, fejn l-istatus tal-baħar ikun tant kritiku li jkun jeħtieġ azzjoni urġenti, li jfasslu pjan ta’ azzjoni skond il-paragrafu 1, li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri kif ukoll miżuri protettivi aktar stretti li jkunu possibbli, sakemm dan ma jipprevenix li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ieħor. F’dawn il-każijiet:

    (a)

    l-Istati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-iskeda ta’ żmien riveduta tagħhom u jipproċedu skond il-każ;

    (b)

    il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi msaħħa tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta’ sperimentazzjoni.

    Artikolu 6

    Koperazzjoni reġjonali

    1.   Sabiex tinkiseb il-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom, fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, jużaw strutturi reġjonali ta’ koperazzjoni istituzzjonali, inkluż dawk taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, li jkopru dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    2.   Għall-fini ta’ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġiji Marini, l-Istati Membri għandhom, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jagħmlu kull sforz, bl-użu tal-fora internazzjonali rilevanti, inklużi mekkaniżmi u strutturi ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jibnu fuq programmi u attivitajiet eżistenti rilevanti żviluppati fil-qafas ta’ strutturi stabbiliti taħt ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

    Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni għandhom jiġu estiżi, fejn kunsiljabbli, għall-Istati Membri kollha fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, inklużi l-pajjiżi mdawra bl-art, sabiex jippermettu lill-Istati Membri fi ħdan dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin jwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, bl-użu ta’ strutturi ta’ koperazzjoni stabbiliti li huma preskritti f’din id-Direttiva jew fid-Direttiva 2000/60/KE.

    Artikolu 7

    Awtoritajiet kompetenti

    1.   L-Istati Membri għandhom, sal-15 ta’ Lulju 2010, għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-ilmijiet marini tagħhom.

    Sal-15 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti maħtura, flimkien ma’ l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness II.

    Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-korpi internazzjonali li fihom huma jipparteċipaw u li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    L-Istati Membri fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ukoll jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-koperazzjoni u koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta konformement mal-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta tali bidla tidħol fis-seħħ.

    KAPITOLU II

    STRATEĠIJI MARINI: PREPARAZZJONI

    Artikolu 8

    Valutazzjoni

    1.   Fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom, b’kont meħud ta’ data eżistenti fejn disponibbli u li tkopri li ġej:

    (a)

    analiżi ta’ l-aspetti u tal-karatteristiċi essenzjali u ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III, u li tkopri l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, it-tipi ta’ habitats, il-karatteristiċi bijoloġiċi u l-idromorfoloġija;

    (b)

    analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti predominanti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem, dwar l-istatus ambjentali ta’ dawk l-ilmijiet li:

    (i)

    tkun ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ l-elementi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u li tkopri t-taħlita kwalitattiva u kwantitattiva tal-pressjonijiet varji, kif ukoll ix-xejriet perċettibbli;

    (ii)

    tkopri l-effetti kumulattivi u sinerġetiċi ewlenin; u

    (iii)

    tieħu kont ta’ l-evalwazzjonijiet rilevanti li ġew imfassla skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti;

    (ċ)

    analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu ta’ dawk l-ilmijiet marini u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marin.

    2.   L-analiżi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ta’ l-elementi li jirrigwardaw ilmijiet kostali, transizzjonali u territorjali koperti mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ legislazzjoni Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/60/KE. Huma għandhom ukoll jieħdu kont ta’, jew jużaw bħala l-bażi tagħhom, valutazzjonijiet rilevanti oħra bħal dawk imwettqa b’mod konġunt fil-kuntest tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali sabiex jipproduċu valutazzjoni komprensiva ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin.

    3.   Fit-tħejjija ta’ l-evalwazzjonijiet skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, permezz tal-koordinazzjoni stabbilita skond l-Artikoli 5 u 6, jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li:

    (a)

    il-metodoloġiji ta’ l-evalwazzjoni jkunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu;

    (b)

    jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali.

    Artikolu 9

    Determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

    1.   B’referenza għall-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiddeterminaw, għall-ilmijiet marini, sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi elenkati fl-Anness I.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III u, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, tat-tipi ta’ habitats, tal-karatteristiċi bijoloġiċi, u ta’ l-idromorfoloġija.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ukoll tal-pressjonijiet jew l-impatti ta’ l-attivitajiet umani f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, filwaqt li jqisu l-listi indikattivi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni magħmula skond l-Artikolu 8(1) u bid-determinazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur minn din ta’ l-aħħar.

    3.   Il-kriterji u l-istandards metodoloġiċi li għandhom jintużaw mill-Istati Membri, li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu stabbiliti, abbażi ta’ l-Annessi I u III, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3) sal-15 ta’ Lulju 2010 b’tali mod sabiex jiżguraw konsistenza u sabiex jippermettu għal tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini fir-rigward ta’ kemm ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Qabel tipproponi tali kriterji u standards il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

    Artikolu 10

    Stabbiliment ta’ miri ambjentali

    1.   Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jistabbilixxu sett komprensiv ta’ miri ambjentali u indikaturi assoċjati għall-ilmijiet marini tagħhom sabiex jiggwidaw il-progress lejn il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin, b’kont meħud tal-listi indikattivi ta’ pressjonijiet u impatti stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u ta’ karatteristiċi stabbiliti fl-Anness IV.

    Fit-tfassil ta’ dawk il-miri u indikaturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’ l-applikazzjoni kontinwa ta’ miri ambjentali eżistenti rilevanti, stabbiliti fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali fir-rigward ta’ l-istess ilmijiet, waqt li jiżguraw li dawn il-miri jkunu reċiprokament kompatibbli u li l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali jiġu meqjusa wkoll sa fejn hu possibbli.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miri ambjentali fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

    Artikolu 11

    Programmi ta’ monitoraġġ

    1.   Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom abbażi tal-lista indikattiva ta’ elementi stabbiliti fl-Anness III u tal-lista stabbilita fl-Anness V, u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10.

    Il-programmi ta’ monitoraġġ għandhom ikunu kompatibbli fir-Reġjuni jew Sotto-Reġjuni Marini u għandhom jibnu fuq, u jkunu kompatibbli ma’, dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stipulati bil-leġislazzjoni Komunitarja, inklużi d-Direttivi dwar il-Habitats u l-Għasafar, jew taħt ftehim internazzjonali.

    2.   Stati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ifasslu programmi ta’ monitoraġġ skond il-paragrafu 1 u għandhom, fl-interess tal-koerenza u tal-koordinazzjoni, jagħmlu li jistgħu sabiex jiżguraw li:

    (a)

    il-metodi tal-monitoraġġ ikunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun kollu b’tali mod li tiġi faċilitata l-komparabbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ;

    (b)

    jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali rilevanti.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta’ monitoraġġ fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

    4.   Għandhom jiġu adottati speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni li jieħdu kont ta’ l-impenji eżistenti u li jiżguraw komparabbiltà bejn riżultati ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni u li jkunu mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 25(3).

    Artikolu 12

    Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

    Abbażi tan-notifiki magħmulin skond l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(3) fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fil-każ ta’ kull Stat Membru, jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

    Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ta’ l-oqfsa fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità kollha.

    Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, l-elementi notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifiki li tqis li huma meħtieġa.

    KAPITOLU III

    STRATEĠIJI MARINI: PROGRAMMI TA’ MIŻURI

    Artikolu 13

    Programmi ta’ miżuri

    1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, kif determinat skond l-Artikolu 9(1), fl-ilmijiet marini tagħhom.

    Dawk il-miżuri għandhom jitfasslu abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1) u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1), u b’konsiderazzjoni tat-tipi ta’ miżuri elenkati fl-Anness VI.

    2.   L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri mfassla skond il-paragrafu 1 fi programm ta’ miżuri, b’kont meħud tal-miżuri rilevanti meħtieġa skond il-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (21), id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġar ta’ l-ilma għall-għawm (22) kif ukoll leġiżlazzjoni ulterjuri futuradwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma jew ftehim internazzjonali.

    3.   Fit-tfassil tal-programm ta’ miżuri skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni dovuta lill-iżvilupp sostenibbli u, b’mod partikolari, lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti. Sabiex jassistu lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 lejn l-objettivi tagħhom b’mod integrat, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw jew jistabbilixxu oqsfa amministrattivi bil-għan li jibbenefikaw minn tali interazzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ikunu effikaċi fir-rigward ta’ l-ispiża u li jkunu teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu stimi ta’ impatt, inklużi analiżi dettaljati tal-benefiċċji fir-rigward ta’ l-ispiża, qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

    4.   Il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond dan l-Artikolu għandhom, fuq bażi esortatorja, jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji, b’mod li jikkontribwixxu għal networks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti, li jkopru b’mod adegwat id-diversità ta’ l-ekosistemi kostitwenti, bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni skond id-Direttiva, ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali skond id-Direttiva, u ta’ żoni marini protetti kif miftiehma mill-Komunità jew mill-Istati Membri konċernati fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom ikunu partijiet.

    5.   Fejn l-Istati Membri jqisu li l-ġestjoni ta’ attività umana fil-livell Komunitarju jew internazzjonali x’aktarx li jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent marin, partikolarment fiż-żoni indirizzati fil-paragrafu 4, huma għandhom, individwalment jew b’mod konġunt, jindirizzaw lill-awtorità kompetenti jew lill-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata sabiex jiġu kkunsidrati u possibilment adottati miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jinżammu jew, skond il-każ, ristawrati, l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi.

    6.   Sa mhux aktar tard mill-2013, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, informazzjoni rilevanti dwar iż-żoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

    7.   L-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi ta’ miżuri tagħhom kif il-miżuri għandhom jiġu implimentati u kif sejrin jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1).

    8.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-programmi ta’ miżuri tagħhom fir-rigward ta’ ilmijiet lil hinn mill-ilmijiet marini tagħhom, bil-għan li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħsara f’dawk l-ilmijiet u, jekk ikun possibbli, ikollhom impatt pożittiv fuqhom.

    9.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat bil-programmi ta’ miżuri tagħhom, sa tliet xhur minn meta jiġu stabbiliti.

    10.   Suġġett għall-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi jsiru operattivi sa sena minn meta jiġu stabbiliti.

    Artikolu 14

    Eċċezzjonijiet

    1.   Stat Membru jista’ jidentifika każijiet fi ħdan l-ilmijiet marini tiegħu fejn, għal kwalunkwe raġuni elenkata taħt il-punti (a) sa (d), il-miri ambjentali jew l-istatus ambjentali tajjeb ma jistgħux jintlaħqu f’kull aspett permezz ta’ miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, jew, għal raġunijiet imsemmija taħt il-punt (e), dawn ma jistgħux jintlaħqu fl-iskeda ta’ żmien konċernata:

    (a)

    azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li għalihom l-Istat Membru konċernat ma jkunx responsabbli;

    (b)

    kawżi naturali;

    (ċ)

    force majeure;

    (d)

    modifiki jew alterazzjonijiet fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-ilmijiet marini kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali;

    (e)

    kondizzjonijiet naturali li ma jippermettux titjib f’ħin opportun fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini konċernati.

    L-Istat Membru konċernat għandu jidentifika każijiet bħal dawn b’mod ċar fil-programm tiegħu ta’ miżuri u għandu jissostanzja l-veduti tiegħu lill-Kummissjoni. Fl-identifikazzjoni ta’ każijiet, Stat Membru għandu jikkunsidra l-konsegwenzi għall-Istati Membri fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

    Madankollu, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jfittex jilħaq il-miri ambjentali, sabiex jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini milqutin għal raġunijiet identifikati taħt il-punti (b), (ċ) jew (d) u sabiex itaffi l-impatt ħażin fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

    2.   Fis-sitwazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modifiki jew l-alterazzjonijiet ma jeskludux jew ma jikkompromettux b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

    3.   Il-miżuri ad hoc imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu integrati sa fejn ikun prattikabbli fil-programmi ta’ miżuri.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-elementi kollha ta’ l-Istrateġiji Marini msemmija fl-Artikolu 5(2), iżda m’għandhomx ikunu meħtieġa, ħlief fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni inizjali deskritta fl-Artikolu 8, jieħdu passi speċifiċi fejn ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b’kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, u dan sakemm ma jkunx hemm aktar deterjorament.

    Fejn, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet, Stat Membru ma jieħu ebda pass, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-ġustifikazzjoni meħtieġa sabiex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu, filwaqt li jevita li jiġi permanentement kompromess il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb.

    Artikolu 15

    Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni Komunitarja

    1.   Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tiegħu u li ma tistax tiġi trattata b’miżuri adottati fil-livell nazzjonali, jew li tkun marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali ieħor, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni skond il-każ u jipprovdi ġustifikazzjoni sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu.

    Il-Kummissjoni għandha twieġeb fi żmien sitt xhur.

    2.   Fejn tkun meħtieġa azzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għal miżuri fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rakkomandazzjoni bħal din fi żmien sitt xhur u, skond il-każ, tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 16

    Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

    Abbażi tan-notifiki ta’ programmi ta’ miżuri skond l-Artikolu 13(9), il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fil-każ ta’ kull Stat Membru, il-programmi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

    Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza tal-programmi ta’ miżuri fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità.

    Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, il-programmi ta’ miżuri notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva, u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifika li tqis meħtieġa.

    KAPITOLU IV

    AĠĠORNAMENT, RAPPORTI U INFORMAZZJONI PUBBLIKA

    Artikolu 17

    Aġġornament

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, l-Istrateġiji Marini jinżammu aġġornati.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu, b’mod koordinat kif imsemmi fl-Artikolu 5, l-elementi li ġejjin, ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

    (a)

    il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

    (b)

    il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

    (ċ)

    il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

    (d)

    il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

    3.   Id-dettalji ta’ kwalunkwe aġġornament li jsir konsegwentement għar-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 19(2).

    4.   L-Artikoli 12 u 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.

    Artikolu 18

    Rapporti interim

    L-Istati Membri għandhom, sa tliet snin mill-pubblikazzjoni ta’ kull programm ta’ miżuri jew aġġornament tiegħu skond l-Artikolu 19(2), jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport interim qasir li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.

    Artikolu 19

    Konsultazzjoni pubblika u informazzjoni

    1.   Skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jiġu mogħtija opportunitajiet bikrija u effettivi sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jiġu involuti, fejn ikun possibbli, korpi jew strutturi eżistenti ta’ mmaniġġar, inklużi Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, Korpi Konsultattivi Xjentifiċi u Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, għall-finijiet ta’ kummenti, sommarji ta’ l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati, kif ġej:

    (a)

    il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

    (b)

    il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

    (ċ)

    il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

    (d)

    il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

    3.   Għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni ambjentali, għandha tapplika d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (23).

    Konformement mad-Direttiva 2007/2/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari r-reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità skond l-Artikolu 20 (3)(b), b’aċċess u drittijiet ta’ l-użu fir-rigward ta’ data u informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11.

    Mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta jsiru disponibbli d-data u l-informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11, tali informazzjoni u data għandhom isiru disponibbli wkoll għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

    Artikolu 20

    Rapporti tal-Kummissjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi kollha ta’ miżuri u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2019.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika aktar rapporti kull sitt snin minn dakinhar ‘il quddiem. Hija għandha tippreżenta r-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    2.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jevalwa l-kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi, impenji u inizjattivi eżistenti ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità fil-livell Komunitarju jew fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali ta’ l-ilmijiet marini.

    Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.   Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

    (b)

    reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità, magħmul f’koordinazzzjoni ma’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-organizzazzjonijiet u konvenzjonijiet reġjonali marini u tas-sajd rilevanti;

    (ċ)

    stħarriġ ta’ l-Istrateġiji Marini, flimkien ma’ suġġerimenti għat-titjib tagħhom;

    (d)

    sommarju ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond l-Artikoli 12 u 16 u tal-valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 16, fir-rigward ta’ l-informazzjoni riċevuta minn Stati Membri skond l-Artikolu 15;

    (e)

    sommarju tar-rispons għal kull wieħed mir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond l-Artikolu 18;

    (f)

    sommarju tar-risposti għall-kummenti magħmulin mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Strateġiji Marini preċedenti;

    (ġ)

    sommarju tal-kontribut minn linji politiċi Komunitarji rilevanti oħra għall-kisba ta’ l-objetttivi ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Rapport ta’ progress dwar iż-żoni protetti

    Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sa l-2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta sa l-2014 dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni marini protetti, filwaqt li tikkunsidra l-obbligi eżistenti taħt il-liġi Komunitarja applikabbli u l-impenji internazzjonali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

    Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 22

    Finanzjament Komunitarju

    1.   Minħabba l-prijorità marbuta b’mod inerenti mal-ħolqien ta’ strateġiji marini, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun appoġġata minn strumenti finanzjarji eżistenti tal-Komunità konformement mar-regoli u l-kondizzjonijiet applikabbli.

    2.   Il-programmi mfassla mill-Istati Membri għandhom jiġu kofinanzjati mill-UE konformement ma’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

    Artikolu 23

    Reviżjoni ta’ din id-Direttiva

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva sal-15 ta’ Lulju 2023, u għandha, fejn ikun kunsiljabbli, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 24

    Adattamenti tekniċi

    1.   L-Annessi III, IV u V jistgħu jiġu emendati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), b’kont meħud tal-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini stabbiliti fl-Artikolu 17(2).

    2.   Skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 25(2),

    (a)

    jistgħu jiġu adottati standards metodoloġiċi għall-applikazzjoni ta’ l-Annessi I, III, IV u V;

    (b)

    jistgħu jiġu adottati formati tekniċi għall-finijiet tat-trasmissjoni u ta’ l-ipproċessar ta’ data, inkluża data statistika u kartografika.

    Artikolu 25

    Kumitat Regolatorju

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 26

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Lulju 2010. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    3.   L-Istati Membri li m’għandhomx ilmijiet marini għandhom idaħħlu fis-seħħ biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7.

    Fejn tali miżuri jkunu diġà qegħdin fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

    Artikolu 27

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 28

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 17 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LENARČIČ


    (1)  ĠU C 185, 18.8.2006, p. 20.

    (2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 5.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2006 (ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 86), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 242 E, 16.10.2007, p. 11) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2007 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008.

    (4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

    (6)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE.

    (7)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

    (8)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).

    (9)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

    (10)  ĠU L 73, 16.3.1994, p. 19.

    (11)  ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1.

    (12)  ĠU L 118, 19.5.2000, p. 44.

    (13)  ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

    (14)  ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32.

    (15)  ĠU L 67, 12.3.1983, p. 1.

    (16)  ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18.

    (17)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

    (18)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

    (19)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

    (20)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (21)  ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (22)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37.

    (23)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.


    ANNESS I

    Deskritturi kwalitattivi għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

    (imsemmija fl-Artikoli 3(5), 9(1), 9(3) u 24)

    (1)

    Id-diversità bijoloġika hija miżmuma. Il-kwalità u l-preżenza tal-habitats u d-distribuzzjoni u l-abbundanza ta’ l-ispeċi huma konformi mal-kondizzjonijiet fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi prevalenti.

    (2)

    Speċji mhux indiġeni introdotti minn attivitajiet umani huma f’livelli li ma jbiddlux negattivament l-ekosistemi.

    (3)

    Il-popolazzjonijiet tal-ħut u krostaċej kollha sfruttati kummerċjalment jinsabu f’limiti bijoloġiċi siguri, filwaqt li jippreżentaw distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi ta’ l-età u tad-daqs li tindika stokk b’saħħtu.

    (4)

    L-elementi kollha tas-sistemi marini ta’ l-ikel, sa fejn huma magħrufa, jeżistu f’abbundanza u f’diversità normali u f’livelli li huma kapaċi jiżguraw l-abbundanza ta’ l-ispeċi fuq perjodu twil ta’ żmien u ż-żamma tal-kapaċità riproduttiva sħiħa tagħhom.

    (5)

    L-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem hi minimizzata, speċjalment l-effetti ħżiena tagħha, bħat-telf fil-bijodiversità, id-degradazzjoni ta’ l-ekosistema, il-proliferazzjoni ta’ algi dannużi, u n-nuqqas ta’ ossiġnu fl-ilmijiet tal-qiegħ.

    (6)

    L-integrità ta’ qiegħ il-baħar tkun f’livell li jiżgura li l-istruttura u il-funzjonijiet ta’ l-ekosistemi huma salvagwardati u l-ekosistemi tal-flora u l-fawna ta’ qiegħ il-baħar, b’mod partikolari, ma jiġux milquta ħażin.

    (7)

    L-alterazzjoni permanenti tal-kondizzjonijiet idrografiċi ma tolqotx ħażin l-ekosistemi marittimi.

    (8)

    Il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti huma f’livelli li ma jwasslux għal effetti ta’ tniġġis.

    (9)

    Il-kontaminanti f’ħut u f’ikel tal-baħar ieħor għall-konsum tal-bniedem ma jeċċedux livelli stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja jew standards rilevanti oħra.

    (10)

    Il-proprjetajiet u l-kwantitajiet ta’ rifjuti marini ma jikkawżawx dannu għall-ambjent kostali u marin.

    (11)

    L-introduzzjoni ta’ l-enerġija, inkluż storbju ta’ taħt il-baħar, hija f’livelli li ma jolqtux ħażin l-ambjent marin.

    Sabiex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu kif previst fl-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull wieħed mid-deskritturi kwalitattivi elenkati f’dan l-Anness sabiex jidentifikaw dawk id-deskritturi li għandhom jintużaw fid-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb għal dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu. Meta Stat Membru jikkunsidra li ma jkunx il-każ li jintuża xi wieħed jew diversi minn dawk id-deskritturi, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni fil-qafas tan-notifika li ssir skond l-Artikolu 9(2).


    ANNESS II

    Awtoritajiet kompetenti

    (imsemmija fl-Artikolu 7(1))

    (1)

    L-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti – l-isem u l-indirizz uffiċjali ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti identifikati.

    (2)

    L-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti – deskrizzjoni qasira ta’ l-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

    (3)

    Responsabbiltajiet – deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet legali u amministrattivi ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tagħhom relattivament għall-ilmijiet marini konċernati.

    (4)

    Sħubija – meta l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti jaġixxu bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta’ dawn flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

    (5)

    Koordinazzjoni reġjonali jew sub-reġjonali – huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li l-ilmijiet marini tagħhom jaqgħu fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.


    ANNESS III

    Listi indikattivi ta’ karatteristiċi, pressjonijiet u impatti

    (imsemmija fl-Artikoli 8(1), 9(1), 9(3), 10(1), 11(1) u 24)

    Tabella 1

    Karatteristiċi

    Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

    Topografija u batimetrija ta’ qiegħ il-baħar;

    Reġim tat-temperatura u koperta tas-silġ annwali u staġjonali, veloċità attwali, upwelling, kxif għall-mewġ, it-taħlit ta’ karatteristiċi, turbidità, ħin ta’ residenza;

    Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta’ salinità;

    Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta’ nutrijenti (DIN, TN, DIP, TP, TOC) u ossiġnu;

    Profili pH, pCO2 jew informazzjoni ekwivalenti użati għall-kejl ta’ l-aċidifikazzjoni marina.

    Tipi ta’ habitats

    It-tip(i) predominanti ta’ habitats ta’ qiegħ il-baħar u water column b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tipiċi, bħal fond, reġim tat-temperatura ta’ l-ilma, kurrenti u movimenti oħra ta’ l-ilma, salinità, kompożizzjoni ta’ l-istruttura u s-sottostrat tal-qiegħ;

    Identifikazzjoni u ppjantar ta’ tipi ta’ habitats speċjali speċjalment dawk rikonoxxuti jew identifikati taħt il-leġislazzjoni Komunitarja (id-Direttiva dwar il-Habitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar) jew konvenzjonijiet internazzjonali bħala ta’ interess speċjali xjentifiku jew ta’ bijodiversità;

    Habitats f’żoni li minħabba l-karatteristiċi, il-post jew l-importanza strateġika tagħhom jistħoqqilhom referenza partikolari. Din tista’ tinkludi żoni suġġetti għal pressjonijiet intensi jew speċifiċi jew żoni li jistħoqqilhom reġim ta’ protezzjoni speċifika.

    Karatteristiċi bijoloġiċi

    Deskrizzjoni tal-komunitajiet bijoloġiċi assoċjati mal-habitats predominanti ta’ qiegħ il-baħar u water column. Din tkun tinkludi informazzjoni dwar il-komunitajiet ta’ fitoplankton u żooplankton inkluż l-ispeċi u l-varjabbiltà staġjonali u ġeografika;

    Informazzjoni dwar l-anġjospermi, il-makro-algae u l-fawna invertebrata tal-qiegħ, inkluż il-kompożizzjoni ta’ l-ispeċi, il-bijomassa u l-varjabbiltà annwali/staġjonali;

    Informazzjoni dwar l-istruttura tal-popolazzjonijiet ta’ ħut inklużi l-abbundanza, id-distribuzzjoni u l-istruttura ta’ età/daqs tal-popolazzjonijiet;

    Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-status naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha tal-mammiferi u r-rettili marini li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;

    Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar tal-baħar li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;

    Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta’ l-ispeċi kollha l-oħrajn li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin li jkunu s-suġġett tal-leġislazzjoni Komunitarja jew ta’ ftehim internazzjonali;

    Inventarju tal-preżenza temporanja, ta’ l-abbundanza u tad-distribuzzjoni ġeografika ta’ speċi eżotiċi mhux indiġeni jew, fejn rilevanti, forom ta’ speċi nattivi distinti ġenetikament, li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    Karatteristiċi oħrajn

    Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kimiki, inklużi kimiki li joħolqu tħassib, kontaminazzjoni tas-sediment, żoni sħan, kwistjonijiet ta’ saħħa u kontaminazzjoni tal-biota (speċjalment il-biota maħsuba għall-konsum tal-bniedem);

    Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe aspetti oħra jew ta’ karatteristiċi tipiċi ta’ jew speċifiċi għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.


    Tabella 2

    Pressjonijiet u Impatti

    Telf fiżiku

    Soppressjoni (eż. bi strutturi magħmula mill-bniedem, rimi tat-tħammil);

    Issiġillar (eż. b’kostruzzjonijiet permanenti)

    Ħsara fiżika

    Tibdil fl-insabbjament (eż. bi skarkir ta’ ilma, b’run-off miżjuda, bit-tħammil/bir-rimi tat-tħammil);

    Grif (eż. impatt fuq qiegħ il-baħar minn sajd kummerċjali, tbaħħir, ankrar, sajd kummerċjali);

    Estratt selettiv (eż. esplorazzjoni u sfruttament ta’ riżorsi ħajjin u mhux ħajjin f’qiegħ il-baħar u fis-subsoil).

    Disturbi fiżiċi oħrajn

    Storbju sottomarin (eż. minn bastimenti, tagħmir akustiku ta’ taħt l-ilma);

    Ħmieġ marin

    Interferenza ma’ proċessi idroloġiċi

    Tibdil sinifikanti fir-reġim termali (eż. skarikar ta’ ilma minn power stations);

    Tibdil sinifikanti fir-reġim tas-salinità (eż. b’kostruzzjonijiet li jimpedixxu l-flussi ta’ l-ilma, bl-astrazzjoni ta’ l-ilma).

    Kontaminazzjoni b’sustanzi perikolużi

    Introduzzjoni ta’ komposti sintetiċi (eż. sustanzi prijoritarji taħt id-Direttiva 2000/60/KE li huma rilevanti għall-ambjent marin, bħal pestiċidi, antifoulants, farmaċewtiċi, li jirriżultaw per eżempju minn ħruġ minn sorsi diffużi, inkwinament minn vapuri, depożiti atmosferiċi) u sustanzi bijoloġikament attivi;

    Introduzzjoni ta’ sustanzi u komposti mhux sintetiċi (eż. metalli tqal, idrokarboni li jirriżultaw per eżempju minn tniġġis minn bastimenti u esplorazzjoni u sfruttament ta’ żejt, gass u minerali, depożitu atmosferiku, inputs mix-xmajjar);

    Introduzzjoni ta’ radio nuclides.

    Rilaxx sistematiku u intenzjonat ta’ sustanzi

    Introduzzjoni ta’ sustanzi oħra, kemm jekk solidi, likwidi jew gass, fl-ilmijiet marini, li jirriżultaw mir-rilaxx sistematiku u/jew intenzjonat tagħhom fl-ambjent marin, kif permess konformement ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra u/jew konvenzjonijiet internazzjonali.

    Arrikkiment nutrijenti u organiku ta’ materji

    Inputs ta’ fertilizzanti u sustanzi oħra li fihom ħafna nitroġenu jew fosfru (eż. minn siti ta’ emissjoni, ħruġ minn siti diffużi inklużi l-agrikoltura, l-akwakultura, depożitu atmosferiku);

    Inputs ta’ materja organika (eż. drenaġġ, marikultura, inputs mix-xmara).

    Disturbi bijoloġiċi

    Introduzzjoni ta’ patoġeni mikrobiċi;

    Introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni u traslokazzjonijiet;

    Estratt selettiv ta’ speċi, inkluż qbid mhux immirat inċidentali (eż. b’sajd kummerċjali u rikreattiv).


    ANNESS IV

    Listi indikattivi ta’ karatteristiċi li tagħhom irid jittieħed kont għad-determinazzjoni ta’ miri ambjentali

    (imsemmija fl-Artikoli 10(1) u 24)

    (1)

    Kopertura adegwata ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    (2)

    Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti (a) miri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet mixtieqa bbażati fuq id-definizzjoni ta’ status ambjentali tajjeb; (b) miri miżurabbli u indikaturi assoċjati li jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni; u (ċ) miri operattivi relatati ma’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni sabiex jappoġġaw il-kisba tagħhom.

    (3)

    Speċifikazzjoni ta’ l-istatus ambjentali li għandu jintlaħaq jew jinżamm u formulazzjoni ta’ dak l-istatus f’termini ta’ kwalitajiet miżurabbli ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini ta’ Stat Membru f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

    (4)

    Konsistenza tas-sett ta’ miri; assenza ta’ konflitti bejniethom.

    (5)

    Speċifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri.

    (6)

    Formulazzjoni tal-miri, li jinkludu miri interim possibbli, b’perijodu definit ta’ żmien sabiex jintlaħqu.

    (7)

    Speċifikazzjoni ta’ indikaturi maħsuba sabiex jissorveljaw il-progress u sabiex jiggwidaw deċiżjonijiet maniġerjali sabiex jintlaħqu l-miri.

    (8)

    Fejn ikun kunsiljabbli, speċifikazzjoni ta’ punti ta’ riferiment (punti ta’ riferiment għall-miri u l-limiti).

    (9)

    Konsiderazzjoni dovuta ta’ interessi soċjali u ekonomiċi fl-istabbiliment tal-miri.

    (10)

    Eżami tas-sett ta’ miri ambjentali, indikaturi assoċjati u punti ta’ riferiment tal-limiti u l-miri żviluppati fid-dawl ta’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1, sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ilmijiet marini li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun Marin għal status li jikkorrispondi magħhom.

    (11)

    Kompatibbiltà tal-miri ma’ l-objettivi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha kkommettew ruħhom għalihom taħt ftehim internazzjonali u reġjonali rilevanti, bl-użu ta’ dawk li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat bl-għan li jinkisbu l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 1.

    (12)

    Meta jiġi stabbilit is-sett ta’ miri u indikaturi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien relattivament ma’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1 sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ambjent marin għal status li jikkorrispondi magħhom.


    ANNESS V

    Programmi ta’ monitoraġġ

    (imsemmija fl-Artikoli 11(1) u 24)

    (1)

    Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ambjentali u għal stima tad-distanza minn, u l-progress lejn, status ambjentali tajjeb konformement ma’ l-Anness III u mal-kriterji u standards metodoloġiċi li għandhom jiġu definiti skond l-Artikolu 9(3).

    (2)

    Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ indikaturi adattati għall-miri ambjentali previsti fl-Artikolu 10.

    (3)

    Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-istima ta’ l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu 13.

    (4)

    Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex tiġi identifikata l-kawża tal-bidla u għalhekk il-miżuri korrettivi possibbli li jkun jeħtieġ jittieħdu sabiex jerġa jinkiseb l-istatus ambjentali tajjeb, meta d-devjazzjonijiet mill-firxa ta’ l-istatus mixtieq ikunu identifikati.

    (5)

    Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar inkwinanti kimiċi fi speċi għall-konsum tal-bniedem minn żoni ta’ sajd kummerċjali.

    (6)

    Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex jikkonfermaw li l-miżuri korrettivi jwasslu t-tibdil mixtieq u l-ebda effetti sekondarji mhux mixtieqa.

    (7)

    Il-ħtieġa li tinġabar flimkien l-informazzjoni b’referenza għal Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini skond l-Artikolu 4.

    (8)

    Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ approċċi u metodi ta’ valutazzjoni fi u bejn reġjuni marini u/jew sub-reġjuni.

    (9)

    Il-ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi u metodi standardizzati għall-monitoraġġ fil-livell Komunitarju li jippermettu l-komparabbiltà ta’ l-informazzjoni.

    (10)

    Il-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista’ jkun possibbli l-kompatibbiltà ma’ programmi eżistenti żviluppati fil-livelli reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li titrawwem konsistenza bejn dawn il-programmi u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, bl-użu ta’ dawk il-linji gwida ta’ monitoraġġ li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew is-Sub-Reġjun Marin konċernat.

    (11)

    Il-ħtieġa li tiġi nkluża bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-valutazzjoni ta’ bidliet kbar fil-kondizzjonijiet ambjentali kif ukoll, fejn meħtieġ, ta’ kwistjonijiet ġodda u emerġenti.

    (12)

    Il-ħtieġa li jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-elementi rilevanti elenkati fl-Anness II inkluża l-varjabbiltà naturali tagħhom u sabiex jiġi evalwat il-progress lejn il-kisba tal-miri ambjentali stipulati skond l-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva, bl-użu, kif jixraq, ta’ l-indikaturi stabbiliti u l-punti ta’ referenza tal-limiti jew miri tagħhom.


    ANNESS VI

    Programmi ta’ miżuri

    (imsemmija fl-Artikoli 13(1) u 24)

    (1)

    Kontrolli ta’ l-input: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw l-ammont ta’ attività tal-bniedem li tkun permessa.

    (2)

    Kontrolli ta’ l-output: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw il-grad ta’ perturbazzjoni ta’ komponent ta’ l-ekosistema li jkun permess.

    (3)

    Kontrolli tad-distribuzzjoni ġeografika u temporali: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw fejn u meta jkun permess li sseħħ xi attività.

    (4)

    Miżuri ta’ koordinazzjoni tal-ġestjoni: strumenti sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tkun koordinata.

    (5)

    Miżuri sabiex titjieb it-traċċabbiltà, fejn dan ikun fattibbli, tat-tniġġis marin.

    (6)

    Inċentivi ekonomiċi: miżuri ta’ ġestjoni li jagħmluha fl-interess ekonomiku ta’ dawk li jużaw l-ekosistemi marini li jaġixxu b’modi li jgħinu fil-kisba ta’ l-objettivi ta’ status ambjentali tajjeb.

    (7)

    Strumenti ta’ mitigazzjoni u rimedju: strumenti ta’ ġestjoni li jiggwidaw l-attivitajiet tal-bniedem sabiex jirrestawraw komponenti danneġġati ta’ l-ekosistemi marini.

    (8)

    Komunikazzjoni, l-involviment tal-partijiet interessati u t-tqajjim ta’ kuxjenza pubblika.


    Top