Odaberite eksperimentalnu funkciju koju želite isprobati

Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex

Dokument 32007D0479

    2007/479/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

    ĠU L 180, 10.7.2007., str. 24–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 06 Volum 009 P. 155 - 163

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra ()

    10.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 180/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Ġunju 2007

    dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Belġju skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

    (2007/479/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3a(2) tagħha.

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva 89/552/KEE,

    Billi:

    (1)

    B'ittra fl-10 ta’ Diċembru 2003, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    (2)

    Il-Kummissjoni vverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, li dawn il-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, b'mod partikulari dwar il-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

    (3)

    Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli fil-media Belġjana.

    (4)

    Il-lista ta’ avvenimenti ewlenin ta’ importanza għas-soċjetà inklużi fil-miżuri Belġjani, tfasslet b'mod ċar u trasparenti u kienet tnediet konsultazzjoni wiesgħa fil-Belġju.

    (5)

    Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Belġjani laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, meqjusa bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti, għas-soċjetà (i) qbil ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istati Membri, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li normalment isegwu l-isport jew attività konċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b'mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalmnent imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi kbar.

    (6)

    Numru sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri Belġjani, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, kif ukoll il-finali tat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol (irġiel), jaqgħu taħt il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza kbira għas-soċjetà, kif riferut għalihom b'mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju, għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi.

    (7)

    Peress li l-Finali tat-tazza Belġjana tal-Futbol (irġiel) hija maħsuba li tressaq kontra xulxin l-aqwa żewġ timijiet tal-futbol Belġjan u tispiċċa bil-premju ta’ trofew (it-Tazza), hija popolari ma’ ferm aktar nies minn dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi fil-Belġju, u għalhekk għandha reżonanza ġenerali u speċjali fil-Belġju.

    (8)

    L-avvenimenti tal-futbol elenkati li jinvolvu t-timijiet nazzjonali għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju peress li jagħtu lit-timijiet Belġjani l-opportunità li jippromwovu l-futbol Belġjan fuq livell internazzjonali.

    (9)

    Il-finali u s-semifinali taċ-Champions League u tat-Tazza UEFA għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju meta wieħed iqis il-popolarità tal-futbol fil-Belġju u l-prestiġju ta’ dawk il-logħbiet, li huma segwiti mill-pubbliku ġenerali, u mhux biss minn dawk li soltu jsegwu avvenimenti sportivi.

    (10)

    Iċ-ċikliżmu tat-triq huwa sport popolari fil-Belġju. Parti mit-Tour de France (irġiel), l-aktar avveniment ċiklistiku importanti fid-dinja, isir fil-Belġju. Il-Kampjonat Belġjan taċ-Ċikliżmu tat-Triq (irġiel) għandu reżonanza ġenerali u speċjali fil-Belġju peress li jagħlaq l-istaġun ċiklistiku professjonali, segwit mill-pubbliku ġenerali u mill-media Belġjana. L-avvenimenti ċiklistiċi oħrajn, elenkati, għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju meta wieħed iqis is-suċċess li jiksbu s-soltu l-parteċipanti Belġjani fuq livell internazzjonali. L-avvenimenti ċiklistiċi internazzjonali, elenkati, li jsiru l-Belġju jipprovdu wkoll opportunità għall-promozzjoni tal-Belġju bħala pajjiż.

    (11)

    L-Ivo Van Damme Memorial, parti mill-Golden League, għandu reżonanza ġenerali u speċjali fil-Belġju peress li huwa avveniment internazzjonali ta’ livell għoli ta’ l-atletika internazzjonali li jsir fil-Belġju biex jikkommemora atleta kbir Belġjan u jgħaqqad l-isport mal-mużika, għalhekk huwa ferm popolari mal-pubbliku ġenerali.

    (12)

    Il-partijiet elenkati tal-Kampjonati dinjija ta’ l-Atletika li jinvolvu parteċipanti Belġjani għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fil-Belġju għaliex huma opportunità sabiex l-atleti Belġjani jikkompetu fuq livell internazzjonali.

    (13)

    Il-Grand Prix Belġjan tal-Formula 1 għandu reżonanza ġenerali u speċjali peress li jippromwovi ċirkwit Belġjan sabiħ ferm, li huwa oġġett ta’ kburija nazzjonali partikulari.

    (14)

    Il-logħbiet tat-tennis li jinvolvu tennisti jew timijiet nazzjonali Belġjani elenkati għandhom qbil ġenerali u speċjali fil-Belġju meta wieħed iqis is-suċċess li jiksbu t-tennisti Belġjani fuq livell internazzjonali.

    (15)

    Il-finali tal-Kompetizzjoni Mużikali Reġina Eliżabetta għandha importanza kulturali distinta bħala katalista għall-identita kulturali Belġjana, minħabba l-kontribuzzjoni importanti tar-Reġina Eliżabetta u r-raġel tagħha r-Re Albertu għall-istorja Belġjana u għall-kwalità għolja ferm u s-sinifikat ta’ madwar id-dinja li għandu dak l-avveniment kulturali.

    (16)

    L-avvvenimenti elenkati, fosthom dawk li għandhom jitqiesu fit-totalità tagħhom, u mhux bħala serje ta’ avvenimenti individwali, tradizzjonalment kienu jixxandru fuq it-televiżjoni bla ħlas u kienu jiġbdu udjenzi televiżivi kbar. Fejn, eċċezzjonalment, ma teżisti l-ebda dejta dwar l-udjenza (Il-Finali tat-Turnew tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol), l-inklużjoni ta’ dan l-avveniment hija ġustifikata aktar peress li huwa ġeneralment rikonoxxut u għandu importanza distinta kulturali għall-popolazzjoni Belġjana, meta wieħed iqis il-kontribuzzjoni importanti għall-għarfien bejn il-popli, kif ukoll l-importanza tal-futbol għas-soċjetà Belġjana kollha u għall-unur nazzjonali, peress li jipprovdi okkażjoni sabiex l-aqwa sportivi Belġjani jirnexxu f'din il-Kompetizzjoni internazzjonali importanti.

    (17)

    Il-miżuri Belġjani jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mill-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li servizzi jiġu provduti abbażi ta’ raġuni predominanti ta’ interess pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

    (18)

    Il-miżuri Belġjani huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux disproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni għas-swieq tat-televiżjoni b'xejn u bi ħlas.

    (19)

    Wara komunikazzjoni minn-naħa tal-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda mill-Belġju u konsultazzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura informa lill-Belġju permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2004, li l-Kummissjoni Ewropea ma hi fi ħsiebha toġġezzjona għall-ebda waħda mill-miżuri notifikati.

    (20)

    Il-miżuri Belġjani kienu addottati fil-Komunità Fjamminga fit-28 ta’ Mejju 2004 u fil-Komunità Franċiża fit-8 ta’ Ġunju 2004.

    (21)

    Dawk il-miżuri ġew ippubblikati fis-Serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2) skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    (22)

    Mis-sentenza tal-Qorti ta’ Prim Istanza Każ T-33/01 Infront WM v Kummissjoni jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u jikkostitwixxu deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, li għalhekk jeħtieġ jiġi addottat mill-Kummissjoni. Skond dan, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi dikjarat li l-miżuri notifikati mill-Belġju huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif finalment meħuda mill-Belġju u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-miżuri notifikati mill-Belġju lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Diċembru 2003 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE kif ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea C 158 tad-29 ta’ Jannar 2005, huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

    Artikolu 2

    Il-miżuri kif finalment meħuda mill-Belġju u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

    (2)  ĠU C 158, 29.6.2005, p. 13.


    ANNESS

    Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

    Il-miżuri meħuda mill-Belġju li għandhom jiġu ppubblikati skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE jinstabu fl-estratti li ġejjin minn strumenti adottati rispettivament mill-Komunitajiet Fjammingi u Franċiżi u pubblikati fil-Moniteur Belge:

    għall-Komunità Franċiża, fid-digriet tas-27 ta' Frar 2003 dwar ix-xandir (MB No 137, 17.4.2003) u l-Ordni tat-8 ta' Ġunju 2004 (MB No 318, 6.9.2004);

    għall-Komunità Fjamminga, fid-digriet tal-25 ta' Jannar 1995 (DCFL No 1995-01-25/38) u l-Ordni tat-28 ta' Mejju 2004 (MB No 295, 19.8.2004);

    Lista konsolidata ta' l-avvenimenti ta' importanza ewlenija fil Belġju tinstab fil-ftehim konkluż bejn il-Komunità Franċiża u dik Fjamminga tat-28 ta' Novembru 2003:

    IL-KOMUNITÀ FRANĊIŻA:

    “1.   Digriet dwar ix-Xandir

    […]

    Art. 4 § 1

    Wara li jikkonsulta lis-CSA, il-Gvern jista' jaddotta lista ta' avvenimenti li jikkonsidra li huma ta' importanza għall-pubbliku tal-Komunità Franċiża. Avvenimenti bħal dawn ma għandhomx ikunu suġġetti għal eżerċizzju ta' drittijiet esklussivi minn xandâr tat-televiżjoni jew mill-RBTF, b'tali mod li parti sostanzjali mill-pubbliku ta' dik il-komunità ma jkollhiex aċċess ghal dawn l-avvenimenti permezz ta' servizz ta' televiżjoni ta' aċċess bla ħlas.

    Il-Gvern għandu jiddeċiedi jekk l-avvenimenti għandhomx jiġu trasmessi b'mod dirett, diferit, sħaħ jew f'siltiet.

    Art. 4 § 2

    Avveniment huwa kkunsidrat li huwa ta' importanza kbira għall-pubbliku tal-Komunità Franċiża jekk jilħaq minn ta' l-anqas tnejn minn dawn il-kriterji li ġejjin:

    1.

    l-avveniment huwa partikolarment popolari mal-pubbliku tal-Komunità Franċiża ġenerali, mhux biss ma' dawk li normalment isegwu avvenimenti bħal dawn regolarment;

    2.

    l-avveniment għandu importanza kulturali distinta ġeneralment rikonoxxuta mill-pubbliku tal-Komunità Franċiża u huwa parti mill-identità kulturali tal-Komunità;

    3.

    personalità jew tim Belġjan ikun qed jieħu sehem fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta' kompetizzjoni jew avveniment ta' importanza internazzjonali;

    4.

    l-avveniment huwa tradizzjonalment imxandar fi programm ta' servizz televiżiv bla ħlas fil-Komunità Franċiża u jiġbed udjenza wiesgħa.

    Wara li jikkonsulta lis-CSA, il-Gvern jista' jadotta proċeduri li permezz tagħhom, l-avvenimenti msemmija qabel, għandhom isiru aċċessibbli.

    Art. 4 § 3

    Servizz ta' xandir televiżiv huwa meqjus bħala “ta' aċċess bla ħlas” jekk jittrasmetti bil-Franċiż u jista' jinqabad minn 90 % tad-djar li għandhom apparat li jaqbad it-televiżjoni f'territorju fejn hu mitkellem il-Franċiż jew fir-reġjun bilingwali tal-Kapitali Brussell. Minbarra l-ispejjeż tekniċi, il-qbid ta' dan is-servizz ma għandux jiġi suġġett għal ħlas ieħor minbarra l-prezz ta' sħubija għall-pakkett bażiku tal-cable.

    Art. 4 § 4

    Ix-xandâra tat-televiżjoni u l-RTBF għandhom jieqfu milli jeżerċitaw xi drittijiet esklussivi li setgħu kisbu wara t-30 ta' Lulju 1997, li jistgħu ma jħallux parti kbira mill-pubbliku ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, aċċess, permezz ta' servizz ta' televiżjoni bla ħlas għal avvenimenti ta' importanza kbira, li tagħhom hemm lista ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dawn għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-listi msemmija aktar qabel, dwar aċċess dirett jew diferit, sħaħ jew siltiet.

    2.   Ordni li tistabbilixxi avvenimenti ta' importanza ewlenija u li tiddetermina l-proċeduri li jagħmluhom aċċessibbli.

    Artikolu 1

    Fil-limiti stabbiliti f'din l-ordni, l-aċċess mill-Komunità Franċiża, għal dawn l-avvenimenti għandu jkun dirett jew diferit, sħiħ jew f'siltiet skond l-Anness għal din l-ordni.

    Artikolu 2

    Servizz ta' xandir televiżiv fil-Komunità Franċiża li bi ħsiebu jeżerċita drittijiet esklussivi ta' xandir li għandu għal avveniment ta' importanza kbira għandu jxandru fuq servizz ta' televiżjoni b'aċċess bla ħlas skond l-Anness għal din l-Ordni.

    Artikolu 3

    Xandâr tat-televiżjoni li kiseb drittijiet ta' trasmissjoni diretta u sħiħa għal avveniment jista' madankollu jipposponi x-xandira ta' dan l-avveniment fuq servizz ta' xandir televiżiv b'aċċess bla ħlas f'dawn il-każi:

    jekk l-avveniment iseħħ bejn nofsillejl u t-8 ta' filgħodu, ħin Belġjan;

    jekk l-avveniment jaħbat ma' l-aħbarijiet jew ma' programm ta' ġrajjiet kurrenti li normalment jixxandar mis-servizz f'dak il-ħin;

    jekk l-avveniment ikun fih diversi elementi li jseħħu fl-istess waqt.

    Artikolu 4

    Din l-Ordni ma toħloq l-ebda obbligazzjoni ta' xandir lill-Kap tal-RTBF jew lis-servizzi tax-xandir tal-Komunità Franċiża.

    Artikolu 5

    Il-Ministru għall-Affarijiet Awdjoviżivi huwa responsabbli għat-twettiq ta' din l-Ordni.

    Brussell, it-8 ta' Ġunju 2004.

    Għall-Gvern tal-Komunità Franċiża.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Awdjoviżivi,

    O. CHASTEL

    3.   Anness għall-Ordni

    Lista ta' avvenimenti u kategoriji ta' avvenimenti ta' importanza kbira u arranġamenti għal aċċess bla ħlas għalihom mill-pubbliku:

     

    L-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, diretti u bis-siltiet;

     

    Il-Finali tat-Tazza Belġjana tal-Futbol (irġiel), diretta u sħiħa;

     

    Kull logħba li tinvolvi t-tim Belġjan tal-futbol (irġiel), diretta u sħiħa;

     

    Il-Finali diretti u sħaħ tat-Turnew tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol (irġiel);

     

    Il-Kampjonat Ewropew tal-futbol, l-aħħar rawnd (irġiel), dirett u sħiħ;

     

    Iċ-Champions League, logħob fejn ikun hemm tim Belġjan involut, dirett u sħiħ;

     

    It-Tazza UEFA, logħob fejn ikun hemm tim Belġjan involut, dirett u sħiħ;

     

    It-Tour de France, irġiel, professjonali, dirett u bis-siltiet;

     

    Il-Liège-Bastogne-Liège, diretta u bis-siltiet;

     

    It-tiġrija Amstel Gold, diretta u bis-siltiet;

     

    It-Tour ta' Flanders, dirett u bis-siltiet;

     

    Pariġi-Roubaix, diretta u bis-siltiet;

     

    Milan-San Remo, diretta u bis-siltiet;

     

    Il-Kampjonati Belġjani taċ-Ċikliżmu tat-Triq professjonali (irġiel), diretti u bis-siltiet;

     

    Il-Kampjonati Mondjali taċ-Ċikliżmu fit-Triq, professjonali (irġiel), diretti u bis-siltiet;

     

    L-Ivo Van Damme Memorial, dirett u sħiħ;

     

    Il-Grand Prix Belġjan tal-Formula 1, dirett u sħiħ;

     

    It-tournaments tal-Grand Slam tat-tennis li ġejjin: Roland Garros u Wimbledon, kwarti tal-finali, semi-finali u finali li jinvolvu plejer Belġjan, diretti u sħaħ;

     

    It-Tazza Davis u t-Tazza Fed, kwarti tal-finali, semi-finali u finali li jinvolvu plejer Belġjan, diretti u sħaħ;

     

    Il-finali tal-Kompetizzjoni Mużikali Reġina Eliżabetta, diretta u sħiħa;

     

    Il-Flèche Wallonne, diretta u bis-siltiet;

     

    Il-Kampjonati Mondjali ta' l-Atletika, fejn ikunu qed jieħdu sehem atleti Belġjani, diretti u sħaħ;

    Li għandha tiġi annessa ma' l-ordni tat-8 ta' Ġunju 2004.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Awdjoviżivi,

    O. CHASTEL”

    IL-KOMUNITÀ FJAMMINGA

    “1.   Digriet tal-25 ta' Jannar 1995

    Art. 76 § 1

    Il-Gvern Fjamming għandu jħejji lista ta' avvenimenti li jikkunsidra li huma ta' importanza kbira għall-pubbliku u li, għal din ir-raġuni, ma jistgħux jixxandru fuq bażi esklussiva b'tali mod li parti sostanzjali mill-pubbliku tal-Komunità Fjamminga ma tkunx tista' tarahom diretti jew diferiti fuq it-televiżjoni bla ħlas.

    Il-Gvern Fjamming għandu jiddeċiedi jekk dawn l-avvenimenti għandhomx jixxandru permezz ta' trasmissjoni diretta sħiħa jew parzjali jew, fejn hemm bżonn jew hu xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta' interess ġenerali jew permezz ta' trasmissjoni diferita, b'mod sħiħ jew parzjali.

    Art. 76 § 2

    Impriżi ta' xandir bit-Televiżjoni tal-Komunità Fjamminga jew dawk rikonoxxuti minnha ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet esklussivi miksuba jekk parti kbira tal-pubbliku fi Stat Membru ieħor tal-Komunità Ewropea ma jistax jara l-avvenimenti bla ħlas kif premess f'dak l-Istat Membru b'mod sħiħ jew parzjalment dirett jew fejn hemm bżonn jew hu xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta' interess ġenerali permezz ta' trasmissjoni diferita, b'mod sħiħ jew parzjali kif determinat minn dak l-Istat Membru.

    2.   Ordni tal Gvern Fjamming li toħloq il-lista ta' avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà […]

    Filwaqt li avveniment jista' jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta' importanza kbira għas-soċjetà jekk jintlaħqu tnejn mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    l-avveniment għandu valur topiku kbir u jiġbed interess pubbliku konsiderevoli;

    2.

    l-avveniment qed iseħħ fil-kuntest ta' kompetizzjoni importanti nazzjonali jew huwa kompetizzjoni li fiha hemm involut it-tim nazzjonali jew tim Belġjan jew qed jieħu sehem atleta(i) Belġjan(i).

    3.

    l-avveniment huwa ta' dixxiplina sportiva importanti u jirrappreżenta proprjetà kulturali importanti għall-Komunità Fjamminga;

    4.

    l-avveniment huwa tradizzjonalment imxandar b'xejn fuq it-televiżjoni u għandu udjenzi kbar għall-kategorija tiegħu.

    […]

    Art. 1 § 1

    Dawn l-avvenimenti huma meqjusa bħala avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà:

    1.

    Il-Logħob Olimpiku tas-sajf

    2.

    Futbol (irġiel): il-logħbiet kollha li jinvolvu t-tim nazzjonali u r-rawnd finali ta' logħbiet tat-Tazza tad-Dinja u tal-Kampjonati Ewropej.

    3.

    Iċ-Champions League u t-Tazza UEFA:

    logħob fejn ikun hemm tim Belġjan qed jilgħab;

    is-semifinali u l-finali;

    4.

    Il-Finali tat-Tazza Belġjana tal-Futbol (irġiel);

    5.

    Ċikliżmu:

     

    It-Tour de France, għal ċiklisti elit (irġiel): l-istadji kollha;

     

    it-tiġrijiet tat-Tazza tad-Dinja li ġejjin: Milan-San Remo, it-Tour ta' Flanders, Pariġi-Roubaix, il-Liège-Bastogne-Liège, Amstel Gold Race, Paris-Tours u t-Tour tal-Lombardija;

     

    il-kampjonat Belġjan u l-Kampjonat Mondjali, għal ċiklisti elit (irġiel):

    6.

    Cyclo-cross: il-kampjonat Belġjan u l-Kampjonati Mondjali, għal ċiklisti elit (irġiel):

    7.

    Tenis:

     

    it-turnej tal-Grand Slam: Il-logħbiet kollha mill-kwarti tal-finali 'l quddiem fejn ikunu involuti plejers Belġjani u l-finali kollha (tas-singles);

     

    it-Tazza Davis u t-Tazza Fed: Kwarti tal-finali, is-semifinali u l-finali li jinvolvu timijiet Belġjani;

    8.

    Il-Grand Prix tal-Formula 1 Belġjana.

    9.

    Atletika: Il-Van Damme Memorial.

    10.

    Il-Kompetizzjoni Reġina Eliżabetta.

    Art. 1 § 2

    L-avvenimenti msemmija fi 2, 3, 4, 6, 7, 8, 9 u 10 huma disponibbli permezz ta' trasmissjoni sħiħa u diretta.

    L-avvenimenti msemmija f'1 u 5 huma disponibbli permezz ta' trasmissjoni parzjali u diretta.

    Art. 2

    Id-drittijiet esklussivi għall-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 1 § 1 ma jistgħux jixxandru b'tali mod li parti sostanzjali mill-popolazzjoni ma tkunx tista' tarahom fuq it-televiżjoni ta' aċċess bla ħlas.

    Parti kbira mill-popolazzjoni tal-Komunità Fjamminga hija kkunsidrata li tista' ssegwi avveniment ta' importanza kbira għas-soċjetà meta l-avveniment jiġi mxandar minn stazzjon tat-televiżjoni li jittrasmetti bl-Olandiż u jista' jinqabad minn, minn ta' l-anqas, 90 % tal-popolazzjoni mingħajr aktar ħlas ħlief dak ta' abbonament tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni.

    Art. 3 § 1

    Stazzjonijiet tat-televiżjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 2 u li jiksbu drittijiet esklussivi ta' trasmissjoni fir-reġjun fejn jitkellmu bl-Olandiż u r-reġjun bilingwali tal-Kapitali Brussell għall-avvenimenti msemmija f'Artikolu 1 § 1 ma jistgħux jeżerċitaw dawn id-drittijiet sakemm ma jiggarantixxux, abbażi tal-kuntratti konklużi, li parti kbira tal-popolazzjoni ma tiġix imċaħħda milli tara dawn l-avvenimenti fuq it-televiżjoni b'aċċess bla ħlas kif hemm provdut f'Artikoli1 § 2 u 2.

    Art. 3 § 2

    Stazzjonijiet tat-televiżjoni li għandhom drittijiet esklussivi ta' trasmissjoni jistgħu jagħtu sottoliċenzji, bi prezzijiet raġonevoli tas-suq u fil-limiti li jiġu miftiehma ma' l-istazzjonijet tat-televiżjoni, lil stazzjonijiet tat-televiżjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 2.

    Art. 3 § 3

    Jekk l-ebda stazzjon tat–televiżjoni jiddikjara li jrid jakkwista sottoliċenzja taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-istazzjon tat-televiżjoni kkonċernat jista' permezz ta' deroga mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 § l, jagħmel użu mid-drittijiet ta' trasmissjoni miksuba.

    Art. 4

    Il-Ministru Fjamming bir-responsabbiltà tal-politika tal-media għandu jkun responsabbli għat-twettiq ta' din l-Ordni.

    Brussell, it-28 ta' Mejju 2004.

    Il-Ministru-President tal-Gvern Fjamming,

    B. SOMERS

    Il-Ministru tad-Djar, Midja u Sport tal-Gvern Fjamming,

    M. KEULEN”

    Lista Kkonsolidata ta' avvenimenti ta' importanza kbira għall-Belġju

    1.

    Il-Logħob Olimpiku tas-sajf

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    2.

    Il-Finali tat-Tazza Belġjana tal-Futbol (irġel)

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    3.

    Kull logħba li tinvolvi t-tim Belġjan tal-futbol ta' l-irġiel

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    4.

    Il-Finali tat-Tazza Belġjana tal-Futbol (irġiel)

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    5.

    Il-Kampjonat Ewropew tal-futbol, l-aħħar rawnd (irġiel)

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    6.

    Iċ-Champions League, logħob fejn ikun hemm involuti timijiet Belġjani

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    7.

    It-Tazza UEFA, logħob fejn ikun hemm involuti timijiet Belġjani

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    8.

    It-Tour de France, irġiel, professjonali,

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    9.

    Il-Liège-Bastogne-Liège

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    10.

    It-Tiġrija Amstel Gold

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    11.

    It-Tour ta' Flanders

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    12.

    Pariġi-Roubaix

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    13.

    Milan-San Remo

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    14.

    Il-Kampjonati Belġjani taċ-Ċikliżmu tat-Triq professjonali (irġiel)

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    15.

    Il-Kampjonati Mondjali taċ-Ċikliżmu tat-Triq, professjonali (irġiel)

    Il-Komunità Fjamminga: diretti u bis-siltiet

    Il-Komunità Franċiża: diretti u bis-siltiet

    16.

    L-IvoVan Damme Memorial

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    17.

    Il-Grand Prix tal-Formula 1 Belġjana

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    18.

    It-tournaments tal-Grand Slam tat-tennis li ġejjin: Roland Garros u Wimbledon, kwarti tal-finali, semi-finali u finali li jinvolvu plejer Belġjan

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    19.

    It-Tazza Davis u t-Tazza Fed, il-kwarti tal-finali, is-semi-finali u l-finali li jinvolvu t-tim Belġjan

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    20.

    Il-finali tal-Kompetizzjoni Mużikali Reġina Eliżabetta

    Il-Komunità Fjamminga: diretta u sħiħa

    Il-Komunità Franċiża: diretta u sħiħa

    Avvenimenti speċifiċi għall-lista Franċiża

    1.

    Il-Flèche wallonne, (diretta u bis-siltiet).

    2.

    L-Olimpjadi tax-Xitwa, (diretti u bis-siltiet).

    3.

    Il-Kampjonati Mondjali ta' l-Atletika, fejn ikunu qed jieħdu sehem atleti Belġjani, diretti u sħaħ.

    Avvenimenti speċifiċi għall-lista Franċiża

    1.

    Iċ-Champions League: finali u semi-finali, diretti u sħaħ.

    2.

    It-Tazza UEFA: finali u semi-finali, diretti u sħaħ.

    3.

    Ċikliżmu, Il-Pariġi-Tours u t-Tour tal-Lombardija: diretti u bis-siltiet.

    4.

    Il-kampjonat Belġjan u l-Kampjonati Mondjali Cyclo-cross, irġiel, professjonali: diretti u sħaħ.

    5.

    It-tournaments tal-Grand Slam tat-tenis li ġejjin: L-Australian Open u l-US Open, il-kwarti tal-finali, is-semi-finali u l-finali li jinvolvu plejer Belġjan, diretti u sħaħ.


    Vrh