Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32007D0476

    2007/476/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Ġermanja skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

    ĠU L 180, 10.7.2007, str. 8—10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Status prawny dokumentu Obowiązujące

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/476/oj

    10.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 180/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Ġunju 2007

    dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri meħuda mill-Ġermanja skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

    (2007/476/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3a(2) tagħha,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva 89/552/KEE,

    Billi:

    (1)

    B’ittra tat-28 ta’ April 1999, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    (2)

    Il-Kummissjoni ivverifikat, fi żmien tliet xhur min din in-notifika, li miżuri tali huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, b’mod partikulari dwar il-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

    (3)

    Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli fil-media Ġermaniża.

    (4)

    Il-lista ta’ avvenimenti ewlenin ta’ importanza għas-soċjetà inklużi fil-miżuri Ġermaniżi, tfasslet b’mod ċar u trasparenti u tnediet konsultazzjoni wiesgħa fil-Ġermanja.

    (5)

    Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Ġermaniżii laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, kunsidrati bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti, għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li normalment isegwu l-isport jew attività konċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar fuq it-televiżjoni bla ħlas u kienu jarawh udjenzi kbar.

    (6)

    Numru sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri Ġermaniżi, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, il-finali tat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol li jinvolvu t-tim Ġermaniż, kif ukoll il-logħba tal-ftuħ is-semifinali u l-finali ta’ dawn it-tornej, jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza kbira għas-soċjetà, kif jissemmew b’mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fil-Ġermanja għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku in ġenerali, mhux biss ma dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi.

    (7)

    L-attenzjoni partikulari li tingħata, anke fl-istampa mhux speċjalizzata, għall-avvenimenti l-oħra mhux elenkati, fosthom is-semifinali u l-finali tat-Tazza tal-FA Ġermaniża, il-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol Ġermaniż kemm f’darhom kif ukoll barra minn darhom, u l-finali ta’ kwalunkwe kompetizzjoni Ewropea tal-clubs tal-futbol (Champions League, Tazza UEFA) li tinvolvi tim Ġermaniż, hija xhieda tar-reżonanza speċjali u ġenerali fil-Ġermanja.

    (8)

    L-avvenimenti elenkati, għandhom importanza kulturali distinta ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni Ġermaniża meta titqies il-kontribuzzjoni importanti tagħhom lejn il-ftehim bejn il-popli, kif ukoll dwar l-importanza ta’ l-isport għas-soċjetà Ġermaniża kollha u għall-unur nazzjonali, għaliex jipprovdu okkażjoni għall-awqa atleti Ġermaniżi li jirnexxu f’dawn l-aktar kompetizzjonijiet internazzjonali importanti.

    (9)

    Il-miżuri Ġermaniżi jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mill-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE biex servizzi jiġu pprovduti abbażi ta’ raġuni predominanti ta’ interess għall-pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesgħa għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

    (10)

    Il-miżuri Ġermaniżi huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali, għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimneti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni tas-swieq tat-televiżjoni kemm dawk bla ħlas kif ukoll dawk bil-ħlas.

    (11)

    Wara komunikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda mill-Ġermanja u l-konsultazzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l–Kultura informa lill-Ġermanja permezz ta’ ittra fit-2 ta’ Lulju 1999, li l-Kummissjoni Ewropea ma kienet fi ħsiebha toġġezzjona għall-ebda waħda mill-miżuri notifikati.

    (12)

    Il-miżuri Ġermaniżi daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2000. Dawn il-miżuri finali kienu differenti mill-miżuri nnotifikati fl-1999 fis-sens li avveniment wieħed ma baqax fil-lista, dan kien “It-Tazza tat-Tazzi”, dan seħħ minħabba li dan it-turnew ma baqax iseħħ wara li sar għall-aħħar darba fl-1998/1999.

    (13)

    Dawk il-miżuri ġew pubblikati fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal Komunitajiet Ewropej  (2) skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    (14)

    Mill-ġudizzju tal-Qorti ta’ Prim’Istanza Każ T-33/01 Infront WM v Kummissjoni jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u jikkostitwixxu deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, li għalhekk jeħtieġ jiġu addottati mill-Kummissjoni. Skond dan, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi dikjarat li l-miżuri nnotifikati mill-Ġermanja huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif finalment meħuda mill-Ġermanja u mfassla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-miżuri notifikati mill-Ġermanja lill-Kummissjoni fit-28 ta’ April 1999 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, kif ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C277 tad-29 ta’ Settembru 2000, huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

    Artikolu 2

    Il-miżuri, kif finalment meħuda mill-Ġermanja u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

    Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

    (2)  ĠU C 277, 29.9.2000, p. 4.


    ANNESS

    Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

    Il-miżuri meħuda mill-Ġermanja u li għandhom jiġu ppubblikati skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE jinstabu fl-estratti li ġejjin minn l-Artikolu 5a tat-Trattat Interstatali dwar ix-Xandir, kif emendat bir-Raba’ Trattat Emendali Interstatali dwar ix-Xandir.

    “Artikolu 5a

    Ix-xandir ta’ avvenimenti importanti

    1.   Fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà (avvenimenti importanti) jistgħu jixxandru f’forma enkriptjata fuq Televiżjoni bil-ħlas, biss, meta x-xandâr jew parti terza jippermetti, skond kundizzjonijiet xierqa, li l-avveniment jixxandar fuq stazzjon tat-televiżjoni li ġeneralment huwa bla ħlas u aċċessibli fl-istess waqt, jew, fejn avvenimenti individwali li jseħħu fl-istess ħin jagħmel dan impossibbli, b’mod ftit diferit. Jekk il-partijiet jonqsu li jilħqu ftehim dwar kundizzjonijiet xierqa, għandhom jaqblu li jaċċettaw l-arbitraġġ skond Sezzjoni 1025 et seq. tal-Proċedura tal-Kodiċi Ċivili fi żmien qabel iseħħ l-avveniment. Jekk jonqsu li jaqblu dwar proċedura ta’ arbitraġġ għal raġunijiet li jridu jkunu ġustifikati mix-xandâr televiżiv jew il-parti terza, ix-xandira taħt paragrafu 1 għandha tidher bħala mhux possibbli taħt il-kundizzjonijiet xierqa. Stazzjonijiet li jistgħu jinqabdu minn aktar minn żewġ terzi tad-djar kollha għandhom jitqiesu bħala ġeneralment aċċessibbli.

    2.   Għall-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, avvenimenti ewlenin huma:

    1.

    Il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa;

    2.

    Il-logħob kollu tal Kampjonati Ewropej u tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol li jinvolvi t-tim Ġermaniż, kif ukoll il-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali, irrispettivament jekk it-tim Ġermaniż ikunx involut;

    3.

    Is-semifinali u l-finali tat-Tazza tal-FA Germaniża;

    4.

    Il-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol Ġermaniż, kemm f’daru kif ukoll barra minn daru;

    5.

    Il-finali ta’ kwalunkwe kompetizzjoni Ewropea tal-clubs tal-futbol (Champions League, Tazza UEFA) li tinvolvi tim Ġermaniż.

    Fejn avvenimenti importanti jikkonsistu f’aktar minn avvenimnet individwali wieħed, kull avveniment għandu jitqies bħala avveniment ewlieni. L-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ avvenimenti skond dawn id-dispożizzjonijiet hija possibbli biss abbażi ta’ ftehim bejn il-Länder kollha.”


    Góra