Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0583

    Kawża T-583/22: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2022 – Fédération environnement durable et. vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 472, 12.12.2022, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 472/43


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2022 – Fédération environnement durable et. vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-583/22)

    (2022/C 472/50)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Fédération environnement durable (Pariġi, Franza), Bundesinitiative Vernunftkraft eV (Berlin, il-Ġermanja), Vent de Colère! – Fédération nationale (Peyraud, Franza), Vent de Raison – Wind met Redelijkheid (VdR-WmR) (Petit-Roeulx, il-Belġju) (rappreżentant: M. Le Berre, avukat)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2022 (fisma.b.2(2022) 5340198, Ares (2022)4952619 – 07/07/2022) li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni, fir-rigward tal-preparazzjoni tar-Regolament Delegat, ta’ ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (2), Artikoli 9 u 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1367/2006”), u tal-Artikoli 10(4), 11(4) u 20(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2020/852”).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni, fir-rigward tal-għan ta’ tnaqqis ta’ tibdil fil-klima, ta’ ksur tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 191 TFUE u Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament 2020/852 kif ukoll tal-Artikoli 10(3)(a), 19(1)(a) u (j) u 19(3) tar-Regolament 2020/852.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni, fir-rigward tal-għan ta’ adattament ta’ tibdil fil-klima, ta’ ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament 1367/2006.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ tikkawżax ħsara sinjifikattiva (DNSH), ksur tal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament 2020/852 u tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament 1367/2006.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.


    (1)  ĠU 2021, L 442, p. 1

    (2)  Konvenzjoni ta’ Aarhus. ĠU 2005, L 124, p. 4

    (3)  ĠU 2006, L 264, p. 13

    (4)  ĠU 2020, L 198, p. 13


    Top