Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0406

    Kawża C-406/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein oikeus – il-Finlandja) – A Oy vs B Ky, Il-Komunità tal-eredi ta’ C (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 12(4) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Prassi stabbilita qabel is-16 ta’ Marzu 2013 li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ rkupru tal-interessi moratorji għal ħlas tardiv u tal-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru – Prassi applikata għall-ordnijiet individwali li saru wara din id-data – Artikolu 7(2) u (3) – Klawżoli kuntrattwali u prassi manifestament inġusti – Rinunzja b’kunsens liberu)

    ĠU C 472, 12.12.2022, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 472/18


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein oikeus – il-Finlandja) – A Oy vs B Ky, Il-Komunità tal-eredi ta’ C

    (Kawża C-406/21) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali - Direttiva 2011/7/UE - Artikolu 12(4) - Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis - Prassi stabbilita qabel is-16 ta’ Marzu 2013 li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ rkupru tal-interessi moratorji għal ħlas tardiv u tal-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru - Prassi applikata għall-ordnijiet individwali li saru wara din id-data - Artikolu 7(2) u (3) - Klawżoli kuntrattwali u prassi manifestament inġusti - Rinunzja b’kunsens liberu)

    (2022/C 472/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

    Qorti tar-rinviju

    Korkein oikeus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: A Oy

    Konvenuti: B Ky, Il-Komunità tal-eredi ta’ C

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva prassi kuntrattwali dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji għal ħlas tardiv u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, jekk din taqa’ fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, skont id-dritt nazzjonali applikabbli. L-ordnijiet individwali li abbażi tagħhom jintalbu interessi moratorji għal ħlas tardiv u tali kumpensi, li saru minn din id-data, jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 sakemm dawn jikkostitwixxu biss l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013, skont id-dritt nazzjonali applikabbli. Għall-kuntrarju, jekk, skont dan id-dritt, dawn l-ordnijiet individwali jikkostitwixxu kuntratti awtonomi konklużi mill-imsemmija data, dawn ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    2)

    L-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix prassi li permezz tagħha, għal ħlas tardiv ta’ inqas minn xahar, il-kreditur la jirkupra l-interessi moratorji għal ħlas tardiv u lanqas il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, inkambju għall-ħlas tal-ammont prinċipali tad-dejn dovut, sakemm, b’tali aġir, il-kreditur ikun ta l-kunsens tiegħu b’mod liberu sabiex jirrinunzja għall-ammonti dovuti f’dak li jirrigwarda dawn l-interessi u dan il-kumpens.


    (1)  ĠU C 368, 13.09.2021.


    Top