Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0613

Kawża C-613/21 P: Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2021 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-670/19, Carbajo Ferrero vs Il-Parlament

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/10


Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2021 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-670/19, Carbajo Ferrero vs Il-Parlament

(Kawża C-613/21 P)

(2022/C 37/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: I. Terwinghe, C. González Argüelles, R. Schiano, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Fernando Carbajo Ferrero

Talbiet

B’mod prinċipali:

Tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2021 tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-670/19;

Tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

Tirriżerva l-ispejjeż.

B’mod sussidjarju:

Tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2021 tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-670/19;

Tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza;

Tikkundanna lil F. Carbajo Ferrero għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju tal-appell huwa bbażat, minn naħa, fuq żbalji ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura tal-għażla tal-uffiċjali għolja tas-16 ta’ Mejju 2000, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bureau tat-18 ta’ Frar 2008, u fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza u, min-naħa l-oħra, fuq żnaturament tal-fatti. Il-Parlament jargumenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-proċedura ta’ ħatra tad-Direttur tal-Midja tad-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni saret b’mod irregolari, sa fejn il-Kumitat Konsultattiv tal-ħatra tal-uffiċjali għolja ma użax l-istess kriterji ta’ benchmarking tal-merti matul il-proċedura kollha.

Permezz tat-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi, il-Parlament jargumenta li l-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu fehmu b’mod ħażin il-funzjoni tar-rapport tal-intervisti, stabbilit mill-Kumitat Konsultattiv, u kkonkludew b’mod żbaljat li l-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett l-esperjenza professjonali tar-rikorrent.


Top