EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CB0079

Kawża C-79/21: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia n° 2 de Ibiza – Spanja) – YB vs Unión de Créditos Inmobiliarios SA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 53 u 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interessi vajabbli – Indiċi ta’ referenza tas-self ipotekarju (IRPH) – Stħarriġ ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Obbligu ta’ informazzjoni – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-nullità)

ĠU C 37, 24.1.2022, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/3


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Ibiza – Spanja) – YB vs Unión de Créditos Inmobiliarios SA

(Kawża C-79/21) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikoli 53 u 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta’ self ipotekarju - Rata ta’ interessi vajabbli - Indiċi ta’ referenza tas-self ipotekarju (IRPH) - Stħarriġ ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali - Obbligu ta’ informazzjoni - Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali - Rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza - Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-nullità)

(2022/C 37/03)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 2 de Ibiza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: YB

Konvenut: Unión de Créditos Inmobiliarios SA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, fil-kuntest ta’ self ipotekarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li jeżentaw lill-professjonist milli jipprovdi lill-konsumatur, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, l-informazzjoni dwar l-evoluzzjoni fl-imgħoddi tal-indiċi ta’ referenza, mill-inqas matul l-aħħar sentejn, permezz ta’ paragun ma’ mill-inqas indiċi differenti wieħed bħall-indiċi Euribor, sakemm din il-leġiżlazzjoni u din il-ġurisprudenza nazzjonali jippermettu lill-qorti tiżgura ruħha madankollu li, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, jekk ikun il-każ, mill-professjonist, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, seta’ jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu għall-kalkolu tal-indiċi ta’ referenza u b’dan il-mod jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li jqisu li l-assenza ta’ bona fide tal-professjonist hija pre-rekwiżit neċessarju għal kull stħarriġ tal-kontenut ta’ klawżola mhux trasparenti ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-professjonist għandux jitqies bħala li aġixxa in bona fide, billi għażel indiċi previst mil-liġi, u jekk il-klawżola li tinkorpora tali indiċi hijiex tali li toħloq żbilanċ sinjifikattiv b’detriment għall-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

3)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, fil-każ ta’ invalidità ta’ klawżola inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, il-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi b’indiċi legali, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim fis-sens kuntrarju tal-partijiet fil-kuntratt, meta dawn iż-żewġ indiċi jipproduċu l-istess effetti, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 67 tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C-125/18, EU:C:2020:138).

4)

Is-sittax-il domanda magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Ibiza (il-Qorti tal-Ewwel Istanza no 2 ta’ Ibiza, Spanja) hija manifestament inammissibbli.


(1)  Data tal-preżentata: 9.2.2021.


Top