Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AP0354

    P9_TA(2020)0354 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-FAEŻR u mill-FAEG fis-snin 2021 u 2022***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 229/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2021 (COM(2019)0581 – C9-0162/2019 – 2019/0254(COD)) P9_TC1-COD(2019)0254 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Diċembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 ▌u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta' tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022

    ĠU C 445, 29.10.2021, p. 233–236 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 445/233


    P9_TA(2020)0354

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-FAEŻR u mill-FAEG fis-snin 2021 u 2022***I

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 229/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2021 (COM(2019)0581 – C9-0162/2019 – 2019/0254(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    (2021/C 445/40)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0581),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0162/2019),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tas-26 ta’ Frar 2020 (1),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2020 (2),

    wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni

    wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-informazzjoni mill-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0101/2020),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Japprova d-dikjarazzjonijiet annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    3.

    Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    4.

    Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    (1)  ĠU C 109, 1.4.2020, p. 1.

    (2)  ĠU C 232, 14.7.2020, p. 29.


    P9_TC1-COD(2019)0254

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Diċembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 ▌u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta' tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022

    (Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/2220.)


    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

    Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni tal-PAK u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali

    Fond ta' Riżerva għal Kriżijiet

    Minn mindu twaqqfet fl-2014, ir-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu qatt ma ġiet attivata minħabba l-mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont liema l-finanzjament ta' tali riżerva jittieħed fil-bidu ta' kull sena mill-ammont totali tal-pagamenti diretti. Il-fondi li jerġgħu jiġu trasferiti lill-pagamenti diretti fl-aħħar tas-sena. Konsegwentement, ir-riżerva qatt ma ntużat bil-għan li jiġi evitat li jinżammu riżorsi mill-bdiewa.

    Stabbilita biex tgħin lill-bdiewa jegħlbu l-instabbiltà tal-prezzijiet u tas-suq, il-fatt li r-riżerva qatt ma ġiet attivata jixhed il-limitazzjonijiet tal-istruttura finanzjarja tagħha u tal-funzjonament tagħha. Il-frekwenza dejjem akbar tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, klimatiċi avversi u sanitarji li jirriżultaw fi tfixkil sinifikanti fis-suq, turi l-bżonn urġenti ta' fond ta' riżerva għal kriżijiet totalment operattiv, li jista' jiġi attivat u jkun għad-dispożizzjoni b'mod reattiv u effiċjenti.

    Il-Parlament Ewropew jenfasizza li fond ta' riżerva għal kriżijiet totalment iffinanzjat, b'ammont inizjali stabbilit f'EUR 400 miljun barra mill-baġits tal-FAEG u tal-FAEŻR, kumulattiv, li fih il-fondi mhux użati jkunu riportati u miżjuda għas-sena suċċessiva matul il-perjodu ta' programmazzjoni kollu, ikun jiffunzjona b'mod aktar effikaċi u jkollu impatt akbar biex jagħti assistenza fil-ħin f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u jiffinanzja miżuri speċifiċi favur is-setturi milquta.

    POSEI u gżejjer tal-Baħar Eġew

    Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, partikolarment id-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, ir-reġjuni ultraperiferiċi, kif hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi soċjoekonomiċi speċifiċi marbuta mal-provvista ta' ikel u ta' prodotti agrikoli essenzjali għall-konsum jew għall-produzzjoni agrikola. Skont kif previst fl-Artikolu msemmi, ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa miżuri speċifiċi għall-agrikoltura biex jingħelbu d-diffikultajiet ikkawżati minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-iskema ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew prevista fir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ukoll tindirizza l-istess kwistjonijiet iżda f'kuntest ġeografiku differenti.

    L-importanza ta' miżuri u opportunitajiet speċifiċi f'tali reġjuni u gżejjer tiġġustifika l-livell ta' sostenn speċjali li huwa fundamentali biex l-implimentazzjoni ta' tali miżuri tirnexxi. Għaldaqstant, b'kont meħud tal-impenji pubbliċi preċedentement meħuda mill-Kummissjoni favur tali reġjuni u gżejjer, il-Parlament Ewropew jitlob li l-programmi li kisbu suċċess kbir, irregolati mir-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013, għandhom ikomplu bla tfixkil u għandu jinżamm almenu l-livell attwali ta' sostenn lil dawn ir-reġjuni u l-gżejjer. B'hekk, l-Unjoni tkun qed turi s-solidarjetà u l-impenn tagħha fil-konfront ta' tali reġjuni u gżejjer li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' żvantaġġi speċifiċi.

    Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi

    Minħabba d-daqs ċkejken u l-insularità tagħhom, is-swieq lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet marbuta mal-flussi tal-importazzjonijiet mill-bqija tal-Unjoni jew mill-pajjiżi terzi. L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi l-bżonnijiet speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi u jiddefinixxi l-bażi għal qafas leġiżlattiv biex jgħinhom jegħlbu s-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom. Dan l-aspett jiġi indirizzat aktar fil-fond fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B'mod partikolari, peress li l-użu tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali wera potenzjal biex jindirizza l-bżonnijiet speċjali tas-setturi tal-produzzjoni agrikola fir-reġjuni ultraperiferiċi, f'tali reġjuni jenħtieġ li diġà tkun permessa l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bil-għan li jiġu sfruttati b'mod sħiħ ir-riżorsi allokati minn dan ir-Regolament ta’ Tranżizzjoni lil tali reġjuni. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fl-ambitu tal-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u meqjusa rappreżentattivi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jieħdu l-miżuri kollettivi neċessarji maħsuba biex jiżguraw li l-produzzjoni lokali tibqa' kompetittiva fis-swieq lokali inkwistjoni u tkun sostenibbli. Għal dak il-għan, salv għall-Artikoli 28, 29 u 110 tat-TFUE u għall-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 164 ta’ dak ir-Regolament u abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-kawżi magħquda C-132/14 sa C-136/14, il-Parlament Ewropew jisħaq fuq l-importanza li jiġu esplorati l-istrumenti xierqa kollha biex l-Istati Membri kkonċernati jitħallew, fil-kuntest tal-ftehimiet interprofessjonali estiżi u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, jimponu lill-operaturi ekonomiċi individwali jew lill-gruppi ta' operaturi ekonomiċi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata iżda li joperaw fis-suq lokali inkwistjoni, indipendentement mill-oriġini tagħhom, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha, jew parti minnhom, imħallsa mill-membri ta' tali organizzazzjoni, anki fil-każ li fih ir-rikavat ta' tali kontribuzzjonijiet jiffinanzja miżuri biex tinżamm biss il-produzzjoni lokali jew meta l-kontribuzzjonijiet jinġabru f'fażi differenti fil-proċess ta' kummerċjalizzazzjoni.

    Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru:

    fl-importanza ta' miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' tali reġjuni;

    fl-importanza ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; u

    li l-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija jiġġustifikaw sostenn speċjali favur tali reġjuni u gżejjer, bil-għan li jiġu implimentati miżuri adegwati.

    Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta' finanzjament tal-UE għall-POSEI u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jissottolinjaw li l-arranġamenti ta' finanzjament tal-UE għall-POSEI u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew inklużi f'dan ir-Regolament ta' Tranżizzjoni għall-2021 u l-2022 huma eċċezzjonali, li jirriflettu l-partikolarità taċ-ċirkostanzi, u ma jikkostitwux preċedent għall-finanzjament futur tal-PAK, la għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer minuri tal-Baħar Eġew u lanqas għall-pagamenti diretti.

    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa

    Il-Kummissjoni tinnota l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar l-emenda 106 tal-Parlament, li jiddaħħal Artikolu 167a ġdid fir-Regolament dwar l-OKS, fir-rigward tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Il-Kummissjoni tinnota li din l-emenda maqbula mill-Parlament u mill-Kunsill mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ kontinwità tar-regoli attwali li jiggovernaw ir-Regolament ta’ Tranżizzjoni, hija ta’ natura sostantiva u ġiet inkluża mill-koleġiżlaturi mingħajr ma saret valutazzjoni tal-impatt kif meħtieġ skont il-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-Kummissjoni tfakkar l-impenn tagħha li tissalvagwardja l-kompetizzjoni effettiva fis-settur agrikolu u li tagħti effett sħiħ lill-objettivi tal-PAK stipulati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-pagamenti ANC

    Il-Kummissjoni tinnota l-ftehim milħuq bejn il-koleġiżlaturi li l-fondi tal-EURI, meta jkunu integrati fil-FAEŻR, jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ pagamenti għal żoni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn (pagamenti ANC).

    Il-Kummissjoni diġà ddikjarat it-tħassib tagħha dwar il-kontribuzzjoni limitata ta’ pagamenti ANC favur objettivi ambjentali u klimatiċi, meta jitqies li l-bdiewa ma jeħtiġux li jadottaw xi prattiki speċifiċi biex jirċievu l-pagament. Għal din ir-raġuni, l-inklużjoni tal-pagamenti ANC taħt il-parti tal-fondi tal-EURI ddedikata biex tikkontribwixxi favur objettivi ambjentali u klimatiċi jenħtieġ li ma titqiesx bħala preċedent, waqt in-negożjati dwar il-PAK futura.


    Top