Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DP0350

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew biex ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-marka ta' identifikazzjoni li għandha tintuża għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq (C(2020)08765 – 2020/2907(DEA))

    ĠU C 445, 29.10.2021, p. 227–228 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 445/227


    P9_TA(2020)0350

    Ebda oġġezzjoni għal att delegat: marka ta' identifikazzjoni li għandha tintuża għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew biex ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-marka ta' identifikazzjoni li għandha tintuża għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq (C(2020)08765 – 2020/2907(DEA))

    (2021/C 445/37)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-marka ta' identifikazzjoni li għandha tintuża għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq (C(2020)08765),

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament Delegat,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tal-11 ta' Diċembru 2020,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 10(1) u 11a(6) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta' Diċembru 2020,

    A.

    billi r-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel, u b'mod partikolari l-Anness II ta' dak ir-Regolament jispjega r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-marka ta' identifikazzjoni li għandha tiġi applikata mill-operaturi tan-negozji tal-ikel fuq ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, inklużi r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kodiċijiet tal-pajjiżi li għandhom jintużaw mill-Istati Membri u mill-pajjiżi terzi;

    B.

    billi, f'konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq flimkien mal-Anness 2 ta' dak il-Protokoll, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; billi, għal dik ir-raġuni, huwa meħtieġ li jiġu emendati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta' dak ir-Regolament dwar il-marka ta' identifikazzjoni li għandha tintuża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq;

    C.

    billi, fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament ir-Regolament Delegat, u b'hekk infetaħ il-perjodu ta' skrutinju ta' xahrejn biex il-Parlament joġġezzjona għal dak ir-Regolament Delegat;

    D.

    billi r-Regolament Delegat jadatta l-marka ta' identifikazzjoni li għandha tiġi applikata fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali prodotti fl-Irlanda ta' Fuq;

    E.

    billi r-Regolament Delegat għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dak ir-Regolament ikunu effettivi wara li l-perjodu ta' tranżizzjoni mniżżel fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020;

    1.

    Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


    Top