Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR0840

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-isfidi għad-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent

    COR 2020/00840

    ĠU C 440, 18.12.2020, p. 66–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/66


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-isfidi għad-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent

    (2020/C 440/12)

    Relatur:

    Nikola DOBROSLAVIĆ (HR/PPE), Prefett tal-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva

    Dokument ta’ referenza:

    Ittra tal-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-UE (mingħand Dr Grlić Radman, Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika tal-Kroazja, lis-Sur Lambertz, President tal-KtR), A/00028

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    ifaħħar lill-Presidenza Kroata tal-UE talli tat bidu għal din l-Opinjoni. Din hija l-ewwel darba li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fassal Opinjoni dedikata esklużivament għall-isfidi li qed tiffaċċja d-demokrazija fil-Balkani tal-Punent u, b’mod partikolari, għall-fenomenu li huwa mifrux sew lil hinn mill-Balkani tal-Punent u magħruf bħala “local state capture” (manipulazzjoni tal-istat lokali), jiġifieri l-manipulazzjoni ta’ strutturi lokali għal interessi partikolari;

    2.

    ifakkar li l-pakkett ta’ tkabbir tal-Kummissjoni kien is-suġġett ta’ Opinjonijiet tal-KtR fl-2018, fl-2019 u fl-2020. F’dawn l-Opinjonijiet, ingħatat attenzjoni partikolari għall-isfidi li qed tiffaċċja d-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent u l-mod ta’ kif topera;

    3.

    isegwi mill-qrib ir-rapporti ta’ progress tal-pajjiżi kandidati u jilqa’ l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-politika tat-tkabbir tal-UE biex tinkludi l-Balkani tal-Punent; jafferma l-fehma tiegħu li dan it-tkabbir huwa ta’ interess politiku, ekonomiku u ta’ sigurtà kemm għall-Balkani tal-Punent kif ukoll għall-Unjoni Ewropea u huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, l-istabilità, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa kollha; jenfasizza li l-pajjiżi kandidati jeħtieġ li jissodisfaw il-kriterji kollha għas-sħubija;

    4.

    jinnota b’dispjaċir li, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lill-kwistjonijiet tad-demokrazija lokali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba fil-livell lokali fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi msieħba fil-Balkani tal-Punent u, b’mod partikolari, fl-integrazzjoni tagħhom fl-UE;

    5.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress fir-riformi f’diversi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iżda jinnota bi tħassib li ftit li xejn qed isir progress f’ċerti pajjiżi u li saħansitra, f’ċerti każijiet, hemm rigress, fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-midja u l-ġustizzja, u jinnota dgħufija ġenerali tal-istat tad-dritt;

    6.

    jirrimarka li d-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent qed tiffaċċja ħafna sfidi, li ħafna drabi jeżistu f’forom simili jew saħansitra identiċi anke fl-Istati Membri tal-UE, iżda huma ħafna aktar evidenti fil-Balkani tal-Punent. Dawn il-problemi huma aggravati minn għadd ta’ fatturi li ma għandhom l-ebda rwol jew li għandhom rwol iżgħar fl-UE: il-legat ta’ kunflitti armati preċedenti, tilwim mhux riżolt dwar kwistjonijiet ta’ sovranità u territorjali, midja mhux ħielsa, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-delitti tal-gwerra u tal-ġenoċidju, l-ambizzjonijiet għall-espansjoni, mibegħda, kwistjonijiet kostituzzjonali mhux riżolti, in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-popli u liġijiet elettorali mhux kostituzzjonali, defiċits fil-governanza tajba, tendenzi awtoritarji fost l-uffiċjali u l-partiti fil-gvern fil-livelli kollha tal-gvern u l-amministrazzjoni, żvilupp soċjoekonomiku relattivament dgħajjef, żvilupp demografiku negattiv prevalenti u soċjetà ċivili sottożviluppata b’kultura demokratika u politika dgħajfa;

    7.

    jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li l-istat tad-demokrazija fil-livell lokali huwa marbut b’mod inseparabbli mas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali u li l-fenomeni negattivi fil-livell lokali ħafna drabi jirriflettu l-fenomeni li jeżistu fil-livell nazzjonali;

    8.

    jinnota li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kkontribwixxa b’mod kontinwu għall-Balkani tal-Punent permezz tal-korpi tiegħu, b’mod speċifiku permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-Balkani tal-Punent (li jikkonċerna l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo (*1)) u tliet Kumitati Konsultattivi Konġunti, li jaħdmu fuq bażi ta’ parità mal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn ċerti pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja); fl-istess ħin, jirrimarka li dawn il-korpi kienu ta’ siwi fl-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-pożizzjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u l-imsieħba tagħhom fil-Balkani. Dan l-iskambju jsir fil-kuntest ta’ diskussjonijiet dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, inkluż l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, li huwa ta’ importanza kbira fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; jiddispjaċih, madankollu, li l-pluralità politika f’dawn il-Kumitati Konsultattivi Konġunti fil-pajjiżi tal-Balkani rispettivi mhux dejjem tiġi żgurata;

    9.

    jilqa’ l-isforzi tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Ewropa tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tad-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent. Il-ħidma tal-Kungress u tal-KtR hija komplementari u l-KtR għalhekk jixtieq isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kungress f’dan il-qasam;

    10.

    jirrimarka li l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, waħda mill-erba’ strateġiji makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea, tinkludi tliet pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-għan ewlieni tal-istrateġija huwa li tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni biex jiġu inklużi l-atturi lokali u reġjonali. Dan jinkludi l-appoġġ u l-assistenza tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ proċessi rilevanti – demokratiċi – u s-soċjetà ċivili. Għalhekk qed ikun issuġġerit li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;

    11.

    huwa tal-fehma li waħda mill-isfidi partikolari għad-demokrazija lokali hija l-fenomenu tal-manipulazzjoni tal-istat lokali, li l-Kummissjoni Ewropea semmiet ukoll fl-Istrateġija tat-Tkabbir 2018 tagħha. Dan ifisser gvern lokali li huwa kompletament jew parzjalment magħmul minn individwi jew gruppi li għandhom is-setgħa adatta għall-interessi personali tagħhom;

    12.

    jelenka l-aktar aspetti importanti għall-manipulazzjoni tal-istat lokali: għoti manipulat jew xi kultant illegali ta’ kuntratti pubbliċi; ħatriet, impjiegi u promozzjonijiet ta’ uffiċjali, diriġenti u impjegati ta’ kumpaniji pubbliċi mhux relatati mal-prestazzjoni; pressjoni fuq il-korpi ġudizzjarji, appoġġ mhux trasparenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-awtoritajiet lokali, nuqqas ta’ trasparenza fil-ħidma tal-awtoritajiet u l-amminsitrazzjonijiet lokali, sikwit flimkien mal-kontroll tal-midja lokali permezz tas-sjieda jew ir-reklamar, kif ukoll l-abbuż tal-partiti politiċi għal gwadann personali u l-manipulazzjoni tal-awtoritajiet lokali permezz tal-bini u ż-żamma ta’ networks ta’ patrunaġġ; jenfasizza li dawn l-aspetti ta’ spiss jikkontribwixxu għad-diżillużjoni fost iċ-ċittadini u jwasslu għal għadd baxx ta’ nies li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali u għalhekk defiċit demokratiku ulterjuri għad-demokraziji lokali;

    13.

    iwissi wkoll dwar il-livell insuffiċjenti ta’ stat tad-dritt u l-ġudikatura kajmana, ineffiċjenti sikwit partiġġjana u xi kultant korrotta, il-korruzzjoni mifruxa u profonda li hija perċepita minn ħafna ċittadini bħala normali jew saħansitra inevitabbli b’mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi fil-livell lokali u f’kuntatt mal-persunal mediku u l-pulizija tat-traffiku, l-estremiżmu etniku u reliġjuż vjolenti li għadu jeżisti u soluzzjonijiet istituzzjonali u leġiżlattivi mhux adegwati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż in-nuqqas ta’ deċentralizzazzjoni funzjonali u fiskali;

    14.

    jinnota li l-pluralità politika nieqsa jew it-trażżin u l-intimidazzjoni ta’ uffiċjali eletti li jappartjenu għall-partiti tal-oppożizzjoni fil-livell lokali f’xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma sfidi kbar għad-demokraziji lokali f’dawk il-pajjiżi;

    15.

    jargumenta, f’dan ir-rigward, li l-kuntratti pubbliċi f’ “muniċipalitajiet manipulati” huma ġeneralment maħsuba biex isaħħu l-pożizzjoni ta’ dawk fil-poter jew tal-membri tal-klikka li għandha r-riedni ta’ kontroll. Il-proċedura ta’ spiss hija kif ġej: l-evitar ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi u l-għoti dirett ta’ kuntratti, is-sejħiet għal offerti jiġu ppubblikati f’pubblikazzjonijiet li bilkemm jinqraw fi żminijiet magħżula u bi skadenzi qosra ħafna, kif ukoll kundizzjonijiet tas-sejħiet għal offerti li jkunu mfassla apposta għal offerent partikolari. Wara l-għoti tal-kuntratt, l-offerent preferut jesprimi l-gratitudni tiegħu lill-mexxej lokali jew lir-rappreżentanti tiegħu permezz ta’ kummissjoni sempliċi fil-forma ta’ perċentwal tal-valur tal-kuntratt, li normalment tkun diġà inkluża fil-prezz meta tiġi ppreżentata l-offerta, sabiex ma jonqosx il-profitt tal-kuntrattur;

    16.

    jirrimarka li dawk li jimmanipulaw strutturi lokali jużaw il-politika tar-riżorsi umani bħala għodda effettiva, speċjalment fejn hemm ftit impjiegi tajbin, li spiss ikun il-każ fiż-żoni milquta. Ir-rekluti ġodda fil-gvern lokali u impjegati f’intrapriżi pubbliċi lokali spiss jiġu reklutati mill-klann tagħhom stess jew minn familji ta’ ħbieb mill-qasam politiku jew tan-negozju. Dawn jinkludu wkoll membri tal-oppożizzjoni fil-korpi rappreżentattivi, il-konjuġi tagħhom u qraba stretti. Dan iwassal ukoll għal ristrutturar illegali tal-amministrazzjoni sabiex jiġi premjat ix-“xogħol tajjeb”;

    17.

    jinnota bi tħassib kbir li l-mexxejja lokali u l-membri tal-klikka li għandha r-riedni ta’ kontroll ta’ spiss jistabbilixxu u jżommu kuntatti mill-qrib ma’ imħallfin u uffiċjali ġudizzjarji oħra fil-livell nazzjonali u lokali, bil-għan li jżommu l-poter u jkollhom aċċess għar-riżorsi lokali, filwaqt li jipprovdu lil individwi influwenti fil-ġudikatura benefiċċji ekonomiċi li joriġinaw minn riżorsi lokali. Bi skambju, l-uffiċjali ġudizzjarji jostakolaw investigazzjonijiet u proċedimenti kontra l-mexxejja lokali;

    18.

    jinnota li s-sitwazzjoni fl-awtoritajiet lokali hija aggravata aktar mit-telf ta’ riżorsi umani. Ħafna residenti, speċjalment żgħażagħ u nies b’edukazzjoni, jemigraw, li hija problema kbira għall-iżvilupp ta’ dawn il-muniċipalitajiet;

    19.

    jenfasizza li fid-dawl tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prinċipju bażiku tal-UE, l-azzjonijiet biex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa u biex tiżdied il-parteċipazzjoni politika tagħhom għandhom jitqiesu bis-serjetà u jridu jiġu ssodisfati;

    20.

    huwa konxju ħafna mill-fatt li l-migrazzjoni irregolari hija wkoll piż sinifikanti fuq l-awtoritajiet lokali tul l-hekk imsejħa r-rotta tal-Balkani, peress li żżid is-sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ setgħa u tal-kollass tal-istituzzjonijiet mhux biss fost iċ-ċittadini, iżda wkoll fost l-awtoritajiet;

    21.

    jenfasizza li l-kriminalità organizzata hija theddida għas-sigurtà u l-prosperità tal-awtoritajiet lokali;

    22.

    jinsab imħasseb ukoll, f’dan il-kuntest, dwar il-kontroll fuq il-midja u l-istabbilimenti lokali tal-istituzzjonijiet nazzjonali minn mexxejja lokali;

    23.

    jinnota li għalkemm l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja fil-Balkani tal-Punent huma fundamentalment kritiċi tal-awtoritajiet fil-livelli kollha, ħafna drabi jiddependu minnhom, kif ukoll mill-għotjiet, il-benefiċċji ta’ taxxa u l-bini provdut minnhom. L-għoti jew iċ-ċaħda b’mod arbitrarju ta’ appoġġ finanzjarju jew spazju għall-uffiċċji huma għodda effettiva biex l-“użurpaturi” tal-awtoritajiet lokali joħonqu l-kritika u jippromovu l-klijenteliżmu fost is-soċjetà ċivili;

    24.

    jenfasizza li l-liberazzjoni tal-Balkani tal-Punent mill-manipulazzjoni ta’ strutturi statali fil-livell nazzjonali u lokali tkun ta’ benefiċċju kbir għan-nies li jgħixu hemm, tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ekonomija u d-demokratizzazzjoni tas-soċjetà, u tnaqqas ix-xejriet demografiċi negattivi u, b’mod partikolari, id-depopolazzjoni u tqarreb aktar dawk il-pajjiżi lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

    25.

    jilqa’ l-fatt li fis-6 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat approċċ ġdid għall-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jistenna tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent fl-oqsma tal-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, it-trasparenza, il-protezzjoni ambjentali, il-kompetittività u l-politiki settorjali;

    26.

    iqis, f’dan il-kuntest, li jista’ jkun hemm opportunità ġdida biex il-pajjiżi kandidati potenzjali jersqu aktar qrib l-Unjoni Ewropea; min-naħa tagħhom, dawn il-pajjiżi jeħtieġu juru rieda akbar li jiġġieldu l-korruzzjoni u li jsaħħu l-istat tad-dritt u l-ġestjoni trasparenti tal-fondi pubbliċi;

    27.

    jenfasizza, fid-dawl tal-approċċ il-ġdid għan-negozjati ta’ adeżjoni, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-istat tad-dritt sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-kawżi u l-konsegwenzi tal-manipulazzjoni tal-istat lokali;

    28.

    jinnota li l-manipulazzjoni kontinwa tal-istat lokali, fejn ftit individwi jkunu ilhom f’pożizzjoni ta’ poter ekonomiku jew politiku għal ftit snin jew għal għexieren ta’ snin, ukoll għandha impatt fuq l-elezzjonijiet; dan iżomm liċ-ċittadini milli jipparteċipaw fil-politika, u huwa għalhekk li l-parteċipazzjoni tal-votanti fil-livell lokali, li huwa l-eqreb u l-aktar livell fdat miċ-ċittadini, ħafna drabi tkun inqas milli fl-elezzjonijiet nazzjonali. Pereżempju, saret elezzjoni li kienet kompletament ibbojkottjata mill-partiti tal-oppożizzjoni, u f’każ ieħor (f’Mostar) ma sarux elezzjonijiet lokali fuq perjodu ta’ ħdax-il sena, li mhuwiex aċċettabbli f’demokrazija u li ta lok għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“Baralija v. BiH” (30100/18); jistieden lill-UE biex f’kuntest bħal dan tagħti attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ tal-proċessi elettorali;

    29.

    jinnota b’dispjaċir li xi ċittadini, b’mod partikolari dawk b’livell għoli ta’ edukazzjoni u finanzjarjament indipendenti, għandhom sens ta’ privazzjoni u ta’ diżillużjoni dwar il-politika, filwaqt li oħrajn huma marbuta ma’ dawk fil-poter minħabba l-politika tal-klijentiżmu, li tipprovdilom impjiegi, pensjonijiet addizzjonali, postijiet fl-iskejjel preprimarji, triq ġdida asfaltata biex jaċċessaw darhom, eċċ. Din is-sitwazzjoni taqbel lil dawk li jkunu qed jimmanipulaw l-istrutturi lokali u tippermettilhom jibqgħu fil-poter u tkompli tagħmel agħar is-sitwazzjoni tad-demokrazija lokali;

    Kuntest ġenerali

    30.

    ifakkar li fl-1999 l-UE stabbiliet il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA) bħala l-qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun. Fl-istess ħin, il-Patt ta’ Stabbiltà tnieda bħala inizjattiva usa’. Fl-2008, il-Patt ta’ Stabbiltà ġie sostitwit mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali. Fl-2003, il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki kkonferma li l-pajjiżi kollha tal-PSA huma kandidati potenzjali għal sħubija fl-UE;

    31.

    jenfasizza li din il-perspettiva tal-UE ġiet affermata mill-ġdid fl-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Frar 2018 u fid-Dikjarazzjoni ta’ Sofija adottata fis-Summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta’ Mejju 2018 u se tkun ukoll is-suġġett tas-Summit UE-Balkani tal-Punent li jmiss f’Zagreb, il-Kroazja, fis-7 ta’ Mejju 2020;

    32.

    jirrimarka li n-network tad-delegazzjonijiet tal-UE, bħala parti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandu rwol essenzjali x’jaqdi fil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi relatati mal-manipulazzjoni tal-istat lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-korruzzjoni u l-ostakli għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-livell lokali u nazzjonali;

    33.

    jenfasizza li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala attur importanti fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba tal-Balkani tal-Punent u bnadi oħra, ippromova sforzi biex jissaħħu d-demokrazija lokali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, b’mod partikolari permezz tal-impenn tiegħu favur ir-riformi tal-amministrazzjoni lokali u l-iżvilupp ekonomiku lokali;

    Rakkomandazzjonijiet għal miżuri

    34.

    huwa konvint li t-tliet Kumitati Konsultattivi Konġunti stabbiliti mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mal-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Balkani tal-Punent huma l-għodod ewlenin għal dan l-impenn u għandhom ikomplu jintużaw biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp pożittiv tad-demokrazija lokali fil-Balkani tal-Punent;

    35.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Parlament Ewropew, tappoġġja b’mod attiv l-isforzi biex tiġi indirizzata l-problema tal-manipulazzjoni tal-istat lokali fil-Balkani tal-Punent;

    36.

    jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-partijiet interessati li huma impenjati bis-sħiħ biex jippromovu d-demokrazija lokali u l-istat tad-dritt, bħal organizzazzjonijiet indipendenti mingħajr skop ta’ qligħ li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, it-trasparenza u/jew il-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika (organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza). L-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma wkoll atturi importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija fil-livell lokali, u jistgħu jkunu msieħba strateġiċi;

    37.

    iħeġġeġ il-kooperazzjoni anke ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-livell lokali (IOM, UNDP, Unicef, eċċ.) għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini;

    38.

    iħeġġeġ bis-sħiħ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex iżidu l-komunikazzjoni u l-kuntatti maċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġu żviluppati sħubiji u sinerġiji bil-għan komuni li jiġu implimentati b’mod effettiv ir-riformi meħtieġa, jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tinbena soċjetà demokratika. Wieħed mill-oqsma li fih iċ-ċittadini huma konxji tal-benefiċċji tad-demokrazija lokali u tal-approssimazzjoni tal-UE huwa l-forniment tas-servizzi muniċipali. Huwa wkoll qasam li rarament ma jkunx soġġett għall-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-istat lokali. Jinħtieġu aktar sens ta’ ftuħ u trasparenza f’dan il-qasam, u iżjed konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar il-forniment tas-servizzi muniċipali fejn l-enfasi hija fuq il-ħtiġijiet u t-talbiet taċ-ċittadini;

    39.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, f’dan il-kuntest, biex tagħti aktar attenzjoni lin-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fin-negozjati ta’ adeżjoni u r-relazzjonijiet tal-UE mal-Balkani tal-Punent. B’hekk, jeħtieġ li jiġu eżaminati bir-reqqa l-każijiet ta’ manipulazzjoni tal-istat lokali, tiġi monitorjata l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet leġiżlattivi u istituzzjonali biex tiġi limitata d-diskrezzjoni tal-politiċi fil-qasam tar-riżorsi finanzjarji u umani, u għandha tiġi promossa l-libertà tal-midja permezz ta’ inċentivi finanzjarji u politiki edukattivi;

    40.

    huwa tal-fehma li l-kriterji applikati mill-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-Balkani tal-Punent għandhom iqisu r-realtajiet fil-livelli nazzjonali u lokali u m’għandhomx jissorveljaw biss it-twettiq formali tal-kriterji, li prinċipalment għandhom l-għan li jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-acquis tal-UE. Dan huwa approċċ ambizzjuż, iżda jista’ jwassal għal riżultati aħjar b’mod sinifikanti;

    41.

    iqis li d-delegazzjonijiet tal-UE fil-Balkani tal-Punent, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u, fejn xieraq, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkollhom rwol akbar fil-verifika tal-istat reali tad-demokrazija lokali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta’ kuntatti diretti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni, tan-negozju, tal-komunità akkademika u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll permezz tal-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ djalogi maċ-ċittadini;

    Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (*1)  “Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo”.


    Top