Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR2142

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa

    COR 2020/02142

    ĠU C 440, 18.12.2020, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/15


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa

    (2020/C 440/04)

    Relatur:

    Birgitta SACRÉDEUS (SE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Dalarna

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    josserva li t-tifqigħa tal-COVID-19 li laqtet lill-Ewropa u lill-bqija tad-dinja fl-2020 mhux biss wasslet għal livelli għoljin ta’ mard u mwiet, iżda wkoll kellha bosta konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, li ħadd għadu ma eżamina għalkollox. Il-firxa rapida tal-virus wasslet għal żieda fil-pressjoni kemm fuq il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali kif ukoll fuq l-istrutturi tas-saħħa pubblika u rriżultat f’ammont ta’ xogħol għoli ħafna għall-persunal tas-saħħa u l-kura, u fl-istess ħin jeħtieġ li jsiru t-tħejjijiet għal fażijiet ġodda tal-firxa tal-virus;

    2.

    josserva li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat l-inħawi differenti tal-Ewropa b’mod differenti, b’differenzi sinifikanti mhux biss bejn il-pajjiżi iżda wkoll bejn ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet, il-viċinati u l-gruppi ta’ età, iżda li l-persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa preeżistenti u l-persuni li l-istat tas-saħħa tagħhom huwa fraġli kif ukoll dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet soċjoekonomiċi inadegwati ntlaqtu b’mod iżjed aħrax minn oħrajn, u dan b’mod konsistenti;

    3.

    jinnota li, bil-għan li tiġi miġġielda l-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll biex tinżamm u tiġi garantita s-saħħa tal-popolazzjoni, l-Istati Membri ħadu miżuri li jirrestrinġu l-libertà tal-moviment tal-individwi sal-punt li jkun inkonċepibbli taħt ċirkustanzi normali;

    4.

    huwa tal-fehma li l-pandemija tal-COVID-19 turi b’mod ċar l-importanza ta’ persunal kwalifikat u mħarreġ sew u sistemi tas-saħħa ffinanzjati kif imiss mgħammra tajjeb u sodi, bil-kapaċità li jadattaw ruħhom malajr għal sitwazzjoni ġdida ta’ saħħa pubblika u kura u, jekk ikun meħtieġ, li tissaħħaħ iżjed il-kura primarja u tal-out-patients u li tiżdied il-kapaċità fl-isptarijiet fis-swali ta’ kura ordinarja u ta’ kura intensiva;

    5.

    jinnota li f’ħafna pajjiżi ġiet posposta l-kura tal-pazjenti b’dijanjostika u bżonnijiet mediċi oħra, u din hija r-raġuni għaliex inħolqot “akkumulazzjoni ta’ kura tas-saħħa” li se tieħu żmien twil biex tiġi indirizzata. Ħafna nies li kienu morda ħafna bil-COVID-19 issa jeħtieġu riabilitazzjoni, u hemm ukoll bosta indikazzjonijiet li żdiedet il-ħtieġa ta’ kura tas-saħħa mentali b’rabta mal-pandemija, kemm fil-popolazzjoni ġenerali kif ukoll fil-professjonisti tas-saħħa u tal-kura. Il-kura tas-saħħa, li tħaddan is-saħħa pubblika, il-kura primarja u dik tal-out-patients, għalhekk se teħtieġ aktar riżorsi għal perjodu twil ta’ żmien;

    6.

    jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE appoġġjaw b’mod attiv lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-COVID-19, iżda li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri waqfet ħesrem, pereżempju, ngħalqu l-fruntieri nazzjonali għall-provvisti mediċi meta l-ħtieġa għal kooperazzjoni, tmexxija u impenn fil-livell Ewropew kienet akbar mis-soltu;

    7.

    ifakkar li, skont l-Artikolu 222 tat-TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu b’mod konġunt fi spirtu ta’ solidarjetà;

    8.

    jenfasizza li, filwaqt li l-UE taqdi rwol importanti fit-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard u l-eliminazzjoni tar-riskji għas-saħħa, hija fundamentalment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu kif għandhom jiġu organizzati, iffinanzjati u żviluppati s-saħħa pubblika, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali;

    9.

    huwa konvint li s-sistemi Ewropej ta’ kura tas-saħħa universali, iffinanzjati fuq il-bażi tas-solidarjetà, huma vantaġġ ewlieni fil-ġlieda kontra l-COVID-19;

    Tagħlimiet globali

    10.

    huwa tal-fehma li hemm ħafna tagħlimiet importanti li għandhom jinsiltu mill-ġlieda kontra l-COVID-19 li jistgħu jintużaw f’aktar ħidma fuq din il-kriżi globali, iżda wkoll f’sitwazzjonijiet oħra ta’ kriżi;

    11.

    jiġbed l-attenzjoni li ħafna Stati Membri għażlu li r-responsabbiltà prinċipali għall-kura tas-saħħa u s-saħħa pubblika tkun f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Anke f’pajjiżi li għandhom sistema nazzjonali tas-saħħa ta’ sikwit il-livell lokali jkun responsabbli għas-servizzi soċjali u l-kura soċjali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għalhekk jaqdu rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-COVID-19;

    12.

    jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri, jiżguraw li s-suq uniku jinżamm u li jkompli jiffunzjona wkoll f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ma jfixkilx l-akkwist u t-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, apparat mediku, tagħmir ta’ protezzjoni personali u oġġetti u servizzi oħra, u li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u dik soċjali u gruppi ewlenin oħra ma jkunux impediti milli jivvjaġġaw minn naħa għal oħra tal-fruntieri nazzjonali;

    13.

    jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-kwalità tal-ġbir tad-data, il-kwalità tar-riċerka u sorsi siguri ta’ informazzjoni biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet jieħdu deċiżjonijiet infurmati u li l-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u l-individwi jaġixxu b’mod responsabbli u preventiv;

    14.

    jenfasizza l-importanza ta’ assistenza reċiproka u kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż it-trasport ta’ pazjenti li jeħtieġu kura fl-isptar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali lejn l-isptarijiet li għandhom kapaċità disponibbli, it-trasferiment ta’ persunal mediku u forom oħra ta’ kooperazzjoni transkonfinali biex tittaffa l-pressjoni minn fuq is-sistemi tas-saħħa fl-aktar partijiet milquta tal-UE;

    15.

    għaldaqstant, jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jaqblu dwar protokoll statistiku komuni li jippermetti l-komparabbiltà tad-data dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-pandemiji tal-ġejjieni. Dan il-protokoll, li għandu jiġi żviluppat taħt l-awtorità konġunta tal-ECDC u l-Eurostat, jista’ jibbaża fuq data pprovduta fil-livell tan-NUTS 2 biex jiffaċilita rispons ta’ politika li jintegra l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

    16.

    jiġbed l-attenzjoni għas-soluzzjonijiet diġitali f’oqsma li jinkludu, pereżempju, informazzjoni medika, konsultazzjonijiet mediċi u traċċar tal-kuntatti b’rabta mad-detezzjoni ta’ mard li ġew żviluppati jew sar progress fihom b’rabta mat-tifqigħa tal-COVID-19; madankollu, l-identifikazzjoni tal-portaturi tal-virus tqajjem mistoqsijiet leġittimi dwar il-privatezza u s-sigurtà tad-data, anke f’sitwazzjonijiet transkonfinali; Il-pandemija enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal skambju diġitali transkonfinali tad-data tal-pazjenti meta l-pazjenti jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor;

    17.

    jenfasizza kemm l-importanza tal-kooperazzjoni globali fil-qafas, fost l-oħrajn, tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), għall-ġlieda kontra l-COVID-19 u theddid serju ieħor għas-saħħa, kif ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni man-negozji, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, il-familji, il-ġirien u l-ħbieb fil-ġestjoni tal-kriżijiet lokali u reġjonali;

    18.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinstab mod aħjar kif jiġu protetti l-anzjani u l-persuni fraġli, kemm dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni speċjali kif ukoll akkomodazzjoni ordinarja, kontra l-COVID-19 u mard ieħor li jittieħed; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li l-politiki soċjali u tas-saħħa jsaħħu s-sistemi tal-kura primarja fil-livell lokali, b’enfasi fuq il-prevenzjoni

    Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa

    19.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni biex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19, jieħu nota tal-Pjan ta’ Rkupru Ewropew komprensiv li tressaq fis-27 ta’ Mejju 2020 u jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim dwar l-użu tal-fondi kollha disponibbli fil-baġit tal-UE ta’ din is-sena biex jgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sistemi Ewropej tas-saħħa;

    20.

    josserva li d-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (1) pprovdiet bażi importanti għat-tħejjija u r-rispons tal-Unjoni għall-emerġenzi, iżda li fid-dawl tal-kriżi attwali tas-saħħa, hemm bżonn li jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet tal-UE ta’ rispons għall-emerġenzi u ta’ reazzjoni għad-diżastri;

    21.

    għalhekk jipproponi li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għall-kura tas-saħħa, is-saħħa pubblika u l-ġestjoni tad-diżastri, jiġi stabbilit “mekkaniżmu tal-UE għall-emerġenzi tas-saħħa” bil-għan li:

    jiġu kkoordinati l-miżuri u l-appoġġ tal-UE biex jappoġġjaw l-istrutturi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ kura tas-saħħa u ta’ rispons għad-diżastri, bil-għan li jiġu indirizzati b’mod effettiv it-theddid għas-saħħa u sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

    jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi f’dak li jirrigwarda t-tħejjija u r-rispons flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, bħad-WHO;

    tiġi kkoordinata d-distribuzzjoni Ewropea ta’ tagħmir mediku essenzjali;

    jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenziji Ewropej relatati mas-saħħa;

    tittejjeb il-provvista ta’ tagħmir mediku essenzjali permezz ta’ inizjattivi konġunti ta’ akkwist u tiġi ssorveljata l-katina ta’ provvista tal-prodotti essenzjali;

    bil-kooperazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Istati Membri jiġu megħjuna fir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjani pandemiċi tagħhom, b’enfasi fuq l-involviment ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal “simulazzjoni ta’ kriżi” sabiex jiġi vvalutat l-istat ta’ tħejjija tagħhom biex jirrispondu għal theddid differenti għas-saħħa, kif ġara fil-każ tal-istituzzjonijiet finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja;

    22.

    huwa tal-fehma li l-“Mekkaniżmu tal-UE għall-Emerġenzi tas-Saħħa” futur għandu jkun ibbażat fuq l-istrument għall-appoġġ ta’ emerġenza, kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 (2);

    23.

    huwa konvint li l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, u b’mod partikolari l-istrument rescEU tal-UE u l-Korp Mediku Ewropew, jeħtieġ li jissaħħu aktar jekk l-Unjoni trid li tkun lesta u kapaċi tirreaġixxi malajr, b’mod effettiv u kkoordinat, għall-kriżijiet kollha futuri, bijoloġiċi jew ta’ tip ieħor. Madankollu, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19, bil-għan li l-organizzazzjoni u l-istruttura tiegħu jkunu l-iżjed effettivi possibbli;

    24.

    jipproponi li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ twissija bikrija taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) u tiġi żviluppata r-rabta tiegħu mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), sabiex ikun jista’ jwettaq ir-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu b’mod saħansitra aktar effettiv fil-futur u jipprovdi appoġġ adatt lill-korpi ta’ ġestjoni operazzjonali fuq il-post;

    25.

    josserva li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat kemm huwa kruċjali l-ECDC, u jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex isaħħu u jiżviluppaw ir-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra l-patoloġiji l-kbar; Għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-tisħiħ ta’ dan ir-rwol issa qed jiġi diskuss mill-Ministri tas-saħħa tal-UE;

    26.

    jilqa’ b’sodisfazzjon ħafna mill-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Lulju 2020 fil-Komunikazzjoni dwar “L-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta’ żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19”;

    27.

    bil-għan li jiġu salvagwardjati kemm il-libertà tal-moviment kif ukoll is-saħħa pubblika, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ippubblikata fl-4 ta’ Settembru 2020 dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-libertà tal-moviment bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

    Akkwist u kumulazzjoni ta’ provvisti mediċi

    28.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, sad-data ta’ April 2020, il-ftehim dwar l-akkwist konġunt kien ikopri kważi 540 miljun persuna, inklużi r-residenti kollha tal-pajjiżi tal-UE u taż-ŻEE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u kważi l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha;

    29.

    jilqa’ b’sodisfazzjon, għalhekk, il-proposta tal-Kanċillier Angela Merkel u tal-President Emmanuel Macron tat-18 ta’ Mejju 2020 li, bħala parti minn strateġija ta’ rispons għall-kriżijiet tas-saħħa, jistabbilixxu “task force speċjali” fi ħdan il-qafas tal-ECDC li jiġi fdat bil-kompitu li, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa, ifasslu pjani ta’ prevenzjoni u ta’ rispons bil-għan li jiġġieldu epidemiji futuri;

    30.

    japprezza n-natura volontarja tal-ftehim, iżda huwa tal-fehma li l-inklużjoni volontarja għandha tiġi sostitwita b’opzjoni ta’ esklużjoni fakultattiva, peress li din tiffaċilita proċedura rapida u fl-istess ħin tiggarantixxi l-libertà tal-għażla għall-partijiet involuti;

    31.

    jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq programm ġdid u awtonomu tas-saħħa msejjaħ “EU4Health”, bħala parti mill-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, b’baġit totali ta’ EUR 9,4 biljun bil-għan li, fost affarijiet oħra, tissaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u biex l-Unjoni titħejja għal kriżijiet futuri tas-saħħa, u biex il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili msejjaħ “RescEU” jissaħħaħ b’żieda ta’ finanzjament ta’ EUR 2 biljun; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill Ewropew sussegwentement baxxa l-ambizzjonijiet tiegħu għal EUR 1,7 biljun, li jnaqqas il-possibbiltà li jiġu indirizzati l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija. Il-Kumitat tar-Reġjuni beħsiebu jressaq kummenti speċifiċi dwar il-programm ġdid dwar is-saħħa f’Opinjoni separata;

    32.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-akkwist u d-distribuzzjoni fl-Ewropa ta’ provvisti mediċi essenzjali lill-isptarijiet u lil fornituri oħra tal-kura tas-saħħa (respiraturi, ventilaturi, tagħmir ta’ protezzjoni personali, maskri li jistgħu jerġgħu jintużaw, mediċini, tagħmir mediku u tal-laboratorju u diżinfettant), iżda jenfasizza li f’ħafna Stati Membri l-isptarijiet, iċ-ċentri tas-saħħa u d-djar tal-kura huma mmexxija mill-awtoritajiet reġjonali u lokali li jeħtieġ li jkunu involuti f’dan il-proċess, u jinnota li l-akkwist konġunt fir-rebbiegħa ħa wisq żmien biex jilħaq l-iskop tiegħu bis-sħiħ;

    33.

    jilqa ‘b’sodisfazzjon il-ħolqien rapidu tar-riżerva medika tar-rescEU għal tagħmir mediku u l-konsenja rapida tiegħu lill-iżjed Stati Membri milquta;

    34.

    jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu pjan Ewropew strateġiku permanenti ta’ emerġenza fil-forma ta’ riżerva fl-UE ta’ antibijotiċi, vaċċini, antidoti kimiċi, antitossini u provvisti mediċi essenzjali oħra, li wrew li huma effettivi, sabiex tiġi garantita l-eżistenza ta’ riżerva ta’ emerġenza, u jikoordinaw id-distribuzzjoni rapida u l-konsenja tar-riżorsi meħtieġa fl-Ewropa;

    35.

    jilqa’ b’sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2020 li teżenta b’mod temporanju t-tagħmir mediku u t-tagħmir ta’ protezzjoni personali mid-dazji tal-importazzjoni u mill-VAT. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tagħha, sabiex tinkludi l-kumpaniji privati li huma obbligati jużaw it-tagħmir ta’ protezzjoni personali, u timplimentaha b’mod li ma jpoġġix lill-produtturi lokali tal-UE fi żvantaġġ ekonomiku;

    36.

    josserva li l-iskarsezzi ta’ prodotti u mediċini essenzjali, bħall-antibijotiċi u l-anestetiku, li bosta reġjuni diġà esperjenzaw, ġiet aggravata matul il-pandemija li għaddejja, u jitlob li jsiru sforzi biex jinkisbu malajr sustanzi bażiċi essenzjali, biex tiżdied il-produzzjoni ta’ tagħmir tal-ittestjar u apparat mediku ieħor fejn ikun hemm skarsezzi, u biex jingħata bidu għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ mediċini essenzjali fit-territorju Ewropew billi jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni, u billi jinħolqu inċentivi għall-produtturi;

    37.

    jaqbel li l-Unjoni trid tkun kapaċi tiżviluppa, tixtri, tittrasporta u tqassam provvisti tal-ittestjar u tagħmir ta’ protezzjoni importati minn barra l-pajjiż jew manifatturati fl-UE. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-mediċini u provvisti mediċi oħra, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom inaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-pajjiżi terzi u jagħmlu l-almu tagħhom biex il-mediċini jkunu aktar affordabbli;

    38.

    huwa konvint li għandu jkun possibbli f’kull ħin li tiġi żgurata provvista rapida u faċilment aċċessibbli ta’ tagħmir protettiv, bħal maskri, ilbies protettiv, eċċ., fis-suq. Għal dan il-għan, għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti fil-livell Ewropew sabiex il-kapaċità tal-produzzjoni tal-materjali protettivi tkun tista’ tiġi stabbilita fl-Istati Membri, u r-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku u l-antitrust għandhom jiġu rieżaminati fid-dawl tal-pandemija;

    39.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi vvalutat liema tip ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali huwa adatt li jintuża f’kuntesti differenti, u mhux biss biex tiġi miġġielda l-COVID-19;

    40.

    jemmen li hija ħaġa pożittiva li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) qablu li jagħmlu disponibbli numru ta’ standards Ewropej għal ċertu apparat mediku u tagħmir protettiv personali, u huwa tal-fehma li dan ser iżiż u jittrasforma l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-kumpaniji Ewropej sabiex ilaħħqu mal-iskarsezzi tal-provvisti;

    41.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-apparat għal protezzjoni personali, speċjalment dak maħsub għaċ-ċittadini jkun kemm jista’ jkun riċiklabbli;

    Vaċċini, dijanjostika u kura

    42.

    jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jinstabu vaċċini kontra l-COVID-19 u jistieden lil-leġislatur tal-UE biex iqis l-appell tal-Kumitat biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ vaċċini li jikkomplementaw ir-riċerka medika pubblika u privata għall-ġlieda kontra l-COVID-19;

    43.

    jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex il-baġit tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont Ewropa” jiżdied għal EUR 94,4 biljun, u jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew sussegwentement ippropona li dan jitnaqqas għal EUR 80,9 biljun;

    44.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-qbil milħuq mill-Kummissjoni Ewropea ma’ diversi kumpaniji farmaċewtiċi dwar il-provvista ta’ mediċini u dożi ta’ vaċċini jekk u meta ċerta kumpanija tiżviluppa vaċċin sigur u effettiv;

    45.

    josserva bi tħassib li l-isforzi globali biex jiġu żviluppati l-vaċċini, id-dijanjostika u l-kura kontra l-COVID-19 jistgħu jinbidlu f’sitwazzjoni kompetittiva ħarxa, li twassal biex il-pajjiżi l-foqra jkun vulnerabbli ferm fil-konfront tal-marda; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kooperazzjoni multilaterali biex jiġu żviluppati vaċċini, dijanjostika u terapiji siguri u effettivi, u għal finanzjament ġust u l-kondiviżjoni bbażata fuq is-solidarjetà ta’ vaċċini u mediċini futuri;

    46.

    jappoġġja l-iżvilupp ta’ kard komuni tal-UE għat-tilqim kif ukoll reġistru virtwali Ewropew li jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżerva tal-vaċċini bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju volontarju ta’ informazzjoni dwar ir-riżorsi ta’ vaċċini disponibbli u n-nuqqas ta’ vaċċini bażiċi;

    47.

    jitlob li jittieħdu aktar miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ miżinformazzjoni dwar il-COVID-19, il-kura għall-marda u u l-vaċċini online u nħawi oħra kontra din il-marda. F’din il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, id-WHO, l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jaqdu rwoli importanti;

    48.

    jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġbor aktar fondi għar-riċerka dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19, u jittama li l-programm Orizzont Ewropa jalloka riżorsi sostanzjali biex jiġu appoġġjati l-innovazzjoni u r-riċerka f’dan il-qasam.

    Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).


    Top