EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0198

Kawża T-198/20: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2020 – Shindler et vs Il-Kunsill

ĠU C 201, 15.6.2020, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/40


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2020 – Shindler et vs Il-Kunsill

(Kawża T-198/20)

(2020/C 201/54)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Harry Shindler (Porto d’Ascoli, l-Italja) u d-disa’ rikorrenti l-oħra (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-annessi tiegħu;

sussidjarjament;

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sa fejn dawn l-atti jagħmlu distinzjoni b’mod awtomatiku u ġenerali, mingħajr l-ebda kontroll ta’ proporzjonalità, bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit mill-1 ta’ Frar 2020, u tannulla għalhekk is-sitt paragrafu tal-preambolu u l-Artikoli 9, 10 u 127 tal-Ftehim ta’ Ħruġ;

konsegwentement;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-avukat li jammontaw għal € 5 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tlettax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Ir-rikorrenti jqisu f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li l-poplu Brittanniku ma vvotax għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Euratom u li l-formalitajiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit minn din l-organizzazzjoni kellhom jiġi osservati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq difett proċedurali li jikkonċerna n-natura tal-ftehim finali. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-Ftehim ta’ Ħruġ hija illegali peress li tagħti lill-Unjoni “kompetenza orizzontali eċċezzjonali” għan-negozjati tal-Ftehim ta’ Ħruġ u għalhekk tippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri billi teskludi l-possibbiltà ta’ ftehim imħallat u billi teskludi għalhekk kwalunkwe ratifika mill-Istati Membri tal-ftehim finali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sa fejn il-proċedura prevista f’dan l-artikolu għar-riżoluzzjoni tal-ftehim ma ġietx osservata, li tivvizzja, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata b’difett proċedurali u twassal għan-nullità.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ kontroll ta’ proporzjonalità fit-tneħħija taċ-ċittadinanza Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ Brittanniċi. Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, minħabba li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà ta’ votazzjoni, matul ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 dwar l-appartenenza tar-Renju Unit għall-Unjoni Ewropea, ta’ diversi kategoriji ta’ Brittanniċi: dawk li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom fl-Unjoni u dawk li kienu assenti mit-territorju Brittanniku għal iktar minn ħmistax-il sena, iċ-ċittadini tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, iċ-Channel Islands u l-priġunieri Brittanniċi.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ demokrazija, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ libertà ta’ moviment, ta’ libertà ta’ espressjoni u ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini kollha, u l-ordinament ġuridiku tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52 TUE, tal-Artikoli 198, 199, 203 u 355 TFUE li jikkonċernaw il-pajjiżi u t-territorji Brittanniċi extra-Ewropej. Ir-rikorrenti jqisu li peress li ma hemm l-ebda riferiment għall-bażi legali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 203 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata, li hija applikabbli għall-pajjiżi u territorji Brittanniċi extra-Ewropej, hija illegali u għandha tiġi annullata.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-istatus ta’ Ġibiltà bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2020 sa fejn l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Ħruġ jikser id-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, il-prinċipju tad-dritt tal-popli ta’ awtodeterminazzjoni.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 TFUE, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma osservatx il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, li, fid-dawl tal-istatus irriżervat lil Ġibiltà, għandu jwassal għall-annullament tagħha.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni kkontestata tikkonferma t-telf tad-drittijiet ta’ residenza permanenti tagħhom, miksuba wara ħames snin ta’ residenza kontinwa fi Stat Membru, mingħajr ma l-konsegwenzi konkreti ta’ dan it-telf ma kienu previsti u b’mod partikolari mingħajr ma l-ebda kontroll ta’ proporzjonalità ma ġie eżerċitat.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa d-drittijiet tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom sa fejn din tneħħilhom iċ-ċittadinanza Ewropea u, għaldaqstant, id-dritt li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru li ma humiex ċittadini tiegħu, iżda li fit-territorju tiegħu huma bnew il-ħajja tal-familja tagħhom.

11.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ votazzjoni u ta’ eliġibbiltà taċ-ċittadini Brittanniċi fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 127 tal-Ftehim ta’ Ħruġ jikser l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi annullata sa fejn din tirratifika ftehim li jinkludi dispożizzjoni li toħloq diskriminazzjoni bejn ċittadini Brittanniċi.

12.

It-tnax-il motiv ibbażat fuq id-distinzjoni awtomatika u ġenerali, imwettqa mill-Ftehim ta’ Ħruġ, bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit mingħajr kontroll ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-ħajja privata u tal-familja tal-Brittanniċi mill-1 ta’ Frar 2020. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jiddikjaraw li t-tneħħija taċ-ċittadinanza Ewropea ma tistax tkun awtomatika u ġenerali, li kellha titwettaq evalwazzjoni in concreto tal-konsegwenzi u li, fl-assenza ta’ tali evalwazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

13.

It-tlettax-il motiv ibbażat fuq il-qari flimkien tal-Artikoli 18, 20 u 22 TFUE mal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Ħruġ. Ir-rikorrenti jqisu li d-diskriminazzjoni introdotta mill-Artikolu 127 tal- Ftehim ta’ Ħruġ tikser il-projbizzjoni, indikata fl-Artikolu 18 TFUE, ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità.


Top