This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019XC1023(01)
Publication of the single document amended following the approval of a minor amendment pursuant to the second subparagraph of Article 53(2) of Regulation (EU) No 1151/20122019/C 359/04
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/20122019/C 359/04
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/20122019/C 359/04
C/2019/7512
ĠU C 359, 23.10.2019, pp. 5–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
23.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 359/5 |
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
(2019/C 359/04)
Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data DOOR tal-Kummissjoni.
DOKUMENT UNIKU
“SALAMINI ITALIANI ALLA CACCIATOR A”
Nru tal-UE: PDO-IT-01301-AM01 — 5.4.2019
|
DOP (X) |
IĠP () |
1. Isem/Ismijiet
“Salamini italiani alla cacciatora”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.2. — Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Meta jiġu rilaxxati għall-konsum, is-“salamini italiani alla cacciatora” għandu jkollhom il-karatteristiċi organolettiċi, kimiċi, fiżikokimiċi u mikrobijoloġiċi li ġejjin:
dehra minn barra: forma ċilindrika
konsistenza: il-prodott huwa kumpatt, ta’ konsistenza mhux elastika
dehra meta jinqata’: kull biċċa maqtugħa hija kompatta u omoġenja u ma jidhrux biċċiet ta’ qrieqeċ
kulur: lewn rubin uniformi, bi ħbub ta’ grass imqassmin tajjeb
riħa: delikata u distinta
togħma: ħelwa u delikata, qatt mhi aċida;
ammont totali ta’ proteini: Minimu ta’ 20 %
proporzjon bejn kollaġen/proteini: massimu ta’ 0,15
proporzjon bejn ilma/proteini: massimu ta’ 2,30
proporzjon bejn grassi/proteini: massimu ta’ 2,00
pH: mill-anqas 5,3;
proprjetajiet mikrobijoloġiċi:
kontenut ta’ mikrobi meżofiliċi: > 1 × 10 fis-seba’ unità li tifforma kolonja/g, partikolarment laktobaċilli u kokkaċei.
Il-prodott lest għandu dijametru massimu ta’ 60 mm, tul massimu ta’ 200 mm u piż massimu ta’ 350 g.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Is-“salamini italiani alla cacciatora” huma prodotti minn laħam dgħif miksub minn muskoli tal-karkassi tal-majjal, xaħam tal-majjal iebes, melħ, bżar imfarrak u/jew mitħun u tewm.
Il-laħam separat b’mod mekkaniku ma jistax jiġi inkluż f’dan il-prodott.
Huwa awtorizzat l-użu ta’ nbid, ta’ zokkor u/jew ta’ destrożju u/jew fruttożju, ta’ kolturi li jibdew il-fermentazzjoni, ta’ nitrat tas-sodju u/jew potassju, sa massimu ta’ 195 ppm, ta’ nitrit tas-sodju u/jew potassju, sa massimu ta’ 95 ppm, ta’ aċidu askorbiku u l-melħ tas-sodju tiegħu.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni tas-“salamini italiani alla cacciatora” tinkludi l-passi li ġejjin: il-preparazzjoni tal-materja prima, l-ikkapuljar, it-tagħġin, il-mili, it-tnixxif u l-maturazzjoni.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Is-“salamini italiani alla cacciatora” jistgħu jinbiegħu bl-ingrossa, ippakkjati f’vakwu jew f’atmosfera protettiva, sħaħ, f’porzjonijiet jew f’biċċiet. L-operazzjonijiet tal-ippakkjar għandhom isiru esklussivament fiż-żona tal-produzzjoni ddefinita fil-punt 4.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “salamini italiani alla cacciatora” għandu jkun immarkat b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq it-tikketta, li jidher separat b’mod ċar minn kull iskrizzjoni oħra. Għandu jkun segwit mill-ewwel bil-kliem “Denominazione di Origine Protetta” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta). Jekk il-prodott huwa ddestinat għas-swieq internazzjonali, il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jista’ jkun fil-lingwa tal-pajjiż tad-destinazzjoni.
Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.
Madankollu, huwa permissibbli li jiżdiedu indikazzjonijiet li jirreferu għal ismijiet, ismijiet kummerċjali jew marki kummerċjali privati, sakemm dawn ma jkunux ta’ foħrija jew ma jkunux tali li jqarrqu lix-xerrej. L-istess japplika, fejn xieraq, għall-ismijiet ta’ azjendi agrikoli li fihom ikunu trabbew il-majjali li jkunu ntużaw fil-preparazzjoni tal-prodott, dment li l-materja prima tiġi esklussivament mill-azjendi kkonċernati.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Is-“salamini italiani alla cacciatora” jiġu prodotti fiż-żona ta’ produzzjoni tradizzjonali, li tinkludi t-territorju kollu tar-reġjuni li ġejjin, li jikkorrispondu eżattament mar-reġjuni ta’ oriġini tal-majjali: il-Friuli-Venezia Giulia, il-Veneto, il-Piemonte, l-Emilja-Romania, l-Umbria, it-Toscana, il-Marche, l-Abruzzo, il-Lazio u l-Molise.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-kwalitajiet tal-prodott bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jiddependu mill-kundizzjonijiet ambjentali u mill-fatturi naturali u umani. Il-karatteristiċi tal-materja prima, b’mod partikolari, huma speċifiċi għall-makrożona ġeografika ddefinita, li tikkorrispondi eżattament maż-żona tal-produzzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ “materja prima-prodott-denominazzjoni” hija marbuta mal-evoluzzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata. Fil-fatt, l-iżvilupp ta’ tekniki ta’ kultivazzjoni għaċ-ċereali u tal-ipproċessar tal-ħalib iffukaw b’mod ċar fuq il-produzzjoni, billi stabbilew siti ta’ produzzjoni f’żoni tradizzjonalment okkupati minn tipi speċjali ta’ trobbija tal-majjali. L-azjendi agrikoli tal-majjali fiċ-ċentru u fit-tramuntana tal-Italja evolvew maż-żmien sa ma saru, mill-aħħar seklu, industrija ta’ produzzjoni moderna fl-Emilia Romagna u l-Lombardia, il-provinċji li minnhom dan is-settur żviluppa fir-reġjuni li jmissu mar-reġjuni ċentrali u tat-Tramuntana. B’mod partikolari, ir-razez indiġeni ħallew spazju għal razez speċjalizzati, li nkisbu wkoll jitħalltu r-razez lokali, li jipprovdu l-materja prima (il-karkassi tal-majjal) li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur agroalimentari u li jagħtu l-karatteristiċi organolettiċi u ta’ kwalità tagħhom lill-prodott finali.
Ir-reputazzjoni tas-“salamini italiani alla cacciatora” hija marbuta mal-lokalitajiet fejn jiġu prodotti tradizzjonalment. It-tradizzjoni orali tirreferi għall-produzzjoni tas-salamini fi żmien l-invażjoni tal-Lombardi tal-Italja ta’ Fuq, ir-reġjun li minnu l-produzzjoni nfirxet għaż-żoni li jmissu maċ-ċentru tal-Italja, u b’hekk kien hemm koinċidenza taż-żona ta’ produzzjoni mat-territorju Taljan tal-majjal tqil. L-istorja tal-prodott hija marbuta mal-iżvilupp ta’ kultivazzjoni rurali tipika, li hija komuni għall-makroreġjun kollu msejjaħ “Padania”: huwa minn dan it-territorju u dak ta’ żoni oħra assoċjati li minnhom toriġina l-materja prima pproċessata skont it-tradizzjonijiet antiki speċifiċi għall-isem ikkonċernat. Ir-referenzi storiċi għas-“salamini italiani alla cacciatora” jinsabu fit-tradizzjonijiet gastronomiċi lombardi li għadhom ħajjin sal-ġurnata tal-lum. Il-prodott iġib ismu mill-ikel li tradizzjonalment il-kaċċaturi jieħdu fil-barżakki tagħhom meta kienu joħorġu. Aktar reċentement, l-isem inkwistjoni ssemma fil-ftehimiet bilaterali li l-Italja ffirmat ma’ Franza, mal-Ġermanja, ma’ Spanja u mal-Awstrija bil-għan li jiġu protetti l-indikazzjonijiet tal-provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi oħra riżervati għall-prodotti li joriġinaw mit-territorju Taljan.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
It-test konsolidat tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew ukoll
billi żżur il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” [Kwalità] (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u wara tagħfas fuq il-kliem “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tikklikkja fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE” [Speċifikazzjoni soġġetta għall-eżami tal-Unjoni Ewropea].