Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XX0409(02)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Il-Każ AT.40023 – Aċċess transfruntier għat-televiżjoni bi ħlas — Impenji ta’ Sky, Disney, NBCUniversal, Sony Pictures u Warner Bros.

C/2019/1772

ĠU C 132, 9.4.2019, pp. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/5


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ AT.40023 – Aċċess transfruntier għat-televiżjoni bi ħlas

Impenji ta’ Sky, Disney, NBCUniversal, Sony Pictures u Warner Bros.

(2019/C 132/05)

(1)   

Dan ir-rapport attwali huwa relatat ma’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (2) (“l-Abbozz ta’ Deċiżjoni”). L-Abbozz ta’ Deċiżjoni huwa indirizzat lil Universal Studios International B.V., Universal Studios Limited u Comcast Corporation (flimkien “NBCUniversal”), CPT Holdings Inc., Colgems Productions Limited u Sony Corporation (flimkien “Sony Pictures”), Warner Bros. International Television Distribution Inc u Warner Media LLC (flimkien “Warner Bros.”), The Walt Disney Company u The Walt Disney Company Limited (flimkien “Disney”) u Sky UK Limited u Sky Limited (3) (flimkien “Sky”). NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros. u Disney minn hawn ’il quddiem jissejħu kollettivament bħala “l-iStudios”.

(2)   

Dan huwa t-tieni Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-kuntest tal-Każ AT.40023, l-ewwel Rapport kien ir-Rapport Finali b’rabta mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2016 (4) (id-“Deċiżjoni ta’ Paramount”) li taċċetta impenji minn Paramount Pictures International Limited (li qabel kienet Vicom Global (Netherlands) B.V.) u Viacom Inc. (flimkien “Paramount Pictures”) (5).

(3)   

Il-Każ AT.40023 jikkonċerna klawżoli (il-“Klawżoli Inkwistjoni”) f’ċerti arranġamenti bilaterali ta’ liċenzjar bejn, fuq naħa, Sky u fuq l-oħra, kull wieħed mill-iStudios, Twentieth Fox Telecommunications International Inc. (flimkien ma’ Twenty-First Century Fox Inc., “Fox” (6)) u Paramount Pictures. Ċerti Klawżoli Inkwistjoni jipprojbixxu jew jillimitaw lil Sky milli tagħmel is-servizzi tat-televiżjoni bi ħlas disponibbli għall-konsumatur tagħha bħala rispons għal talbiet mhux issoleċitati ta' konsumaturi residenti jew li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda; Il-bqija tal-Klawżoli Inkwistjoni jitolbu lil NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros., Fox jew Paramount Pictures biex jipprojbixxu jew jillimitaw ix-xandara tat-televiżjoni bi ħlas li jinsabu fiż-ŻEE iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda milli jwieġbu għal talbiet mhux soliċitati minn konsumaturi residenti jew li jinsabu fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

(4)   

Fit-23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), li fiha l-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari tagħha li l-Klawżoli Inkwistjoni jikkostitwixxu ksur minn Universal Studios International B.V., Comcast Corporation, Disney, Sony Pictures, Warner Bros., Fox, Paramount Pictures u Sky (“Destinatarji tad-DO”) tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(5)   

Kull Destinatarju tad-DO aċċessa l-fajl tal-Kummissjoni bejn it-3 u l-5 ta’ Awwissu 2015. Wara l-korrispondenza ma' Sony fir-rigward tat-talba tagħha għal aċċess għall-informazzjoni skont il-bażi tal-valutazzjoni preliminari fil-paragrafu 267 tad-DO, id-DĠ Kompetizzjoni pprovda lil kull Destinatarju tad-DO bit-test sħiħ tan-nota 132 f'qiegħ il-paġna tad-DO. L-ebda wieħed mid-Destinatarji tad-DO rreferew il-kwistjoni għandi.

(6)   

Fis-16 ta' Diċembru 2015, wara l-korrispondenza ma’ Sky UK, Warner Bros. u Fox, id-DĠ Kompetizzjoni ta aċċess għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' partijiet mit-tweġibiet bil-miktub għad-DO lid-Destinararji tad-DO l-oħra.

(7)   

Wara kienu kkunsidrati t-talbiet minn Sky UK, Fox, Warner Bros. u NBCUniversal b'mod partikulari, id-DĠ Kompetizzjoni ta lid-Destinatarji tad-DO aċċess għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-kummenti miktuba ta' terzi persuni interessati (7). Id-Destinatarji tad-DO kollha ngħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti miktuba fuq dawn l-osservazzjonijiet.

(8)   

Id-Destinatarji kollha tad-DO rreaġixxew bil-miktub għad-DO sal-iskadenza jew, jekk applikabbli, l-iskadenza estiża, stabbilita mid-DĠ Kompetizzjoni u talbu li jinstemgħu oralment (8).

(9)   

Is-seduta orali saret tul tlett ijiem, mit-18 sal-20 ta' Jannar 2016. Id-Destinatarji kollha tad-DO u 11-il terza persuna interessata pparteċipaw fis-seduta orali.

(10)   

Id-Deċiżjoni ta’ Paramount tas-26 ta’ Lulju 2016 għamlet vinkolanti l-impenji offruti minn Paramount Pictures biex tissodisfa t-tħassib espress lilha mill-Kummissjoni fid-DO. Fit-12 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għalqet formalment proċedimenti fil-Każ AT.40023 sal-punt li dawn kienu jikkonċernaw Paramount Pictures.

(11)   

Fit-12 ta’ Jannar 2018, wara bidliet fl-istruttura korporattiva ta’ NBCUniversal, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 fir-rigward ta’ Universal Studios Limited. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni supplimentari ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lil NBCUniversal li fiha waslet għall-konklużjoni preliminari li l-Klawżoli rilevanti Inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE minn NBCUniversal. NBCUniversal wieġbet bil-miktub għal din id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari sal-iskadenza stabbilita u ma talbitx li teżerċita d-dritt tagħha li tinstema’ oralment.

(12)   

Fit-12 ta’ Jannar 2018 ukoll, il-Kummissjoni adottat Ittra tal-Fatti indirizzata lil Studios, Fox u Sky, (flimkien, id-“Destinatarji tal-Ittra tal-Fatti”) li tinfurmahom dwar aktar evidenza li l-Kummissjoni ma kinitx qagħdet espressament fuqha fid-DO jew fid-DSO iżda li tista’ tkun rilevanti biex tappoġġa l-konklużjonijiet preliminari milħuqa fid-DO u fid-DSO.

(13)   

Wara li nħarġet l-Ittra tal-Fatti, il-Kummissjoni tat lid-Destinatarji tal-Ittra tal-Fatti aċċess addizzjonali għall-fajl tagħha fil-Każ AT.40023. Ċerti talbiet għal aktar aċċess għall-fajl ġew riferuti lili. Jiena lqajt partijiet minn dawn it-talbiet u rrifjutajt il-bqija.

(14)   

Wara l-ħruġ tal-Ittra tal-Fatti, ċerti terzi persuni interessati talbu aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan id-dokument sabiex jipprovdu l-kummenti. Jien irrifjutajt it-talbiet billi terzi persuni interessati kienu diġà ġew infurmati mid-DĠ Kompetizzjoni dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedimenti (li baqgħu l-istess mill-Ittra tal-Fatti) u diġà kienu pprovdew il-kummenti tagħhom.

(15)   

Fil-25 ta’ Ottubru 2018, Disney offriet impenji biex tissodisfa t-tħassib tal-Kummissjoni espress fid-DO (“Impenji inizjali ta’ Disney”).

(16)   

Fid-9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat avviż skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (“l-ewwel Avviż”), li jiġbor fil-qosor il-każijiet u l-impenji inizjali ta’ Disney u li jistieden lil terzi persuni biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dawn l-impenji fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-ewwel Avviż (9).

(17)   

Fit-12 u fit-13 ta’ Diċembru 2018, NBCUniversal, Sony, Warner Bros. u Sky, offrew impenji li jissodisfaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni espress fid-DO u fid-DSO.

(18)   

Fil-21 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni avviż, li jiġbor fil-qosor il-każ u l-impenji offruti minn NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros. u Sky u jistieden lil terzi persuni biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dawn l-impenji fi żmien xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan it-tieni avviż (10).

(19)   

Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti minn 10 rispondenti dwar l-impenji inizjali offruti minn Disney u l-impenji offruti minn NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros. u Sky.

(20)   

Fil-5 ta’ Frar 2019, Disney kkjarifikat aktar ċerti aspetti tal-impenji tagħha.

(21)   

L-Abbozz ta’ Deċiżjoni jikkonkludi li fid-dawl tal-impenji riveduti ta’ Disney u l-impenji offruti minn NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros. u Sky, ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni kontra l-iStudios u Sky, u, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għaldaqstant il-proċedimenti kontra Sky jenħtieġ li jintemmu.

(22)   

Globalment, nikkunsidra li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat.

Brussell, is-26 ta’ Frar 2019.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) (ir-"Regolament 1/2003").

(3)  Sky Limited kienet preċedentement Sky Plc.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2016 dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (il-Każ AT.40023 - Aċċess transfruntier għal televiżjoni bi ħlas), C(2016) 4740 final.

(5)  Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta - Aċċess transfruntier għal kontenut tat-televiżjoni bi ħlas - L-impenji ta’ Paramount (AT.40023) (ĠU C 437, 25.11.2016, p. 3).

(6)  Fl-14 ta’ Diċembru 2017, Disney ħabbret ftehim biex takkwista l-kapital kollu jew kważi kollu ta’ Twenty-First Century Fox Inc., li fl-aħħar mill-aħħar żamm il-kapital kollu jew kważi kollu ta’ Twentieth Century Fox Telecommunications International Inc. It-tlestija ta’ dan l-akkwist hija pendenti f’dan il-mument.

(7)  Jien irrikonoxxejt 26 terza persuna fil-Każ AT.40023: ANICA, Associazione Nazionale Industrie Cinematografiche Audiovisive Multimediali; APA – Asociace Producentů v audiovizi, z.s; Association des Producteurs de Cinéma; BEUC, The European Consumer Organisation; BT Group plc; C More Entertainment; Danish Producers’ Association; DTS, Distribuidora de Televisión Digital S.A.; EFADs – European Film Agency Directors Association; European Producers Club; Groupe Canal+; FAMA – Film and Music Austria; FAPAE; Film Producers Netherlands; KIPA – Polish Audiovisual Producers’ Chamber of Commerce; La Liga – Liga Nacional de Fútbol Profesional; Polish Film Institute; Producers Alliance for Cinema and Television Limited; ProSiebenSat.1 Media SE; Spitzenorganisation der Filmwirtschaft e.V.; Swedish Film & TV Producers Association; The British Film Institute; The Football Association Premier League Limited; UPFF – Union des Producteurs Francophones de Films; VOFTP – Vlaamse Onafhankelijke Film & Televisie Producenten; u Zentropa.

(8)  Dan kien bl-eċċezzjoni ta’ Sky Plc, li ma rrispondietx għad-DO.

(9)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40023 — Aċċess transfruntier għat-televiżjoni bi ħlas (ĠU C 403, 9.11.2018, p. 17).

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.40023 — Aċċess transfruntier għat-televiżjoni bi ħlas (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 32).


Top