Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0106

    Kawża C-106/19: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2019 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

    ĠU C 112, 25.3.2019, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/38


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2019 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

    (Kawża C-106/19)

    (2019/C 112/44)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, S. Fiorentino, C. Colelli, aġenti)

    Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla r-Regolament (UE) 2018/1718 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ippubblikat fil-ĠU fis-16 ta’ Novembru 2018, L 291 (1);

    tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi:

    Ksur tal-Artikoli 10, 13 u 14 TUE – Ksur tal-Artikolu 114, tal-Artikolu 168(4)(c) u tal-Artikoli 289 u 294 TFUE: ir-regolament ikkontestat, sa fejn jagħżel lil Amsterdam bħala sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, illimita ruħu sabiex sempliċement jilqa’ l-għażla li saret matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017, li l-Parlament Ewropew ma kienx ipparteċipa fiha. Minn dan isegwi li, matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Parlament, peress li ma seta’ jinfluwenza bl-ebda mod il-kontenut tad-deċiżjoni adottata, ġie essenzjalment imċaħħad milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu, meta dawn kellhom jiġu osservati fl-intier tagħhom abbażi tar-regoli tat-trattati li jirregolaw il-proċedura leġiżlattiva magħżula.

    Illegalità derivata mir-regolament ikkontestat, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017-14559/17 – Użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ istruttorja u żnaturament tal-fatti: kieku kellu jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat seta’ biss effettivament jiżgura li tintlaqa’ d-deċiżjoni adottata fl-20 ta’ Novembru 2017 u li, għaldaqstant, il-prerogattivi tal-Parlament ma nkisrux, allura r-regolament ikkonstestat stess għandu jiġi kkunsidrat bħala milqut, b’mod derivat, mill-illegalitajiet li jivvizzjaw l-imsemmija deċiżjoni, illegalitajiet li r-Repubblika Taljana diġà qajjmet fir-rikors introduttiv tal-Kawża C-59/18.


    (1)  Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3).


    Top