Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XG0611(01)

    Avviż tal-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva 94/22/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    ĠU C 199, 11.6.2018, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 199/13


    Avviż tal-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva 94/22/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2018/C 199/05)

    Avviż tar-Renju Unit għall-31 Ċiklu ta’ ħruġ tal-liċenzji għat-tiftix taż-żejt u l-gass lil hinn mill-kosta

    L-AWTORITÀ TAŻ-ŻEJT U TAL-GASS

    L-Att dwar il-Petroleum tal-1998 (The Petroleum Act 1998)

    Ċiklu ta’ ħruġ ta’ liċenzji lil hinn mill-kosta

    1.

    L-Awtorità taż-Żejt u l-Gass (Oil and Gas Authority - l-OGA) tistieden lill-persuni interessati biex japplikaw għal Liċenzji għall-Produzzjoni ta’ Idrokarburi f’żoni speċifiċi tal-Blata Kontinentali tar-Renju Unit.

    2.

    Id-dettalji kollha tal-offerta, inklużi l-listi u l-mapep taż-żoni inklużi fl-offerta flimkien ma’ gwida dwar il-liċenzji, it-termini li se jinkludu dawk il-liċenzji, u kif wieħed għandu japplika, huma disponibbli fis-sit web tal-OGA (ara hawn taħt).

    3.

    L-applikazzjonijiet kollha se jiġu ddeterminati, fejn applikabbli, skont it-termini tal-Hydrocarbons Licensing Directive Regulations 1995 (S.I. 1995 No. 1434), il-Petroleum Licensing (Applications) Regulations 2015 (SI 2015 No. 766) u l-Offshore Petroleum Licensing (Offshore Safety Directive) Regulations 2015 (SI 2015 No. 385). Fl-1 ta’ Ottubru 2016, il-funzjonijiet tas-Segretarju tal-Istat f’dan ir-rigward ġew trasferiti lill-Awtorità taż-Żejt u l-Gass skont The Energy (Transfer of Functions, Consequential Amendments and Revocation) Regulations 2016 (http://www.legislation.gov.uk/uksi/2016/912/pdfs/uksi_20160912_en.pdf), li jipprevedu li kulma jsir (jew li għandu effett daqslikieku sar) mis-Segretarju tal-Istat jew b’rabta miegħu fir-rigward ta’ dawn il-funzjonijiet trasferiti issa għandu effett, sakemm ikun meħtieġ biex jitkompla l-effett ta’ dan wara l-1 ta’ Ottubru 2016, daqslikieku sar mill-Awtorità taż-Żejt u l-Gass jew b’rabta magħha. Id-determinazzjonijiet se jsiru fil-kuntest tal-ħtieġa kontinwa għal esplorazzjoni mingħajr dewmien, bir-reqqa, effiċjenti u sikura sabiex ikunu identifikati r-riżorsi taż-żejt u tal-gass tar-Renju Unit filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-aspetti ambjentali.

    Qafas “Innovattiv”

    4.

    L-applikazzjonijiet għal-liċenzji se jitqiesu fid-dawl tal-approċċ innovattiv adottat għall-Programmi ta’ Ħidma tal-Perjodu Inizjali (“Programmi ta’ Ħidma”) għal-Liċenzji. Dawn il-Programmi ta’ Ħidma se jinkorporaw il-kombinament flessibbli ta’ mhux aktar minn tliet fażijiet (A, B u C) fil-Perjodu Inizjali. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-Programmi ta’ Ħidma għall-blokok li għalihom qed issir l-applikazzjoni jkunu xierqa għall-isfidi ġeotekniċi u ta’ tipi oħra li jridu jiġu indirizzati f’żona partikolari, filwaqt li jiġu ottimizzati l-fatturi elenkati fil-Paragrafu 3. Il-flessibilità li qed tingħata mill-kombinament ta’ mhux aktar minn tliet fażijiet tippermetti wkoll li l-applikanti jfasslu Programm ta’ Ħidma xieraq għall-pjanijiet u għar-rekwiżiti partikolari tagħhom.

    5.

    Il-Fażi A tal-Programm ta’ Ħidma tinkludi perjodu li fih se jitwettqu Studji Ġeotekniċi u Riproċessar Ġeofiżiku tad-Dejta; Il-Fażi B tal-Programm ta’ Ħidma se tkun perjodu fejn se tinġabar Dejta Siżmika Ġdida; Il-Fażi C tal-Programm ta’ Ħidma se tkun għat-tħaffir esploratorju u/jew ta’ valutazzjoni. L-applikanti jistgħu jiddeċiedu l-kombinament tal-Fażijiet, jekk isirux it-tliet Fażijiet kollha, jinbediex ix-xogħol direttament bil-Fażi B segwita mill-Fażi C, jinbediex ix-xogħol direttament bil-Fażi C, inkella direttament bil-Fażi A segwita mill-Fażi C.

    6.

    Il-Fażi A u l-Fażi B mhumiex obbligatorji u jistgħu ma jkunux adattati f’ċirkostanzi partikolari, iżda kull applikazzjoni trid tipproponi l-Fażi C, ħlief meta l-applikant jaħseb li ma tkun meħtieġa l-ebda esplorazzjoni u jipproponi li jmur direttament għall-iżvilupp (jiġifieri “direttament għat-Tieni Perjodu”). F’dan il-każ, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet isiru skont il-gwida disponibbli fuq is-sit web tal-OGA.

    7.

    Il-liċenzji mogħtija f’dan iċ-ċiklu jista’ jkollhom Perjodu Inizjali ta’ mhux aktar minn disa’ snin. It-tul ta’ żmien tal-liċenzja u l-fażijiet se jkollhom bżonn ġustifikazzjoni fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma propost, u se jkunu s-suġġett ta’ diskussjoni fil-waqt tal-applikazzjoni.

    8.

    L-applikazzjonijiet li l-fażi tal-bidu tagħhom hija l-Fażi A jew B se jiġu ġġudikati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

    (a)

    Il-vijabbiltà finanzjarja tal-applikant;

    (b)

    Il-kapaċità teknika tal-applikant li se tiġi vvalutata parzjalment skont kif muri mill-kwalità tal-analiżi relatata mal-blokka;

    (c)

    Il-mod li bih l-applikant jipproponi li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi mil-liċenzja, inkluż il-kwalità tal-Programm ta’ Ħidma mressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li għaliha qed issir l-applikazzjoni;

    (d)

    Il-kapaċità tas-sikurezza u dik ambjentali. Skont l-Offshore Petroleum Licensing (Offshore Safety Directive) Regulations 2015, id-detenturi kollha prospettivi tal-liċenzji lil hinn mill-kosta, jiġifieri inkluż is-sħab kollha fi grupp ta’ applikanti, iridu jfornu informazzjoni dwar il-kapaċità tagħhom tas-sikurezza u dik ambjentali bħala sostenn għall-applikazzjoni għal-liċenzja. Aktar għajnuna fir-rigward tar-rekwiżiti kollha tas-sikurezza u dawk ambjentali tinsab fuq http://www.hse.gov.uk/osdr/assets/docs/appendix-c.pdf; kif ukoll

    (e)

    Meta l-applikant ikollu jew kellu liċenzja mogħtija jew ġie trattat daqslikieku ngħatatlu skont l-Att dwar il-Petroleum tal-1998, kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza u ta’ responsabbiltà muri mill-applikant f’operazzjonijiet skont dik il-liċenzja.

    9.

    Il-liċenzji bil-Fażi B għandhom jispeċifikaw perjodu ta’ żmien biex il-liċenzja tiskadi fi tmiem din il-fażi jekk id-Detentur tal-liċenżja ma jkunx issodisfa l-OGA bil-kapaċità teknika u finanzjarja tiegħu biex itemm il-Programm ta’ Ħidma. Għal liċenzji bil-Fażi A iżda bl-ebda Fażi B, il-liċenzja se tispeċifika wkoll perjodu biex il-liċenzja tiskadi fi tmiem din il-fażi jekk id-Detentur tal-liċenżja ma jkunx issodisfa lill-OGA bil-kapaċità teknika u finanzjarja tiegħu biex itemm il-Programm ta’ Ħidma.

    10.

    L-applikazzjonijiet li jibdew bil-Fażi C se jiġu ġġudikati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

    (a)

    Il-vijabbiltà finanzjarja tal-applikant u l-kapaċità finanzjarja tiegħu biex iwettaq l-attivitajiet li se jkunu permessi bil-liċenzja waqt il-Perjodu Inizjali, inkluż il-Programm ta’ Ħidma mressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona fil-blokka;

    (b)

    Il-kapaċità teknika tal-operatur propost biex jissorvelja l-operazzjonijiet u b’mod partikolari l-operazzjonijiet ta’ tħaffir;

    (c)

    Il-mod li bih l-applikant jipproponi li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi bil-liċenzja, inkluż il-kwalità tal-Programm ta’ Ħidma mressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li għaliha qed issir l-applikazzjoni;

    (d)

    Il-kapaċità tas-sikurezza u dik ambjentali. Skont l-Offshore Petroleum Licensing (Offshore Safety Directive) Regulations 2015, id-detenturi kollha prospettivi tal-liċenzji lil hinn mill-kosta, jiġifieri inkluż is-sħab kollha fi grupp ta’ applikanti, iridu jfornu informazzjoni dwar il-kapaċità tagħhom tas-sikurezza u dik ambjentali bħala sostenn għall-applikazzjoni għal-liċenzja. Issib gwida ulterjuri fir-rigward tar-rekwiżiti kollha tas-sikurezza u dawk ambjentali hawn http://www.hse.gov.uk/osdr/assets/docs/appendix-c.pdf; kif ukoll;

    (e)

    Meta l-applikant ikollu jew kellu liċenzja mogħtija jew ġie trattat daqslikieku ngħatatlu skont l-Att dwar il-Petroleum tal-1998, kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza u ta’ responsabbiltà muri mill-applikant f’operazzjonijiet b’dik il-liċenzja.

    Gwida

    11.

    Issib gwida ulterjuri fuq is-sit web tal-OGA: https://www.ogauthority.co.uk/licensing-consents/licensing-rounds/

    Offerti għal-Liċenzji

    12.

    Sakemm ma jkunx hemm bżonn ta’ Valutazzjoni Xierqa għal xi Blokka partikolari (ara l-Paragrafu 15 hawn isfel), kull offerta mill-Awtorità taż-Żejt u l-Gass ta’ liċenzja skont din l-istedina se ssir fi żmien tmintax-il xahar mid-data ta’ dan l-Avviż.

    13.

    L-Awtorità taż-Żejt u l-Gass ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għall-ebda kost imġarrab mill-applikant waqt il-kunsiderazzjoni jew il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

    Valutazzjonijiet Ambjentali

    14.

    Is-Segretarju tal-Istat wettaq Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS) skont id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent taż-żoni kollha li se jiġu offruti f’dan il-Ċiklu. Is-sejbiet ta’ dik il-VAS jinsabu fuq is-sit web tal-Gvern tar-Renju Unit iddedikat għall-VAS tal-enerġija lil hinn mill-kosta:

    https://www.gov.uk/offshore-energy-strategic-environmental-assessment-sea-an-overview-of-the-sea-process

    15.

    Il-liċenzji skont din l-istedina se jiġu offruti biss jekk, skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa):

    (a)

    l-attivitajiet li għandhom jitwettqu bil-liċenzja aktarx mhux se jkollhom effett sinifikanti fuq il-ġestjoni ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) jew ta’ Żona Speċjali ta’ Protezzjoni (ŻSP), jew jekk

    (b)

    Valutazzjoni Xierqa tkun aċċertat li l-attivitajiet mhux se jkollhom effetti negattivi fuq l-integrità ta’ ŻSKs jew ŻSPs bħal dawn; jew

    (c)

    f’każ fejn l-attivitajiet jiġu vvalutati li x’aktarx jikkawżaw effetti negattivi bħal dawn, diment

    (i)

    li jkun hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti għall-għoti tal-liċenzja,

    (ii)

    li jittieħdu miżuri xierqa ta’ kumpens, u

    (iii)

    jekk ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi.

    16.

    Kuntatt: Ricki Kiff, Oil and Gas Authority, 21 Bloomsbury Street, London WC1B 3HF, United Kingdom.

    Tel. +44 3000671637.

    Is-sit web tal-Awtorità taż-Żejt u l-Gass: https://www.ogauthority.co.uk/licensing-consents/licensing-rounds/


    Top