Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC0502(03)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 153, 2.5.2018, pp. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 153/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“LUCANICA DI PICERNO”

Nru tal-UE: PGI-IT-02313 — 5.6.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Lucanica di Picerno”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tal-“Lucanica di Picerno” hija riżervata għall-prodott tal-laħam ippreparat li jissodisfa l-karatteristiċi li ġejjin:

Il-karatteristiċi fiżiċi:

Il-“Lucanica di Picerno” għandu forma karatteristika ta’ “U”. Il-piż tal-prodott ivarja bejn 250 gramma u 350 gramma. Id-dijametru tiegħu jvarja bejn 3,0 u 3,6 cm, filwaqt li t-tul ivarja bejn 20 u 35 cm.

Il-Lucanica di Picerno maħsub għat-tqattigħ, jiżen sa 1,2 kg, b’dijametru bejn 3,0 u 3,6 cm, u tul ta’ bejn 40 u 70 cm.

Karatteristiċi organolettiċi:

Kulur: meta l-prodott jitqatta’, il-flieli jkunu kompatti u ta’ lewn aħmar skur, bi preżenza ta’ tessut xaħmi;

Riħa u Togħma: il-karatteristiċi sensorjali tal-prodott ġejjin mill-aroma predominanti tal-“bużbież selvaġġ” (Foeniculum vulgare), definita bħala riħa u togħma taż-żerriegħa tal-bużbież, marbuta mal-aroma “mħawra”, definita bħala riħa u togħma ta’ bżar (Piper nigrum), u mal-aroma tal-“bżar felfel” (Capsicum annuum), definita bħala riħa u togħma ta’ qxur jew żerriegħa tal-bżar felfel. Fl-analiżi sensorjali deskrittiva, l-aroma “mħawra” u ta’ “bżar felfel” huma inqas qawwija minn dik tal-“bużbież selvaġġ”.

Hija permessa varjanti pikkanti tal-prodott, fejn l-intensità perċepita tal-aroma tal-“bżar felfel” hija aktar qawwija, għalkemm l-aroma tal-“bużbież selvaġġ” trid tibqa’ predominanti.

Karatteristiċi Kimiċi u Kimikofiżiċi:

Kontenut ta’ xaħam bejn 18 u 35 %;

Umdità bejn 35 u 50 %;

Attività tal-ilma (Aw) massimu ta’ 0,88;

pH bejn 5,4 u 5,8.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-“Lucanica Picerno” ta’ IĠP tikkonsisti minn laħam frisk miksub minn karkassi ta’ ħnieżer ta’ piż tqil, ikklassifikati bħala tali fl-ambitu tal-kategorija ta’ piż korrispondenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); il-karkassi li jaslu fl-istabbiliment jeħtieġ li jissodisfaw il-klassijiet E, U, R u O kif previst fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea; il-ħnieżer tqal jitrabbew għal mill-inqas 9 xhur b’tali mod li jilħqu piżijiet tqal u jagħtu laħam adattat għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”.

Mhuwiex aċċettat laħam li ġej minn:

(1)

ħnieżer b’karatteristiċi sfavorevoli, b’referenza partikolari għall-ġene responsabbli għas-sindromu tal-istress tal-ħnieżer (PSS);

(2)

tipi ġenetiċi u annimali meqjusa mhux konformi mal-ispeċifikazzjoni ta’ dan il-prodott;

(3)

annimali ta’ razza pura fosthom il-Landrace Belġjana, il-Hampshire, il-Pietrain, id-Duroc u l-iSpotted Poland.

Il-ħnieżer fi stat tajjeb ta’ saħħa, jintbagħtu għat-tbiċċir mhux qabel ma jkollhom disa’ xhur. Iċ-ċingjali u l-ħnieżer nisa ma jintbagħtux għat-tbiċċir. Barra minn hekk, il-karkassi li ma jkunux ġew żvinati kif suppost jew li juru sinjali ċari ta’ mijopatija (PSE u DFD) jew sinjali evidenti ta’ infjammazzjoni jew trawma, ma jistgħux jintużaw.

Għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” jistgħu jintużaw biss qatgħat bħall-ispalla (mingħajr għadam u nervituri), l-għonq, il-parti taħt l-ispalla, iż-żaqq, it-tarf tal-flett u l-perżut ikkapuljat.

Fil-preparazzjoni tat-taħlita tal-laħam, huma permessi l-ingredjenti li ġejjin (espressi bħala perċentwal tal-piż totali tagħha):

Melħ bejn 2,0 % u 2,5 %;

Bżar felfel ħelu jew pikkanti (Capsicuum annum) bejn 0,1 % u 0,15 %;

Żerriegħa tal-bużbież selvaġġ (Foeniculum vulgare) bejn 0,13 % u 0,18 %;

Bżar iswed (Piper nigrum) bejn 0,05 % u 0,1 %;

Destrożju u Sukrożju sa massimu ta’ 0,5 %.

Għall-preparazzjoni tat-taħlita tal-laħam, huma permessi wkoll l-aġġuvanti, l-addittivi u l-preżervattivi li ġejjin:

Nitrit tas-Sodju (E 250);

Nitrit tal-Potassju (E 252): sa 0,10 g/kg;

Aċidu askorbiku (E 300) sa 0,1 % jew Askorbat tas-sodju (E 301) sa 0,1 %.

Fil-preparazzjoni tat-taħlita jistgħu jiġu miżjuda wkoll preparati ta’ kulturi ta’ mikrobi maħsuba biex jattivaw il-fermentazzjoni (starters mikrobiċi).

Huma esklużi ingredjenti bħal ħalib, prodotti tal-ħalib u ingredjenti ta’ OĠM.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”, mit-tirqim tal-qatgħat tal-laħam sal-maturazzjoni tal-prodott, isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Lucanica di Picerno” jista’ jiġi kkummerċjalizzat ippakkjat jew mhux ippakkjat: f’vakwu jew f’atmosfera rregolata, sħiħ, f’biċċiet jew fi flieli.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketti jrid ikollhom fuqhom il-logo tal-“Lucanica di Picerno”. ta’ IĠP u s-simbolu Ewropew.

Huwa permess l-użu ta’ tags, siġilli u materjali oħra ta’ informazzjoni, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u ma jkunux maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur.

Fuq it-tikketta jistgħu jidhru wkoll indikazzjonijiet oħra li jagħmlu riferiment għal kumpanji, ismijiet, ismijiet ta’ ditti u marki privati, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir jew ikunu maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur.

Dan huwa l-logo tad-denominazzjoni:

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” tinsab fit-territorji ta’ Picerno, Tito, Satriano di Lucania, Savoia di Lucania, Vietri di Potenza, Sant’Angelo Le Fratte, Brienza, Balvano, Ruoti, Baragiano, Bella, Muro Lucano, Castelgrande u Sasso di Castalda.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

It-talba għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Lucanica di Picerno” hija bbażata: fuq il-karatteristika tal-użu tal-bużbież selvaġġ fit-taħlita, li l-aroma tiegħu, minn analiżi sensorjali tal-prodott finali, tirriżulta predominanti fuq l-ingredjenti l-oħra; kif ukoll fuq il-karatteristtika tal-ipproċessar lokali.

Il-“Lucanica di Picerno” ta’ IĠP huwa tabilħaqq prodott skont il-metodi tradizzjonali u l-karatteristiċi tiegħu huma dovuti għal għadd ta’ rabtiet mal-ambjent b’mod ġenerali u jinkludu l-fattur uman, il-metodu ta’ preparazzjoni li ilu sekli sħaħ u l-mod kif dawn jinteraġixxu.

L-ipproċessar fiż-żona kkonċernata għadda minn ġenerazzjoni għal oħra u mbagħad ġie żviluppat għarfien speċifiku bis-saħħa tal-produtturi lokali li maż-żmien irfinaw il-ħiliet tekniċi tagħhom fl-istadji differenti, jiġifieri:

it-tindif, jew aħjar, il-qtugħ ta’ partijiet mhux tajbin biex jintużaw bħalma huma n-nervituri, it-tessuti konnettivi, ix-xaħam artab;

it-tnaqqis f’porzjonijiet żgħar u t-tħin tal-porzjonijiet tal-laħam li jinkisbu b’dan il-mod,

il-ħwawar tat-taħlita,

it-taħlita tiħalla toqgħod għal perjodu ta’ bejn 4 u 24 siegħa biex l-ingredjenti jitħalltu flimkien b’mod ibbilanċjat;

l-ippakkjar tat-taħlita f’budellat naturali li jagħti liz-zalzett il-forma klassika ta’ “U”.

Il-“Lucanica di Picerno” għandu kulur aħmar skur u l-flieli tiegħu, li huma rotob u kompatti, jagħtu togħma intensa u predominanti ta’ żerriegħa tal-bużbież flimkien mal-aroma mħawra tal-bżar iswed; dawn il-fatturi flimkien jikkontribwixxu għall-profil sensorjali distintiv tiegħu.

Il-profil sensorjali karatteristiku ħareġ ċar minn analiżijiet li saru skont il-metodu “Flavour Profile”, li juru kif, fuq skala ta’ valutazzjoni lineari u mhux strutturata ta’ 100, li tirrappreżenta l-intensità perċepita, l-aroma tal-“bużbież selvaġġ” tippredomina fuq l-aroma “mħawra” u tal-“bżar felfel”.

Għaldaqstant, l-għażla tal-ingredjenti, l-ewwel fosthom il-bużbież selvaġġ, flimkien mat-talent indiskutibbli fiż-żona tal-produzzjoni tal-laħam ippreparat, jikontribwixxu għall-ħolqien ta’ prodott li huwa distingwibbli sew f’termini organolettiċi minn prodotti lokali oħrajn tal-istess tip.

Il-karatteristiċi klimatiċi taż-żona tipika tal-Appennino Lucano, li jikkonsistu minn sjuf sħan u xotti segwiti minn staġuni b’ħafna xita, u xhur tax-xitwa ħafna drabi bil-borra. Dawn il-kundizzjonijiet tat-temperatura u tal-umdità huma l-fatturi prinċipali li jiffavorixxu t-tkabbir eżuberanti tal-bużbież, ingredjent li tradizzjonalment jintuża għall-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno”. Fil-fatt, ir-riċetta minn Picerno, li toriġina mit-tradizzjoni popolari tar-raħħala, tinvolvi l-użu ta’ dan it-taħwir fi proporzjon ta’ madwar mitt żerriegħa għal kull kilo ta’ taħlita ta’ laħam, li b’hekk jenfasizza l-aspett partikolari ta’ dan il-prodott. Ta’ minn jinnota li f’Picerno kien jeżisti suq veru u proprju tal-bużbież selvaġġ. Iż-żerriegħa ta’ din il-pjanta aromatika perenni qadima kienet tinġabar u tinbiegħ minn persuni anzjani. Bħalissa l-bużbież selvaġġ jinkiseb ġeneralment, iżda mhux neċessarjament, miż-żona ġeografika definita.

Barra minn hekk, il-mod kif iz-zalzett tal-“Lucanica di Picerno” jiġi tradizzjonalment imdendel fuq xtellieri matul il-maturazzjoni jagħtih il-forma karatteristika ta’ “U” li għadha tiddistingwi l-prodott sal-lum il-ġurnata.

Il-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” għandha għeruq sodi fiż-żona, kif turi biċ-ċar il-preżenza ta’ bosta operaturi li, skont il-metodi artiġjanali użati mill-antenati tagħhom, joqogħdu partikolarment attenti meta jagħżlu u jipproċessaw il-laħam u jimmaturaw iz-zalzett, biex b’hekk joħolqu prodott tipiku u jikkonfermaw ir-rabta li tgħaqqad il-produzzjoni tal-“Lucanica di Picerno” mill-oriġini tiegħu sal-lum il-ġurnata.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni permezz tal-pubblikazzjoni tal-proposta għal reġistrazzjoni tal-IĠP “Lucanica di Picerno” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 91 tad-19 ta’ April 2017.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq dan is-sit web:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

inkella jista’ jiġi kkonsultat billi żżur direttament il-paġna ewlenija tas-sit tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it), tagħfas fuq “Qualità” (fuq in-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin tal-iskrin), imbagħad tagħfas fuq “Prodotti DOP, IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar nett tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top