This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE0868
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — The EU Environmental Implementation Review: Common challenges and how to combine efforts to deliver better results’ (COM(2017) 63 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar” [COM(2017) 63 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar” [COM(2017) 63 final]
ĠU C 345, 13.10.2017, p. 114–119
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 345/114 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar”
[COM(2017) 63 final]
(2017/C 345/19)
Relatur: |
Mihai MANOLIU |
Konsultazzjoni |
23.3.2017 |
Bażi legali |
L-Artikoli 33 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
24.1.2017 |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
15.6.2017 |
Adottata fil-plenarja |
5.7.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
527 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
139/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Fil-fehma tal-KESE, l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE (EIR) tiżvela li l-implimentazzjoni fqira, frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE hija problema serja f’ħafna Stati Membri tal-UE. Wara l-kawżi prinċipali ta’ implimentazzjoni fqira identifikati fl-EIR, jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex jistabbilixxu t-titjib sostanzjali bħala prijorità politika u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi. Ir-rapporti tal-pajjiżi fl-EIR juru kemm trid taħdem l-UE biex jinkisbu l-objettivi u l-istadji importanti stabbiliti fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP):
|
1.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ambjentali tal-UE hija fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u dan iħalli benefiċċji ekonomiċi u soċjali reali. Is-saħħa taċ-ċittadini teħtieġ ambjent san. Ekosistemi li jaħdmu tajjeb huma prerekwiżit għal attivitajiet agrikoli u ħafna attivitajiet ekonomiċi oħrajn. L-implimentazzjoni ekwa ta’ standards ambjentali fl-Istati Membri tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Li l-ekonomija titmexxa lejn prattiki ambjentalment responsabbli ifisser potenzjal qawwi għall-immodernizzar ekonomiku u l-innovazzjoni, l-opportunitajiet tan-negozju u ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. |
1.3. |
L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha rwol importanti biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni titwettaq b’mod xieraq u ekwu. Rieda politika, l-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u politiki oħrajn, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-proċessi ta’ reviżjoni huma prerekwiżiti importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġislazzjoni ambjentali fil-livell ta’ Stat Membru. |
1.4. |
Iċ-ċittadini Ewropej japprezzaw l-UE għall-istandards ambjentali għoljin tagħha. L-implimentazzjoni fqira ta’ dawn l-istandards iddgħajjef il-kredibbiltà tal-UE f’termini tal-iżgurar li dawn l-istandards jiġu applikati b’mod ekwu mill-Istati Membri kollha tal-UE. |
1.5. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-EIR bħala approċċ ġdid u pass importanti fi proċess li għaddej li huwa maħsub biex jistabbilixxi impenn konġunt tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni ta’ politiki u leġislazzjoni ambjentali. Dan il-proċess għandu jitkompla b’attenzjoni dovuta għal sinerġiji, approċċ komprensiv, it-trasparenza u l-inklużività. |
1.6. |
Il-KESE japprova l-approċċ ta’ politika integrata tal-EIR u jinnota li dan għandu japplika wkoll għall-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u soċjali. L-implimentazzjoni tal-għanijiet ambjentali tista’ tittejjeb biss jekk l-impatti soċjali – il-konsegwenzi għas-suq tax-xogħol u l-konsumaturi, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli – jiġu indirizzati b’kawtela u jiġu kkunsidrati b’mod proattiv. L-istrumenti bbażati fuq is-suq, bħar-riformi fit-taxxa ambjentali, huma għodod importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-leġislazzjoni ambjentali. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jiġu implimentati l-impenji biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent. |
1.7. |
L-EIR għandha tkompli tiġi żviluppata fis-snin li ġejjin billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma ta’ leġislazzjoni oħrajn ambjentalment rilevanti, bħal-leġislazzjoni dwar il-klima u dwar il-prodotti kimiċi. |
1.8. |
L-implimentazzjoni ambjentali għandha tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oqsma ta’ politika oħrajn b’mod integrat. Sabiex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet trasversali, għandhom jiġu stabbiliti diskussjonijiet konġunti mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent u konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill. Ir-relazzjoni bejn is-Semestru Ewropew u l-EIR għandha tiġi ċċarata aktar sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal ta’ diversi strumenti jiġi sfruttat bl-aħjar mod. |
1.9. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi djalogi strutturati mal-gvernijiet tal-Istati Membri abbażi tas-sejbiet tar-rapporti tal-pajjiżi. Sabiex ikunu effettivi, dawn id-djalogi għandhom ikunu trasparenti u jipprovdu riżultat ċar kif ukoll segwitu. Għandhom jiġu meqjusa sensiela ta’ prerekwiżiti għal proċessi ta’ djalogu effettivi u li dawn jiġu stabbiliti għall-partijiet kollha involuti. |
1.10. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ protezzjoni ambjentali, minn banda, tiddependi fuq li s-soċjetà ċivili – l-impjegaturi, il-ħaddiema u rappreżentanti oħrajn tas-soċjetà – tingħata rwol attiv, billi tippermetti lill-pubbliku ġenerali jimmonitorja l-implimentazzjoni adatta tal-leġislazzjoni ambjentali permezz ta’ aċċess ħieles għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni fil-proċess tat-tfassil tal-politika ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja. In-nies għandu jkollhom aċċess għal rapporti preċiżi dwar l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali fil-postijiet fejn jgħixu u jaħdmu. L-iżviluppi pożittivi kollha fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali inkludew involviment sinifikanti mis-soċjetà ċivili, il-gwardjan tad-demokrazija. |
1.11. |
Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol prinċipali tas-soċjetà ċivili mhuwiex rifless biżżejjed fl-EIR. L-involviment akbar tas-soċjetà ċivili jista’ jkollu l-potenzjal li jsaħħaħ il-proġett tal-EIR. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell nazzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu bl-għarfien espert u l-informazzjoni speċjalizzata tagħhom għar-rapporti tal-pajjiżi, kif ukoll għad-djalogi strutturati mal-pajjiżi u s-segwitu tagħhom. Il-KESE huwa lest li jiffaċilita d-djalogu tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
F’Mejju 2016, il-Kummissjoni nediet l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) (1) sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR hija strument ta’ politika bbażat fuq l-informazzjoni u kooperazzjoni li ma jintroduċi l-ebda rekwiżiti legali jew obbligi ta’ rappurtar. Hija mfassla bħala proċess kontinwu, b’rapporti dwar il-pajjiżi biennali mill-Kummissjoni u djalogi mal-Istati Membri. |
2.2. |
Fi Frar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel sensiela ta’ 28 rappoert tal-pajjiżi ta’ kull Stat Membru u komunikazzjoni dwar l-EIR b’sommarju tas-sejbiet u l-konklużjonijiet u l-miżuri li l-Kummissjoni se tieħu. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
L-UE għandha acquis komprensiva ta’ leġislazzjoni ambjentali. Madankollu, l-implimentazzjoni adatta hija problema serja. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-EIR juru l-implimentazzjoni frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR b’mod korrett tiddeskrivi l-benefiċċji ta’ implimentazzjoni adatta għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, u l-ħolqien tal-impjiegi (2). L-ispiża ta’ non-implimentazzjoni hija stmata għal madwar EUR 50 biljun fis-sena (3). |
3.2. |
Is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP) adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2013 (4) stabbilixxa implimentazzjoni leġislattiva mtejba bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni qed tqiegħed dan fil-prattika bl-EIR. |
3.3. |
Ir-rapporti dwar il-pajjiżi jiġbru fil-qosor informazzjoni li mhijiex kompletament ġdida. Madankollu, il-valur miżjud ċar tagħhom tinsab fil-fatt li, għall-ewwel darba, il-lakuni fl-implimentazzjoni qed jiġu indirizzati b’mod komprensiv u trasversali, u jkopru oqsma ewlenin tal-leġislazzjoni ambjentali u l-Istati Membri kollha. Dan il-livell ġdid ta’ valutazzjoni komuni jagħmilha possibbli li jiġu analizzati l-kawżi ewlenin u l-ostakli strutturali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u jiġu żviluppati rimedji u l-għodod meħtieġa. |
3.4. |
L-approċċ tal-EIR jagħmilha wkoll possibbli li wieħed imur lil hinn milli jirreaġixxi għal implimentzzjoni leġislattiva dgħajfa permezz ta’ proċeduri ta’ ksur għal miżuri proattivi billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ħażina. Madankollu, l-Istati Membri tal-UE huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. Għandu jiġi rikonoxxut li f’ħafna każijiet in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex jistabbilixxu bħala prijorità politika titjib sostanzjali u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi jidher li huwa wara l-kawżi ewlenin għal implimentazzjoni dgħajfa identifikati fl-EIR (5). Għalhekk, il-KESE japprezza jekk l-EIR tista’ tgħin biex tqiegħed il-ħtieġa għal implimentazzjoni aħjar fuq l-aġenda politika fl-Istati Membri tal-UE u fil-laqgħat tal-Kunsill. |
3.5. |
Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-implimentazzjoni dgħajfa tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri permezz ta’ miżuri xierqa u stretti, inklużi proċeduri ta’ ksur. Il-KESE jinsab inkwetat li s’issa, dawn il-miżuri ma kinux effettivi. Iċ-ċittadini Ewropej japprezzaw l-UE parzjalment għall-istandards ambjentali għoljin tagħha. Għalhekk, implimentazzjoni ħażina ta’ dawn l-istandards iddgħajjef il-kredibilità tal-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha. |
3.6. |
Ir-rapporti tal-pajjiżi huma bażi tajba għal djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru; jippermettu wkoll li l-Istati Membri jitgħallmu minn xulxin, jidentifikaw problemi komuni u jitgħallmu mill-aħjar prattika, jaġixxu fuq il-prinċipju li l-qsim huwa forma ta’ poter. |
3.7. |
Bħala ċittadini, il-komunitajiet u l-kumpaniji lokali huma l-atturi reali meta jiġu biex jiġu mwettqa miżuri ambjentali, u b’hekk is-soċjetà ċivili għandha taqdi rwol attiv fl-EIR. Li s-soċjetà ċivili ssir imsieħba f’dan l-isforz huwa imperattiv. |
3.8. |
Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra l-involviment tas-soċjetà ċivili bħala assi importanti għas-segwitu tal-EIR. Madankollu, l-EIR għadha pjuttost vaga dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun involuta. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tiġi żgurata madwar l-EIR, mhux biss matul is-segwitu. Dan l-aspett tal-EIR għandu jiġi żviluppat. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Il-kamp ta ’ applikazzjoni tal-EIR
4.1.1. |
S’issa, l-EIR tkopri l-ekonomija ċirkolari u l-ġestjoni tal-iskart, in-natura u l-bijodiversità, il-kwalità tal-arja u l-istorbju kif ukoll il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma – strateġija komprensiva fil-qasam tal-leġislazzjoni ambjentali. Setturi oħra relatati mill-qrib ma’ dawn l-oqsma ta’ politika għandhom jiġu integrati fiċ-ċiklu li jmiss. Dan japplika b’mod partikolari għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima li huma importanti għal ħafna politiki ambjentali, bħall-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità u l-ġestjoni tal-ilma. L-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-kimiċi hija kruċjali għal ambjent san, għall-benesseri u għal ekonomija ċirkolari nadifa. |
4.2. Rapporti tal-pajjiżi
4.2.1. |
Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu ħarsa ġenerali tajba ħafna tal-isfidi ambjentali li qed jiffaċċja kull Stat Membru u r-rendiment tiegħu fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali. Il-KESE japprezza wkoll il-fatt li r-rapporti tal-pajjiżi jirreferu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli relatati ma’ dawk l-isfidi. Dan juri li t-titjib tal-prestazzjoni ambjentali huwa parti minn approċċ ta’ żvilupp sostenibbli akbar, l-insegwiment tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali b’mod integrat, olistiku u bilanċjat. |
4.2.2. |
Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu wkoll valur miżjud għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom: mhux biss jipprovdu lill-partijiet interessati mhux governattivi b’ħarsa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni f’pajjiżhom stess, iżda jippermettulhom ukoll iqabblu l-prestazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn u li jidentifikaw nuqqasijiet u l-potenzjal mhux użat. Ir-rapporti tal-pajjiż għandhom jitqiesu bħala għodda siewja għas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri Ewropej biex iżommu lill-gvernijiet tagħhom responsabbli tal-iżgurar ta’ ambjent san. Dawn jippermettu lis-soċjetà ċivili jinsistu għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni ambjentali. |
4.2.3. |
Madankollu, dan il-potenzjal jista’ jiġi msaħħaħ aktar permezz tal-involviment imsaħħaħ tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tar-rapporti tal-pajjiżi, djalogi strutturati u s-segwitu, kif ukoll fir-reviżjoni tar-rapporti fiċ-ċiklu biennali li jmiss. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom għarfien espert sinifikanti li jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-isfidi ambjentali ewlenin li qed jiffaċċja pajjiżhom. Għaldaqstant għandhom jiġu kkonsultati mill-bidu nett. |
4.2.4. |
Sabiex l-EIR tiġi stabbilita bħala proċess kontinwu, se jkun importanti li jiġi segwit il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet taċ-ċikli preċedenti ta’ rapporti tal-pajjiżi u li jinġabru fil-qosor ir-riżultati fiċ-ċiklu tal-EIR li jmiss. |
4.3. Il-kawżi ewlenin ta’ implimentazzjoni dgħajfa u l-għodod li jagħmlu t-titjib possibbli
4.3.1. |
Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tara li l-EIR bħala opportunità biex jiġu analizzati l-kawżi ewlenin komuni ta’ implimentazzjoni ħażina. Il-valutazzjoni inizjali fil-komunikazzjoni għandha titkompla mal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi diretti u l-għarfien ta’ partijiet interessati mhux governattivi kif ukoll ir-riċerka minn akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni u n-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL). |
4.3.2. |
Il-Kummissjoni diġà identifikat kawżi ewlenin importanti: koordinazzjoni mhux effettiva bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u finanzjament mhux suffiċjenti, nuqqas ta’ għarfien u data, mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-konformità mhux suffiċjenti u n-nuqqas ta’ integrazzjoni u koerenza politika. |
4.3.3. |
Il-Kummissjoni ssemmi xi eżempji ta’ koordinazzjoni u integrazzjoni aħjar tal-politika, bħalma huma approċċ ikkoordinat għal arja nadifa u l-linji ta’ politika dwar il-mobilità. Il-KESE japprova dan l-approċċ ta’ politika integrata tal-EIR u jinnota li dan għandu japplika wkoll għall-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u soċjali. L-implimentazzjoni tal-għanijiet ambjentali tista’ tittejjeb biss jekk l-impatti soċjali – il-konsegwenzi għas-suq tax-xogħol u l-konsumaturi, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli – jiġu indirizzati b’kawtela u jiġu kkunsidrati b’mod proattiv. |
4.3.4. |
Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ rieda politika hija l-kawża ta’ ħafna minn dawn il-problemi (6). Għalhekk, se jkun importanti li l-EIR jirnexxielha fl-objettiv tagħha li tindirizza l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali bħala kwistjoni politika u tpoġġieha fuq l-aġenda tal-UE. |
4.3.5. |
Il-KESE jenfasizza wkoll li l-kompetenzi u l-għarfien tal-awtoritajiet huma prerekwiżiti għal implimentazzjoni xierqa. Barra minn hekk, is-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni huma vitali biex is-soċjetà ċivili tkun megħjuna tipparteċipa fil-proċess tal-EIR. |
4.3.6. |
Il-Kummissjoni ssemmi l-istrumenti u l-investimenti bbażati fuq is-suq bħala għodod għat-titjib tal-objettivi inklużi fl-oqfsa legali ambjentali. Il-KESE diġà stqarr f’opinjoni preċedenti l-potenzjal tar-riformi tat-taxxa ambjentali fejn il-piżijiet tat-taxxa jiġu trasferiti mix-xogħol għall-użu tar-riżorsi sabiex jinkisbu kemm il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni ekonomika, kif ukoll it-tnaqqis tal-impatti ħżiena fuq l-ambjent (7). |
4.3.7. |
Fl-istess opinjoni, il-KESE lmenta dwar sussidji attwali li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Sar ftit li xejn progress. Kemm ir-riforma tat-taxxa kif ukoll it-tneħħija gradwali ta’ sussidji ta’ ħsara għall-ambjent huma msemmija mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bħala għodod abilitanti importanti għal implimentazzjoni aħjar. Madankollu, l-ebda l-approċċ m’huwa qed jiġi ppreżentat biex jinbidel dan l-impass. |
4.4. It-triq ’il quddiem
4.4.1. |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni adatta tal-acquis ambjentali tal-UE taqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, żgur li hemm ukoll kwistjonijiet importanti fil-livell tal-UE li jistgħu jfixklu jew jappoġġjaw implimentazzjoni adatta. L-integrazzjoni intelliġenti ta’ objettivi ambjentali u oqsma oħra ta’ politika għandha tibda fil-livell tal-UE b’regolazzjoni intelliġenti u konsistenti u l-allokazzjoni ta’ fondi. L-ekoloġizzazzjoni tal-PAK hija eżempju tajjeb ta’ dan u hemm lezzjonijiet x’jittieħdu. Aktar koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE tista’ tikkontribwixxi wkoll biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR għandha tintuża wkoll bħala mekkaniżmu biex jinkiseb rispons dwar jekk il-politiki jew il-leġislazzjoni tal-UE li qed jiġu implimentati jridu jiġu kkoreġuti jew aġġornati. |
4.4.2. |
Abbażi tas-sejbiet tal-ewwel ċiklu tal-EIR, il-Kummissjoni toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri billi tistabbilixxi djalogu ta’ implimentazzjoni strutturat ma’ kull Stat Membru, li jipprovdi appoġġ imfassal mill-esperti tal-Istati Membri mill-pari tagħhom fi Stati Membri oħrajn u d-diskussjoni ta’ kwistjonijiet strutturali komuni fi ħdan il-Kunsill. Il-KESE jilqa’ dawn il-miżuri – għalkemm għandna dubji dwar jekk humiex biżżejjed sabiex titjieb il-kwalità ġenerali tal-prestazzjoni ambjentali tal-Istati Membri. |
4.5. Djalogi strutturati
4.5.1. |
L-introduzzjoni ta’ djalogi strutturati simili għall-approċċ fil-proċess tas-Semestru Ewropew kienet diġà prevista fis-7 EAP (8). Il-Komunikazzjoni hija nieqsa minn informazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal dawn id-djalogi, li m’għandhomx jitħallew għad-diskrezzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Għandhom jiġu meqjusa sensiela ta’ prerekwiżiti għal proċessi ta’ djalogu effettivi u li dawn jiġu stabbiliti għall-partijiet kollha involuti. |
4.5.2. |
Għandha tkun assigurata l-parteċipazzjoni bilanċjata minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mhux governattivi kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huma għandhom ikunu mistiedna minn qabel sew u jingħataw l-informazzjoni adatta sabiex ikunu jistgħu jħejju l-kontribuzzjonijiet tagħhom. |
4.5.3. |
Sabiex ikunu effettivi, dawn id-djalogi għandhom ikunu organizzati b’mod immirat lejn ir-riżultati. Ir-riżultati u l-passi li jmiss, l-impenji tal-parteċipanti u l-iskedi għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u jiġu sorveljati. Is-7 EAP ssemmi l-“ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija” bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan l-istrument għandu jiġi kkunsidrat ukoll fl-EIR. L-impenji jistgħu jiġu wkoll minn partijiet interessati mhux governattivi, bħalma huma l-industrija, il-bejgħ bl-imnut jew l-agrikoltura. |
4.6. L-appoġġ bejn il-pari
4.6.1. |
Il-KESE jilqa’ l-organizzazzjoni ta’ appoġġ bejn il-pari (“peer-to-peer”) bejn l-esperti tal-Istati Membri. Għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza twila u rikka tan-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL). |
4.6.2. |
L-iskambju ta’ esperti uniċi għandu jiġi kkumplimentat minn programmi usa’ ta’ appoġġ reċiproku bejn l-Istati Membri, simili għal proġetti ta’ “Ġemellaġġ” tal-Phare li rnexxilhom jappoġġjaw l-adattament għall-acquis tal-UE waqt il-proċess tat-tkabbir tal-UE fl-2004-2007. L-introduzzjoni ta’ programmi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandha tiġi kkunsidrata wkoll – simili għall-programm tal-OECD ta’ Analiżijiet tar-Rendiment Ambjentali (9). |
4.7. Diskussjoni dwar kwistjonijiet strutturali komuni fil-Kunsill
4.7.1. |
Il-Kummissjoni beħsiebha tiddiskuti ostakoli strutturali komuni għal implimentazzjoni adatta fil-Kunsill. Dan iqiegħed il-kwistjoni tal-implimentazzjoni fuq l-aġenda politika. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif dan se jiġi rranġat. |
4.7.2. |
Permezz tal-“ekoloġizzazzjoni” tas-Semestru Ewropew, saru sforzi f’dawn l-aħħar snin biex jintuża dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ċentrali ta’ governanza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali wkoll. Dan għandu jwassal biex il-problemi fil-prestazzjoni ambjentali jinġibdu direttament għall-attenzjoni tal-kapijiet ta’ gvern u għandhom jiffaċilitaw soluzzjonijiet integrati. |
4.7.3. |
Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew ma kinitx xi suċċess kbir s’issa. Il-Kummissjoni ma tridx li tissostitwixxi l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew mal-EIR. Madankollu, f’dan il-każ ir-relazzjoni bejn is-Semestru u l-EIR għandha tiġi ċċarata aktar sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal ta’ kull wieħed minn dawn l-istrumenti jiġi sfruttat bl-aħjar mod. |
4.7.4. |
Id-diskussjonijiet matul il-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent weħidhom x’aktarx mhux ser ikunu biżżejjed. Sabiex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet integrati u trasversali, għandhom jiġu segwiti diskussjonijiet konġunti ma’ konfigurazzjonijiet oħra tal-Kunsill, bħal diskussjonijiet konġunti mal-Ministri tat-Trasport jew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. |
4.8. Mezzi legali ta’ infurzar leġislattiv
4.8.1. |
Il-Kummissjoni ċċarat b’mod korrett li l-EIR m’għandhiex tieħu post l-azzjoni legali biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali; dan ma jaqax fl-ambitu tal-EIR. Madankollu, l-approċċ iktar kooperattiv tal-EIR jista’ jirnexxi biss jekk il-possibbiltà ta’ konsegwenzi legali u sanzjonijiet tiġi applikata b’mod kredibbli u effettiv. Dan japplika għal proċeduri ta’ ksur mill-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur tal-leġislazzjoni ambjentali, kif ukoll mezzi legali li permezz tagħhom iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jżommu responsabbli lill-gvernijiet fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE. |
4.8.2. |
Il-KESE jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li ċerti miżuri li jtejbu l-infurzar tal-leġislazzjoni ambjentali ġew inklużi fis-7 EAP u għadhom ma ġewx indirizzati s’issa:
|
4.8.3. |
Il-KESE ser ikun qed jevalwa l-komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali f’opinjoni separata. |
Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) COM(2016) 316 final.
(2) COM(2017) 63 final, p. 2.
(3) Il-Parlament Ewropew, Mad-Daqqa t’Għajn, L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali.
(4) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(5) Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77, punt 1.2.
(6) Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77.
(7) Opinjoni tal-KESE dwar Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.
(8) Is-7 EAP, punt 59.
(9) https://www.oecd.org/site/peerreview/environmentalperformancereviews.htm