Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE6865

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża” (COM(2016) 950 final)

    ĠU C 288, 31.8.2017, p. 62–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 288/62


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża”

    (COM(2016) 950 final)

    (2017/C 288/08)

    Relatur:

    Christian MOOS

    Korelatur:

    Jan PIE

    Konsultazzjoni

    27.1.2017

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Kummissjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-CCMI

    7.4.2017

    Adottata fil-plenarja

    31.5.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    526

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    104/1/7

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) u jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni.

    1.2

    Il-KESE jappella għal progress kwalitattiv sinifikanti fil-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża, peress li s-suq u l-industrija tad-difiża tal-UE huma frammentati żżejjed u dan iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi, duplikazzjoni fil-mandati, nuqqas ta’ interoperabilità u distakki teknoloġiċi.

    1.3

    Il-KESE jappoġġja l-għan ta’ awtonomija strateġika f’oqsma ta’ teknoloġija u kapaċità industrijali kritiċi identifikati. In-NATO tibqa’ l-bażi tad-difiża kollettiva Ewropea.

    1.4

    L-UE għandha tkompli bid-diplomazija prinċipalment preventiva u multilaterali tagħha. Madankollu, il-kapaċitajiet militari huma element importanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà.

    1.5

    Il-KESE jiddikjara li kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għad-difiża komuni huwa li jissaħħu il-bażijijiet industrijali u teknoloġiċi ta’ difiża Ewropea inkluż forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin.

    1.6

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal skopijiet ta’ difiża.

    1.7

    Il-fondi tal-UE jistgħu jrawmu l-innovazzjoni fl-oqsma teknoloġiċi fejn distinzjoni ċara bejn il-finijiet militari u mhux militari saret diffiċli jekk mhux impossibbli.

    1.8

    Madankollu, il-KESE jirrifjuta l-ftuħ ta’ fondi eżistenti, li jservu bħala objettivi ekonomiċi jew soċjali, għal skopijiet tad-difiża fis-sens strett tal-kelma. L-għanijiet tar-Regolament dwar il-FEIS, il-Fondi SIE u l-programm COSME kif ukoll l-investimenti tal-BEI iservu għal finijiet mhux militari.

    1.9

    Il-KESE jirrifjuta dispożizzjoni speċjali għal riżorsi baġitarji nazzjonali allokati għad-difiża skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u mhux f’settur wieħed biss. In-nefqa għad-difiża m’għandhiex tiddestabbilizza l-finanzi pubbliċi.

    1.10

    Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Fond għad-Difiża b’kanali separati għar-riċerka u l-kapaċitajiet. Madankollu, il-baġit tal-UE għandu jiżdied, peress li l-kanal għar-riċerka dwar id-difiża ma jistax jiġi ffinanzjat għad-detriment ta’ riċerka f’setturi oħra. Il-KESE huwa favur li l-kanal tal-kapaċità jkun iffinanzjat biss mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali. L-akkwist ta’ prodotti tad-difiża mill-Istati Membri ma jistax jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-UE.

    1.11

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ kumitat ta’ koordinazzjoni. Id-deċiżjonijiet finali f’dan il-kumitat għandhom ikunu riżervati għar-rappreżentanti politiċi ċivili.

    1.12

    Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni sħiħa tad-Direttivi (1) dwar l-akkwist pubbliku u t-trasferimenti intra-UE tal-prodotti għad-difiża. Jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex jiġi żgurat b’mod partikolari l-aqwa użu tad-Direttiva dwar it-trasfermenti.

    1.13

    Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards komuni kemm għall-armi kif ukoll għall-prodotti b’użu doppju, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni tal-istandards eżistenti, b’mod partikolari l-istandards tan-NATO.

    1.14

    L-esportazzjonijiet tal-armi għandhom ikunu limitati għall-alleati u l-imsieħba strateġiċi u jeħtieġu skrutinju demokratiku tajjeb.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    L-Ewropa qed taffaċċja sensiela ta’ kunflitti fil-viċinat tagħha, bħalma huma l-gwerra ċivili fis-Sirja, b’konsegwenzi diretti li jinkludu ċ-ċaqliq tal-popolazzjoni globali tal-2015/2016. Bl-annessjoni tal-Krimea mir-Russja u l-involviment tagħha fil-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, l-integrità territorjali ta’ stat indipendenti u, b’hekk, id-dritt internazzjonali inkisru. L-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani jibqgħu reġjuni instabbli u huma f’riskju ta’ falliment tal-istat. Fl-istess ħin, l-Ewropa u l-Lvant Nofsani m’għadhomx jidhru li huma parti ewlenija mill-politika tas-sigurtà tal-Istati Uniti. L-Ewropa qed tiffaċċja riskju dejjem jikber li ssib lilha nfisha fil-periferija tal-affarijiet dinjija u titqies bħala piż mill-imsieħba trans-Atlantiċi tagħha.

    2.2

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi ġeostrateġiċi u l-iżviluppi fis-sigurtà, l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tagħha. Huwa essenzjali li jkun hemm stampa ċara tal-għanijiet strateġiċi komuni tal-Unjoni li għadha nieqsa u teħtieġ li tiġi żviluppata b’mod urġenti. Dan huwa prerekwiżit biex jiġu identifikati l-kapaċitajiet nazzjonali u konġunti meħtieġa li jeħtieġ li jiġu ssostanzjati permezz ta’ bazi teknoloġika, industrijali u għad-difiża Ewropea sostenibbli.

    2.3

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet (2) li diġà għamel fl-Opinjonijiet CCMI/116 (2013) u CCMI/100 (2012). L-istrateġija Globali tal-UE (3) u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża (4) jipprovdu wkoll approċċi importanti għal dan l-għan. Fil-fehma tal-KESE, huwa urġenti li dawn jiġu implimentati b’mod konsistenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ta’ Lulju 2016 kif ukoll il-prinċipju ta’ sigurtà kollettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.4

    Il-KESE jqis l-ottimizzazzjoni tal-prevenzjoni ċivili u tal-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża bħala kwistjoni ta’ urġenza sabiex ikunu garantiti l-libertà u l-paċi fl-Ewropa, tinxtered l-istabbiltà fil-viċinat tal-Ewropa li tirrifletti l-valuri fundamentali tal-UE bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, u biex ikunu appoġġati b’suċċess il-miżuri globali għaż-żamma tal-paċi tan-NU.

    2.5

    Għaldaqstant, il-KESE jitlob li l-kwalità ta’ kooperazzjoni tad-difiża Ewropea tingħata spinta. Huwa favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU), fil-qafas tal-“kooperazzjoni strutturata permanenti” tal-UE, il-mekkaniżmu previst għal dan l-għan skont l-Artikoli 42.6 u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, inkluż l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża komuni, bħala pass importanti.

    2.6

    Il-KESE jaqbel mal-kritika tal-Kummissjoni dwar il-frammentazzjoni żejda tas-suq li twassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi, duplikazzjoni fil-mandati, nuqqas ta’ interoperabilità u distakki teknoloġiċi.

    2.7

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE huma taħt pressjoni biex jikkonsolidaw il-baġits tagħhom, li jfisser li l-użu ineffiċjenti tal-fondi pubbliċi ma jistax jiġi ġustifikat aktar. Il-KESE għalhekk jitlob l-implimentazzjoni riżoluta ta’ approċċi kollaborattivi. Fil-fehma tal-KESE, aktar kooperazzjoni fl-oqsma ta’ prijorità msemmija mill-Kummissjoni huwa biss l-ewwel pass.

    2.8

    Il-KESE jappoġġja l-għan ta’ awtonomija strateġika fl-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet industrijali kritiċi. In-NATO tibqa’ l-bażi tal-politika Ewropea ta' sigurtà u ta' difiża komuni kif imtenni fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO. F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-membri kolha tan-NATO jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom.

    2.9

    Il-KESE jiddikjara li mhux l-elementi kollha tal-Pjan ta’ Azzjoni huma ġodda iżda jilqa’ t-twaqqif ta’ Fond għad-Difiża. Madankollu, dan jiddependi ħafna fuq ir-rieda politika ta’ kontribuzzjoni ta’ iktar flus mill-baġits nazzjonali. Il-KESE huwa kritiku dwar in-nuqqas ta’ rieda ta’ xi Stati Membri biex tittieħed azzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżviluppa pjan direzzjonali għal sistema komprensiva ta’ sigurtà tal-provvista fl-UE kollha u tiżgura l-implimentazzjoni xierqa taż-żewġ Direttivi dwar id-Difiża.

    2.10

    Il-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava (5) jmur fid-direzzjoni t-tajba; madankollu, fil-qasam tad-difiża dan jerġa jirrepeti pjani qodma. B’mod partikolari, il-pjan direzzjonali huwa nieqes minn konsistenza strateġika u huwa ffukat wisq fuq l-isfida attwali tal-kriżi tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Filwaqt li ċ-ċaqliq ta’ popolazzjoni fuq skala kbira huma tabilħaqq marbutin mal-isfidi għas-sigurtà, ladarba jiżviluppaw dawn ma jistgħux jiġu solvuti b’mezzi militari.

    2.11

    Kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet komuni huwa t-twaqqif u l-iżvilupp tas-suq intern għad-difiża. Il-KESE huwa tal-fehma li mhuwiex possibbli li tissaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea mingħajr ma tkun indirizzata wkoll il-kwistjoni tal-ħiliet. L-industriji tad-difiża l-ħin kollu jaħdmu b’pass teknoloġiku avvanzat u għaldaqstant jeħtieġu forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin. L-inizjattiva tal-KE dwar il-ħiliet li tissemma fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża tindirizza din il-problema u għalhekk milqugħa tajjeb ħafna.

    2.12

    Aktar investiment u kooperazzjoni f’dan is-settur industrijali jgħinu wkoll biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u jinħolqu l-impjiegi. Il-ġlieda kontra l-qgħad fl-Ewropa m'għandhiex tkun il-mutur ewlieni għal deċiżjonijiet ta’ investiment fil-qasam tad-difiża. Il-qgħad għandu jitnaqqas b'mezzi oħra u mhux bl-armamenti. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropea għandu jkun iggwidat esklużivament minn kunsiderazzjonijiet strateġiċi u valutazzjoni profonda ta’ dak li hu meħtieġ biex nipproteġu lill-Ewropa u biex tiġi żgurata l-kapaċità ta’ alleanza tagħha. Dan m’għandux jipperikola l-finanzi pubbliċi. B’mod partikolari, l-UE għandha tkompli bid-diplomazija prinċipalment preventiva u multilaterali tagħha. Madankollu, il-kapaċitajiet militari huma essenzjali biex jiġu implimentati l-prijoritajiet ta’ sigurtà u difiża fl-Istrateġija Globali tal-UE.

    2.13

    Il-KESE jaqbel mal-idea li r-riċerka fil-qasam tad-difiża jista’ jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ċivili u viċi versa.

    2.14

    Id -distinzjoni stretta bejn militari u mhux militari hija dejjem aktar imċajpra f’termini ta’ attakki ċibernetiċi u wkoll meta wieħed iħares lejn is-sigurtà interna u esterna li saret aktar u aktar interkonnessa.

    2.15

    Il-KESE jenfasizza li r-riċerka pereżempju fit-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà jista’ jkollha skopijiet kemm ċivili kif ukoll ta’ difiża u jkun hemm iktar eżempji. Għalhekk, huwa ovvju li dawn l-innovazzjoni u l-iżvilupp jistgħu u għandhom jiġu ffinanzjati wkoll minn programmi Ewropej eżistenti bħalma huwa Orizzont 2020. Madankollu, ir-riċerka fid-difiża fis-sens strett tal-kelma li hija intiża bħala tali għandha tiġi kkunsidrata separatament.

    2.16

    Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ industrija tad-difiża aktar integrata u suq ta’ difiża komuni fl-Ewropa. Dan l-għan m’għandux jiġi limitat għall-pajjiżi ta’ produzzjoni ewlenin. Fl-implimentazzjoni ta’ riċerka ta’ difiża u ta’ proġetti ta’ difiża, għandhom jintużaw kif xieraq il-kapaċitajiet eżistenti ta’ kemm jista’ jkun Stati Membri interessati sabiex iħeġġu l-impenn għal kawża komuni.

    2.17

    Il-KESE jirrifjuta l-ftuħ ta’ fondi eżistenti, li jservu objettivi ekonomiċi jew soċjali, għall-finijiet tad-difiża u dwar kif jiġi trattat l-infiq għad-difiża taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Fond Ewropew għad-Difiża li jkun ristrett għar-riċerka għad-difiża u l-iżvilupp u l-akkwist ta’ kapaċitajiet militari. Fl-istess ħin, għandu jkun separat b’mod ċar mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u ma jinkludix eċċezzjonijiet bħal “miżuri ta’ darba”, kif imsemmi fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    2.18

    Fir-rigward tal-aspetti kollha ta’ unjoni tad-difiża futuri, il-KESE jappella għall-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u djalogu kontinwu bejn politiċi, militari u ċivili. Bħala entità konsultattiva tal-UE u rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej ewlenin kollha, il-KESE għandu jaġixxi bħala imsieħeb ewlieni fil-qasam tal-politika ta’ difiża.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1   Il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għad-Difiża

    3.1.1

    Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Fond għad-Difiża b’kanal għar-riċerkja u ieħor għall-kapaċità, li jkun operattiv bis-sħiħ mill-2020 ’il quddiem.

    3.1.2

    Il-KESE jappoġġja sorsi ta’ finanzjament separati għaż-żewġ “kanali”. Madankollu, ir-riċerka dwar id-difiża ma tistax tiġi ffinanzjata għad-detriment ta’ riċerka f’setturi oħra. Il-KESE huwa favur li l-kanal tal-kapaċità jkun iffinanzjat biss mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Sakemm l-Unjoni ma jkollhiex introjtu varjabbli tagħha stess, l-akkwist tal-kapaċitajiet militari tal-forzi armati jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-baġit tal-UE għalhekk m’għandux jintuża biex ikopri akkwist taħt it-taqsima ta’ kapaċità tal-Fond tad-Difiża ppjanat.

    3.1.3

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kumitat ta’ koordinazzjoni ppjanat. Madankollu, it-teħid tad-deċiżjoni ta’ dan il-kumitat għandu jinkludi biss rappreżentanti politiċi. Rappreżentanti militari, industrijali u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jipparteċipaw biss f’kapaċità konsultattiva. Il-Parlament Ewropew ukoll għandu jkollu post u vuċi f’dan il-kumitat.

    3.1.4

    Ir-rwol tal-Kummissjoni fil-kofinanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka għandha tkun limitata għal kanal għar-riċerka u għandha tipprovdi wkoll għal programm speċjali, separat b’mod ċar għar-riċerka tad-difiża tal-UE wara l-2020 għal dan l-għan (6). Il-KESE jappoġġja l-idea li l-eżekuzzjoni tal-programm tkun assenjatalill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA).

    3.1.5

    Il-KESE jappoġġja l-akkwist prekummerċjali għal kuntratti ta’ akkwist kooperattiv, sabiex jitnaqqsu riskji għoljin ta’ investiment assoċjati mal-industrija għan-negozji kkonċernati.

    3.1.6

    Sinerġiji possibbli bejn ir-riċerka ċivili u tad-difiża għandhom jiġu sfruttati, iżda li l-appoġġ għal attivitajiet ta’ riċerka ċivili permezz ta’ fondi tal-UE (Orizzont 2020) m’għandhomx ikunu mmirati lejn skopijiet militari għad-detriment ta’ setturi oħra.

    3.1.7

    Il-KESE jappoġġja l-ġbir flimkien ta’ fondi nazzjonali għall-akkwist ta’ kapaċitajiet ta’ difiża ġodda. Jidher dubjuż li l-mira konġunta annwali ta’ EUR 5 biljun għall-kapaċità se tkun suffiċjenti. Il-Kumitat jemmen li jkun utli li jitwettqu studji ta’ tħejjija biex jeżaminaw dan l-ammont ta’ referenza, kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni. Fil-fehma tal-KESE, l-ammont annwali ta’ finanzjament komuni għandu jkun immirat lejn il-kisba tal-għanijiet li jinħolqu sinerġiji akbar, tittaffa l-pressjoni baġitarja u l-akkwist u l-iżgurar b’suċċess ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.

    3.1.8

    Il-KESE jappoġġja t-tfassil tal-kanal għall-kapaċità deskritt mill-Kummissjoni, jiġifieri struttura ewlenija għall-qafas, kif ukoll ir-regoli dwar il-finanzjament komuni u t-tieni livell li jinkludi proġetti speċifiċi ta’ Stati Membri li jikkooperaw. Il-proġetti individwali għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar f’termini ta’ kwalità u ta’ kwantità u biex ikunu finanzjarjament indipendenti minn xulxin.

    3.1.9

    L-iżvilupp ta’ struttura tal-kapital permanenti għall-kanal għall-kapaċità hija appoġġjata. Ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Istati Membri bħala azzjonisti. Il-KESE jirrifjuta dispożizzjoni speċjali għal riżorsi baġitarji nazzjonali allokati għal dan l-iskop skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    3.1.10

    Il-KESE jenfasizza li f’konformità mal-Artikolu 41 tat-TUE, il-baġit tal-UE ma jistax jintuża biex jiffinanzja operazzjonijiet militari. Barra minn hekk minn it-tluq minn dan il-prinċipju jmur kontra l-karattru speċifiku tal-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ ċerti Stati Membri (Artikolu 42(1) TUE).

    3.2   Stimolu tal-investiment fil-katini tal-provvista fil-qasam tad-difiża

    3.2.1

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għal skopijiet ta’ difiża. Il-FEIS, il-Fondi ESI u l-programm COSME m’għandhomx ikunu prijoritizzati għall-infiq fuq l-armi. Madankollu, l--għanijiet tar-Regolament dwar il-FEIS, il-Fondi SIE u l-programm COSME kif ukoll l-investimenti tal-BEI iservu għal finijiet mhux militari. Barra minn hekk, l-użu ta’ dawn il-fondi għal skopijiet militari jirrappreżenta riskju akbar ta’ duplikazzjoni u frammentazzjoni fis-suq tad-difiża.

    3.2.2

    Billi l-UE teħtieġ bażi soda u sostenibbli, tad-difiża, industrijali u teknoloġika, l-isfida hija li jinstab bilanċ bejn li l-UE tkun lesta tiffinanzja din il-bażi mingħajr dipendenza mhux mixtieqa fuq l-esportazzjoni. L-esportazzjonijiet tal-armi għandhom ikunu limitati għal imsieħba strateġiċi u alleati, u ma għandhomx ikunu motivati minn kunsiderazzjonijet ekonomiċi oħra li potenzjalment jikkontribwixxu għal kunflitti f’partijiet oħra tad-dinja. Bħalissa hemm ukoll tħassib serju fir-rigward ta’ xi alleati. Għalhekk, l-esportazzjonijiet tal-armi jeħtieġu skrutinju demokratiku mill-qrib.

    3.2.3

    Il-promozzjoni ta’ raggruppamenti reġjonali ta’ eċċellenza hija appoġġjata. Dan għandu jsir ukoll permezz tal-kanal għar-riċerka u l-programm speċjali tal-UE li għad irid jinħoloq.

    3.3   L-espansjoni tas-suq intern għal prodotti ta’ difiża

    3.3.1

    Il-KESE jitlob għal politika industrijali Ewropea mfassla tajjeb għas-settur tad-difiża, bil-karatteristiċi speċifiċi tiegħu tal-ħtiġijiet tal-gvern u l-fondi pubbliċi. Għaldaqstant jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni sħiħa tad-Direttivi (7) dwar l-akkwist pubbliku u t-trasferimenti intra-UE tal-prodotti għad-difiża.

    3.3.2

    Skont l-Artikolu 346 TFUE, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-kuntratti ta’ difiża u sigurtà mir-regoli jekk ikun neċessarju għall-ħarsien tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħhom. Biż-żewġ Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE, issa huwa possibbli li titnaqqas din l-eżenzjoni għal minimu strett. Il-KESE jaqbel mal-opinjoni kritika tal-fatt li porzjon sinifikanti ħafna ta’ akkwist ta’ prodotti militari għadu mhux imwettaq skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE, u jagħraf il-potenzjal ta’ ffrankar hawnhekk, li jista’ jiġi investit b’mod aktar effiċjenti taħt il-Fond għad-Difiża.

    3.3.3

    Il-KESE jappoġġja proċess ta’ awtorizzazzjoni semplifikat permezz ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali għat-trasferiment ta’ oġġetti militari fi ħdan is-suq uniku. Għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-gwida ta’ interpretazzjoni u rakkomandazzjonijiet li tħabbret. Madankollu, jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex jiġi żgurat b’mod partikolari l-aqwa użu tad-Direttiva dwar it-trasfermenti tad-difiża.

    3.3.4

    Il-KESE jilqa’ wkoll studji dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima fil-qafas tal-Istrateġija tal-Materja Prima, kif ukoll dwar is-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika. Fl-istess ħin, huwa jiddeplora li l-Kummissjoni Ewropea abbandunat il-mandat tagħha ta’ Diċembru 2013 biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali għal sistema komprensiva ta' sigurtà tal-provvista fl-UE kollha, li jista’ wkoll jixpruna l-implimentazzjoni ambizzjuża politikament motivata tad-Direttiva dwar it-Trasferimenti.

    3.3.5

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li suq uniku li jiffunzjona tajjeb fejn jidħlu prodotti ta’ difiża għandu jkun għan ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni. Unjoni ta’ difiża hija inkonċepibbli mingħajr l-aċċess għas-suq transfruntier u katini tal-provvista miftuħa. B’mod partikolari, l-SMEs, li huma responsabbli għal innovazzjonijiet kbar fis-settur, għandu jkollu aċċess għal sejħiet għal offerti.

    3.3.6

    Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards komuni kemm għall-armi u l-produzzjoni ta’ interoperabilità kompleta kif ukoll għall-prodotti b’użu doppju, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni tal-istandards eżistenti, b’mod partikolari l-istandards tan-NATO. Pjan direzzjonali korrispondenti hija diġà previsti għall-2014 (8).

    3.3.7

    Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet bis-satellita affidabbli, sikura u kosteffikaċi għall-UE u għall-awtoritajiet nazzjonali, flimkien ma’ investiment fl-ivvjaġġar fl-ispazju.

    3.3.8

    Il-KESE huwa konxju li ma ġietx iċċarata r-relazzjoni bejn l-użu ċivili u militari tas-sistema Copernicus, u wkoll dwar il-fatt li l-militar huwa msieħeb ewlieni tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), kemm bħala utent kif ukoll kożviluppatur. Hawnhekk jistgħu jiżviluppaw sinerġiji utli. L-użu tas-sistema Copernicus madankollu għandu jiġi evalwat b’mod kollettiv mill-perspettiva politika, xjentifika u militari. L-użu militari m’għandux iqiegħed piż fuq il-politika spazjali tal-UE jew jaffettwa l-użu ċivili tas-sistema.

    3.3.9

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ċibernetika, kif ukoll il-kooperazzjoni ċivili/militari abbażi tal-istrateġija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (9).

    3.3.10

    Il-KESE jappoġġja li jiġu promossi approċċi komuni għas-sigurtà marittima fl-oqsma ċivili u militari, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ sorveljanza marittima interoperabbli.

    Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.

    President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1); id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà u li temenda id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

    (2)  Ara wkoll l-Opinjonijiet tal-KESE dwar L-industrija tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali , (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 17) u dwar Strateġija biex jissaħħaħ is-settur tad-difiża Ewropew, (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 125).

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 1).

    (4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sigurtà u d-difiża (14149/16), 14 ta’ Novembru 2016.

    (5)  Il-programm ta’ ħidma mressqa mill-Kunsill Ewropew, il-Presidenza tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni fil-laqgħa tal-Grupp ta’ 27 Kap ta’ Stat u ta’ Gvern fis-16 ta’ Settembru 2016, http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/09/16-bratislava-declaration-and-roadmap.

    (6)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Unjoni Ewropea għad-Difiża (2016/2052(INI)).

    (7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (8)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-19/20 ta’ Diċembru 2013 (EUCO 217/13).

    (9)  Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, Lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur JOIN (2013) 1 final; Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur (11357/13).


    Top