Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0377

    Kawża T-377/17: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2017 – SQ vs BEI

    ĠU C 277, 21.8.2017, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/48


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2017 – SQ vs BEI

    (Kawża T-377/17)

    (2017/C 277/70)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: SQ (rappreżentanti: N. Cambonie u P. Walter, avukati)

    Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

    Talbiet

    tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-President ikkonkluda b’mod żbaljat, l-ewwel nett li l-prattiċi implementati mid-Direttur tal-Komunikazzjoni kontra r-rikorrenti, li huma msemmija fil-punti 20 sa 24, 25, 31, 34, 46, 50 u 51 tar-rapport, ma kienux jikkostitwixxu prattiċi ta’ fastidju psikoloġiku, it-tieni nett, li ma kienx hemm lok li tinfetaħ il-proċedura dixxilplinari kontra l-imsemmi Direttur u, it-tielet nett, li d-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata li r-rikorrenti kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku għandha tibqa’ strettament kunfidenzjali;

    tikkundanna lill-BEI jikkumpensaha, minħabba, l-ewwel nett, id-dannu morali li sofriet bħala konsegwenza tal-prattiċi ta’ fastidju psikoloġiku tad-Direttur tal-Komunikazzjoni kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 121 992 (mija u wieħed u għoxrin elf disa’ mija u tnejn u disgħin), it-tieni nett, id-dannu morali li sofriet u li ma huwiex separabbli mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 25 000 (ħamsa u għoxrin elf) u, it-tielet nett, id-dannu morali li jirriżulta, minn naħa, mill-ksur mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-indipendenza tal-proċedura ta’ sinjalament immexxija mid-Direttur tal-Konformità u, min-naħa l-oħra, mill-att ta’ intimidazzjoni jew ta’ theddid ta’ ritaljazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal kontra r-rikorrenti u sabiex tingħatalha għalhekk is-somma ta’ EUR 25 000 (ħamsa u għoxrin elf);

    tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazjoni fil-kwalifikazzjoni ta’ ċerti prattiċi kkritikati mir-rikorrenti li hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal-20 ta’ Marzu 2017 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:

    L-ewwel parti, bbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni li l-atti ta’ fastidju psikoloġiku għandhom ikunu repetitivi;

    It-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li tirriżulta mill-fatt li ċerti prattiċi kkritikati kienu oġġettivament ta’ natura li jimminaw il-kunfidenza personali u l-istima personali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji marbuta mal-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, u li huwa magħmul minn żewġ partijiet;

    L-ewwel parti, imqajjma, prinċipalment, ibbażata fuq żball ta’ dritt;

    It-tieni parti, imqajjma sussidjarjament, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ dritt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu impost fuq ir-rikorrenti li żżomm kunfidenzjali d-deċiżjoni kkontestata skont liema hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tad-Direttur tal-Komunikazzjoni.


    Top