Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XG0723(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel

    ĠU C 269, 23.7.2016, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 269/21


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel

    (2016/C 269/04)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    IFAKKAR:

    1.

    Fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (1), li jiddikjara li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni u li jipprevedi li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha msemmija f’dan l-Artikolu u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn lill-azzjoni tagħhom.

    Fl-Artikolu 26 TFUE, li jiddikjara li s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija huwa żgurat.

    2.

    Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni dwar strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità (2), li, fil-kuntest ta’ approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-isfidi nutrizzjonali, appellat lill-Istati Membri biex jappoġġaw attivitajiet għar-riformulazzjoni tal-ikel biex jitnaqqsu l-livelli ta’ melħ, xaħam saturat, aċidi xaħmija trans, zokkor miżjud u d-densità enerġetika minħabba r-rwol li għandhom dawn l-elementi fl-iżvilupp ta’ mard kroniku, piż żejjed u obeżità.

    3.

    Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2010 dwar azzjoni biex jitnaqqas il-konsum tal-melħ mill-popolazzjoni għal saħħa aħjar (3), li appellaw lill-Istati Membri biex isaħħu jew jiżviluppaw politiki nazzjonali kkoordinati u sostenibbli ta’ alimentazzjoni, inkluż programmi ta’ tnaqqis tal-melħ, biex il-konsum tal-melħ jitnaqqas għal livell xieraq.

    4.

    Fil-Qafas tal-UE għal Inizjattivi Nazzjonali dwar Nutrijenti Magħżula (4), stabbilit fl-2011 wara r-riżultati pożittivi għall-Qafas tal-UE għal Inizjattivi Nazzjonali dwar il-Melħ (5), li miegħu żdiedu, fl-2012, l-Anness I dwar ix-xaħam saturat (6) u, fl-2015, l-Anness II dwar zokkor miżjud (7), li jipprovdi gwida politika għal azzjoni.

    5.

    Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2014 dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika (8), u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Obeżità fit-Tfulija, li waqt li jirrikonoxxu l-ġid li l-prevenzjoni tal-mard tħalli kemm fuq iċ-ċittadini kif ukoll fuq is-sistemi tas-saħħa, u l-importanza ta’ dieta tajba għas-saħħa fit-tnaqqis tar-riskju ta’ kundizzjonijiet kroniċi u ta’ mard li ma jitteħidx, stiednu lill-Istati Membri biex id-dieta tajba għas-saħħa jżommuha bħala prijorità ewlenija, b’hekk jikkontribwixxu għas-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja aħjar taċ-ċittadini tal-UE u għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa.

    6.

    Fl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE għall-pjan ta’ azzjoni globali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jitteħidx għall-2013-2020, tas-27 ta’ Mejju 2013 (9), li appella għal tnaqqis fil-piż tal-morbidità, il-mortalità u d-diżabilità kkaġunati minn mard li ma jitteħidx u li jista’ jiġi prevenut u evitat b’kollaborazzjoni u kooperazzjoni multisettorjali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali, sabiex il-popolazzjonijiet f’kull età jilħqu l-ogħla standards ta’ saħħa u produttività u dak il-mard ma jibqax ostaklu għall-benesseri u l-iżvilupp soċjoekonomiku.

    7.

    Fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar xaħmijiet trans fl-ikel u fid-dieta ġenerali tal-popolazzjoni tal-Unjoni (10).

    8.

    Fil-Konferenza dwar it-Titjib tal-Prodotti tal-Ikel, organizzata mill-Presidenza f’Amsterdam fit-22 u t-23 ta’ Frar 2016 (11), fejn pjan direzzjonali għal azzjoni għat-titjib tal-prodotti tal-ikel  (12), biex jiżviluppa azzjoni aktar miftehma li timxi progressivament lejn l-offerta ta’ prodotti itjeb għas-saħħa, ġie approvat mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u min-Norveġja u l-Iżvizzera kif ukoll mill-operaturi fin-negozju tal-ikel u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi marbuta mas-saħħa.

    BI TĦASSIB JINNOTA LI:

    9.

    Il-prevalenza tal-piż żejjed, l-obeżità u mard ieħor li ma jitteħidx marbut mad-dieta fil-popolazzjoni Ewropea hija għolja wisq u qed tkompli togħla. Din għandha impatt negattiv fuq l-istennija tal-għomor, billi tnaqqas il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni u taffettwa s-soċjetà, pereżempju billi thedded id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’saħħitha u sostenibbli u ġġiegħel lill-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jogħlew li jistgħu jħallu effett fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. B’hekk timponi piż ekonomiku fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    10.

    B’mod partikolari, il-prevalenza għolja u ż-żieda fil-piż żejjed u l-obeżità fost it-tfal hija ta’ tħassib serju, u din teħtieġ azzjoni miftiehma qawwija, kif diġà kienet indirizzata fil-livell tal-Istati Membri, l-Unjoni u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (13).

    11.

    In-nutrizzjoni għandha sehem importanti f’dan il-kuntest, flimkien ma’ temi oħra marbuta mal-istil tal-ħajja: id-dieta ta’ ħafna Ewropej fiha wisq melħ, xaħam saturat, zokkor, u valur enerġetiku, l-aktar bil-konsum ta’ ikel ipproċessat jew ippreparat, waqt li fl-istess ħin il-maġġoranza tan-nies ma jikkonsmawx biżżejjed frott, ħaxix u prodotti ta’ qamħ sħiħ. F’xi Stati Membri, in-nies għadhom esposti għal ammonti għolja ta’ aċidi xaħmija trans.

    JIRRIKONOXXI LI:

    12.

    Sabiex titjieb id-dieta tan-nies, l-għażla tajba għas-saħħa għandha tkun l-għażla l-faċli.

    Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, hemm bżonn ta’ approċċ olistiku: l-ambjenti fiżiċi u soċjali li jappoġġaw u jħeġġu xejriet fil-konsum tal-ikel li huma tajbin għas-saħħa, kif ukoll l-informazzjoni oġġettiva dwar in-nutrizzjoni u l-edukazzjoni mmexxija mis-saħħa pubblika huma kruċjali għall-politiki u l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali u lokali.

    It-titjib tal-prodotti tal-ikel, billi jitnaqqsu fost l-oħrajn il-livelli tal-melħ, ix-xaħam saturat, iz-zokkor miżjud (14) u l-valur enerġetiku, kif ukoll tittejjeb id-disponibblità ta’ daqsijiet tal-porzjonijiet żgħar u/jew imċekkna (15), huwa għodda importanti biex tiġi ffaċilitata l-għażla tajba għas-saħħa. B’mod ġenerali tali tnaqqis m’għandux iwassal għal żieda fil-valur enerġetiku (16) u m’għandux inaqqas il-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti.

    13.

    Sabiex tintlaħaq il-maġġoranza tal-popolazzjoni, speċjalment it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, tinħtieġ aktar azzjoni fuq prodotti li soltu jiġu kkonsmati mill-maġġoranza tal-popolazzjoni Ewropea kuljum.

    14.

    Prodotti tal-ikel imtejba li huma aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli jistgħu jikkontribwixxu għall-għan li jonqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa, billi għall-gruppi vulnerabbli, li jistgħu jsibuha diffiċli li jagħmlu l-għażliet tajba għas-saħħa, jista’ jkun eħfef li jagħżlu prodotti mtejba hekk kif ikunu aktar disponibbli.

    15.

    Il-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu objettivi tas-saħħa pubblika, li, sussegwentement, għandhom jintlaħqu b’kooperazzjoni mal-operaturi tan-negozju tal-ikel u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. L-operaturi ta’ negozji tal-ikel (17) tul il-katina alimentari għandhom responsabbiltà biex itejbu l-prodotti u l-ikliet li joffru, u, billi jagħmlu dan, jagħtu kontribut biex l-għażla tajba għas-saħħa ssir l-għażla l-faċli. Linji gwida dwar il-kompożizzjoni tal-ikel li ser jiġi pprovdut minn korpi pubbliċi (bħal sptarijiet, skejjel u djar għall-anzjani jew għall-istudenti); inkluż permezz ta’ akkwist pubbliku, ukoll jista’ jkollhom sehem ewlieni fl-appoġġ ta’ dawn l-objettivi.

    16.

    Il-punt tat-tluq ivarja minn Stat Membru għal ieħor, b’uħud minnhom diġà għandhom esperjenza fit-titjib tal-prodotti tal-ikel, pereżempju billi jistipulaw kriterji għall-kompożizzjoni tal-prodotti, kriterji għall-ikliet fl-iskejjel u ikel ieħor ipprovdut permezz tal-akkwist pubbliku billi jivvalidaw il-proposti tal-operaturi tan-negozju tal-ikel, kriterji marbuta mal-ittikkettar jew mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel għat-tfal u kriterji għad-daqs tal-porzjon.

    17.

    Id-differenzi kulturali fil-preferenzi u x-xejriet tad-dieta jistgħu sa ċertu punt jiddeċiedu x’approċċ jittieħed, ir-rata tat-tnaqqis tal-melħ, ix-xaħam saturat u z-zokkor miżjud u r-riżultati finali. Kull approċċ għandu jirrikonoxxi dawk id-differenzi kulturali u x-xejriet tad-dieta. Ikel lokali u tradizzjonali, inkluż l-indikazzjonijiet ġeografiċi (18), intrinsikament marbut mal-kultura u l-patrimonju tal-pajjiż, jista’ jkun soġġett għal konsiderazzjoni speċjali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni nazzjonali, pereżempju l-kontribut tiegħu għall-konsum ġenerali tal-ikel.

    18.

    Il-melħ, ix-xaħam saturat u z-zokkor miżjud għandhom jitnaqqsu mill-ikel gradwalment biex jippermettu lill-konsumaturi jaċċettaw il-prodotti mtejba. L-ikel għat-trabi u t-tfal jeħtieġ attenzjoni speċifika sabiex idarrihom b’varjetà ta’ togħmiet, fosthom għall-frott u l-ħaxix u jkun evitat li minn kmieni tiżviluppa preferenza għat-togħma ta’ ikel b’ħafna zokkor jew melħ.

    19.

    Fis-suq intern iseħħ kummerċ transfruntier estensiv fl-ikel; għalhekk, it-titjib tal-prodotti tal-ikel jeħtieġ kooperazzjoni transfruntiera sabiex ikun effettiv mill-aspetti tas-saħħa pubblika u l-industrija, b’hekk jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u s-saħħa u s-suq intern jiffunzjona aħjar.

    20.

    L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jixtiequ jipparteċipaw f’inizjattivi għat-titjib tal-prodotti tal-ikel jistgħu jkunu nieqsa mir-riżorsi jew il-ħiliet meħtieġa fil-ħidma għat-titjib tal-prodotti tal-ikel. Fid-dawl tas-sehem tagħhom fis-suq, huwa importanti li permezz tal-qsim volontarju tal-għarfien u l-aħjar prattiki, ikun hemm sensibilizzazzjoni fost l-SMEs u jingħataw appoġġ u attenzjoni.

    21.

    It-titjib fil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel jiftaħ possibbiltajiet kbar għall-innovazzjoni u l-opportunitatjiet ta’ negozju u jista’ jwassal għal vantaġġ fis-suq. Fi ħdan il-kumpanniji, il-koerenza akbar bejn l-iżvilupp ta’ prodotti tal-ikel imtejba u l-investiment fil-kummerċjalizzazzjoni hija mixtieqa u mistennija sabiex jiġu promossi l-aħjar għażliet għas-saħħa fil-portafoll tal-kumpanniji u tiffaċilita l-għażla tajba għas-saħħa.

    22.

    L-inklużjoni tal-attivitajiet tal-kumpanniji dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa marbuta speċifikament mat-titjib tal-prodotti tal-ikel fl-inizjattivi ta’ awditjar marbuta mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji tista’ tkun inċentiv siewi.

    23.

    Ir-riċerka tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għal approċċ sod għat-titjib tal-prodotti tal-ikel. B’mod ġenerali, l-għarfien meħtieġ għall-ewwel passi importanti fit-titjib huwa disponibbli, iżda tali informazzjoni tista’ tkun imqassma u użata aħjar.

    24.

    Id-data dwar il-konsum attwali u l-kompożizzjoni tal-prodotti tagħmilha possibbli li l-azzjonijiet ikunu mmirati lejn il-gruppi ta’ prodotti l-aktar rilevanti. It-trasparenza u l-aċċessibbiltà ta’ data bħal din jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ prattiki tajba.

    25.

    Il-monitoraġġ regolari, trasparenti, kredibbli u indipendenti tal-kompożizzjoni tal-prodotti huwa essenzjali għall-kisba ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni tas-suq u dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa.

    26.

    Fatturi oħra, bħall-possibilitajiet teknoloġiċi, is-sikurezza tal-ikel u l-għanijiet għas-sostenibbiltà, jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultati fit-titjib tal-prodotti tal-ikel.

    JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    27.

    Sa tmiem l-2017 jistabbilixxu pjan nazzjonali għat-titjib tal-prodotti tal-ikel, jew bħala pjan ġdid inkella bħala pjan integrat f’ieħor eżistenti, b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, biex sal-2020 l-għażla tajba għas-saħħa ssir aktar faċli għall-konsumaturi permezz ta’ żieda fid-disponibbiltà ta’ ikel b’livelli anqas ta’ melħ, xaħam saturat, zokkor miżjud, valur enerġetiku u, fejn xieraq, permezz ta’ porzjonijiet imċekkna u biex tingħata informazzjoni dwar il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-ikel ipproċessat. Ikel lokali u tradizzjonali, inkluż l-indikazzjonijiet ġeografiċi (19), intrinsikament marbut mal-kultura u l-patrimonju tal-pajjiż jista’ jkun soġġett għal konsiderazzjoni speċjali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni nazzjonali, pereżempju l-kontribut tiegħu għall-konsum ġenerali tal-ikel.

    28.

    Jagħmlu użu sħiħ mill-istrutturi u l-għodda kollha eżistenti, inkluż l-għodda online tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE (20), biex jikkondividu l-esperjenzi dwar l-inizjattivi u l-azzjonijiet ġodda, kif ukoll l-aħjar prattiki, immirati lejn il-promozzjoni tat-titjib tal-prodotti tal-ikel.

    JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    29.

    B’mod regolari u mill-anqas kull sentejn, jirrapportaw dwar il-progress miksub fl-inizjattivi għat-titjib tal-prodotti tal-ikel u jikkondividu l-punti ta’ riferiment, jekk ikun hemm, l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni u r-riżultati, fi ħdan il-qafas tal-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika (21).

    30.

    Jintegraw il-multidimensjonalità tat-titjib tal-prodotti tal-ikel billi jinvolvu r-rappreżentanti responsabbli għall-oqsma tas-saħħa, l-agrikoltura, l-ikel, l-ekonomija u d-distribuzzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka u s-suq intern fl-azzjonijiet meħuda.

    31.

    Jappoġġaw proġetti teknoloġiċi u ta’ riċerka fil-qasam tat-titjib tal-prodotti tal-ikel li huma mmirati lejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ għarfien xjentifiku tajjeb u aġġornat.

    32.

    Jissensibilizzaw lill-SMEs u jiffaċilitaw l-involviment tagħhom, eż. billi jappoġġaw proġetti ta’ riċerka mmirati lejn it-titjib tal-kompożizzjoni tal-ikel, ixerrdu informazzjoni dwar tekniki għat-titjib tal-prodotti tal-ikel u japplikaw il-kriterji marbuta mat-titjib tal-prodotti tal-ikel mal-fondi strutturali rilevanti, biex b’hekk jipprovdu soluzzjonijiet bi spejjeż raġonevoli għall-SMEs meta dawn itejbu l-prodotti tal-ikel.

    JAPPELLA LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    33.

    Tevalwa l-punti ta’ riferiment eżistenti għat-tnaqqis tal-melħ u x-xaħmijiet saturati fil-kuntest tal-Oqfsa tal-UE għall-Inizjattivi Nazzjonali dwar il-Melħ u Inizjattivi Nazzjonali dwar Nutrijenti Magħżulin u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ punti ta’ riferiment possibbli ġodda fil-kuntest tal-Grupp ta’ Livell Għoli f’perijodu ta’ żmien ċar.

    34.

    Filwaqt li tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri, tkompli tinvolvi lill-partijiet kkonċernati fil-livell tal-Unjoni, fosthom lill-operaturi tan-negozji tal-ikel, fil-proċess ta’ titjib tal-prodotti tal-ikel, billi:

    (a)

    tkompli tappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-HLG dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika u l-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa (22) għal diskussjonijiet iffokati aktar u skambji ta’ informazzjoni dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel;

    (b)

    fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma b’esperti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati biex:

    jaħdmu għat-titjib tal-metodoloġija, il-kwalità u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ (23);

    jissuġġerixxu kriterji possibbli rigward il-melħ, ix-xaħam saturat, iz-zokkor miżjud u, fejn xieraq, id-daqs tal-porzjonijiet għal kategoriji tal-ikel tul il-katina alimentari;

    ifittxu modi possibbli oħra biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ għażliet tajbin għas-saħħa, b’mod partikolari billi jiżdiedu wkoll elementi nutrittivi ta’ benefiċċju li huwa rakkomandat li jiġu kkonsmati u b’mod ġenerali ma jiġux ikkonsmati biżżejjed;

    (c)

    tappoġġa proċeduri ta’ ħidma ċari, trasparenti u flessibbli (eż. l-iskambju ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi u gwida għal kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat) u tqiegħed il-progress milħuq u r-riżultati miksuba mill-gruppi ta’ ħidma disponibbli pubblikament, pereżempju permezz tal-Pjattaforma online tal-Politika tas-Saħħa tal-UE, sabiex tottimizza l-ħidma tal-gruppi.

    35.

    Tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-bażi xjentifika, il-monitoraġġ u l-ġbir u t-tqassim ta’ data fuq livell tal-UE rigward il-prodotti mtejba, il-konsum u metodi ġodda ta’ produzzjoni.

    Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-progress għandhom jinqasmu mal-Azzjoni Konġunta dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika (JANPA) (24) ikkoordinata minn Franza u għandhom jitqiesu fid-dawl tal-ħidma tal-attivitajiet li għaddejjin bħalissa minn WHO Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

    36.

    Tistieden lill-JRC jipparteċipa fil-verifika u l-monitoraġġ awtonomi tal-impenji tal-Pjattaforma tal-UE fir-rigward tat-titjib tal-prodotti tal-ikel, li għandu jkun jista’ jitkejjel, jitqabbel u jkun immonitorjat b’mod tajjeb u trasparenti.

    37.

    Iżżid il-koordinazzjoni u l-allinjament tal-attivitajiet ta’ riċerka u tad-data miftuħa tar-riċerka sabiex issaħħaħ l-iżvilupp tal-prodotti tal-ikel permezz tal-Inizjattiva ta’ Pprogrammar Konġunt: Dieta Tajba għal Ħajja b’Saħħitha.

    38.

    Meta possibbli, tikkoordina mill-qrib l-attivitajiet il-ġodda kollha li għandhom x’jaqsmu mat-titjib tal-prodotti tal-ikel ma’ gruppi u azzjonijiet eżistenti, bħall-JAPNA u n-Netwerk Ewropew tal-WHO ta’ Azzjoni dwar il-Melħ (ESAN, ikkoordinat mill-Iżvizzera).

    39.

    Tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki, speċjalment permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fuq il-Pjattaforma online tal-Politika tas-Saħħa tal-UE, li hija ta’ ħafna partijiet ikkonċernati, tistabbilixxi paġni speċjali dwar it-titjib tal-prodotti tal-ikel b’links ma’ bażijiet ta’ data eżistenti fejn possibbli, il-partijiet ikkonċernati involuti kollha jistgħu jaqsmu l-esperjenzi, l-isfidi u l-għarfien tagħhom, juru r-riżultati, jidentifikaw ostakli fis-suq intern tal-UE u jaqsmu bejniethom soluzzjonijiet possibbli għal dawn l-ostakli;

    (b)

    f’laqgħat regolari tal-HLG u tal-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, taġġorna lill-partijiet ikkonċernati kollha dwar azzjonijiet ippjanati u implimentati.


    (1)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47 (verżjoni konsolidata).

    (2)  15612/07.

    (3)  ĠU C 305, 11.11.2010, p. 3.

    (4)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/euframework_national_nutrients_en.pdf

    (5)  http://ec.europa.eu/health/archive/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/salt_initiative.pdf

    (6)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/satured_fat_eufnisn_en.pdf

    (7)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/added_sugars_en.pdf

    (8)  ĠU C 213, 8.7.2014, p. 1.

    (9)  http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/94384/1/9789241506236_eng.pdf

    (10)  http://ec.europa.eu/food/safety/docs/fs_labelling-nutrition_trans-fats-report_mt.pdf

    (11)  http://english.eu2016.nl/events/2016/02/22/thematic-conference-on-product-improvement

    (12)  https://www.rijksoverheid.nl/documenten/formulieren/2016/02/22/roadmap-for-action-on-food-product-improvement

    (13)  Lista mhux eżawrjenti: Strateġija tal-UE dwar kwistjonijiet relatati man-Nutrizzjoni, il-Piż Żejjed u l-Obeżità, 2007; Dikjarazzjoni Politika tal-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali (tan-Nazzjonijiet Uniti) dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ Mard li ma Jitteħidx tal-2011; il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew tad-WHO dwar l-Ikel u n-Nutrizzjoni għall-2015–2020; id-Dikjarazzjoni ta’ Vienna dwar in-Nutrizzjoni u l-Mard li ma Jitteħidx fil-Kuntest ta’ Saħħa 2020; il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija għall-perijodu 2014 – 2020.

    (14)  Fit-tifsira użata fl-Anness II tal-qafas tal-UE għall-inizjattivi nazzjonali dwar nutrijenti magħżula (http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/added_sugars_mt.pdf) “zokkor miżjud” ifisser preparazzjonijiet ta’ sukrożju, fruttożju, glukożju, idrolisati tal-lamtu (xropp tal-glukożju, xropp bi fruttożju għoli) u ta’ zokkor ieħor iżolat użati bħala tali jew miżjuda waqt il-preparazzjoni u l-manifattura tal-ikel, kif ukoll zokkor li jinsab fl-għasel, il-ġulepp, u l-meraq tal-frott jew konċentrati tal-meraq tal-frott.

    (15)  Għadd ta’ prodotti tal-ikel huma ppakkjati (gallettini, ċikkulati, xorb tal-ħalib, jogurt, lewż, insalati, ikel preservat, eċċ.) jew mibjugħa (ħamburgers, platti lesti f’kantin, eċċ.) f’porzjonijiet magħmulin biex jiġu kkonsmati immedjatament jew malli jinfetħu. Ma hemmx “daqs” wieħed għal tali porzjonijiet, iżda huwa ċar li d-daqs magħżul mill-produttur huwa stedina ċara għall-konsum, għax in-nies jevitaw milli jaħlu l-ikel. Porzjonijiet iżgħar joffru aktar flessibbiltà għall-konsumatur, għax it-tieni porzjon jittiekel biss bi ħsieb.

    (16)  Madankollu, anke jekk il-valur enerġetiku ma jinbidilx, it-tnaqqis fix-xaħam saturat jew iz-zokkor miżjud jista’ jiġi inkoraġġit permezz ta’ żieda fil-komponenti nutrittivi li huma rrakkomandati li ġeneralment ma jiġux ikkonsmati f’ammonti suffiċjenti (eż. il-fibra, il-frott u l-ħaxix).

    (17)  Dan jinkludi, fost l-oħrajn, manifatturi, bejjiegħa, caterers, bars, ristoranti u fornituri oħra tal-ikel.

    (18)  http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/intellectual-property/geographical-indications/

    (19)  http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/intellectual-property/geographical-indications/

    (20)  http://ec.europa.eu/health/interest_groups/policy_platform/index_en.htm

    (21)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/high_level_group/index_mt.htm

    (22)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/platform/index_mt.htm

    (23)  Għall-finijiet ta’ monitoraġġ l-enfasi għandha tkun fuq l-ammont totali ta’ zokkor minflok iz-zokkor miżjud, peress li (attwalment) jista’ jiġi analizzat biss l-ammont totali ta’ zokkor.

    (24)  http://www.janpa.eu/


    Top