Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1119(01)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Novembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bosnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

    ĠU C 385, 19.11.2015, p. 3–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    19.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 385/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta’ Novembru 2015

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bosnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

    (2015/C 385/03)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 115 tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bosnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) joħloq Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    (2)

    L-Artikolu 116 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (3)

    L-Artikolu 118 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun megħjun minn Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”).

    (4)

    L-Artikolu 118 tal-Ftehim jipprovdi wkoll li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli tiegħu, jiddetermina d-doveri tal-Kumitat u li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddelega xi poteri minn tiegħu lill-Kumitat.

    (5)

    L-Artikolu 120 tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf xi kumitati jew korpi speċjali oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq tad-dmirijietu; Dan jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiddetermina l-konfigurazzjoni u d-dmirijiet ta’ tali kumitati u korpi, u kif jiffunzjonaw,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 115 tal-Ftehim fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ dan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1900 tal-5 ta’ Ottubru 2015 (1) li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnja u Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, dwar Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, kif annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

    Emendi żgħar għal dawn l-abbozzi ta’ Deċiżjonijiet jistgħu jiġu aċċettati mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Johannes HAHN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 277, 22.10.2015, p. 17.


    ID-DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOSNJA-ĦERZEGOVINA

    ta’ [data]

    li taddotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

    IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa u l-Bosnja-Ħerzegovina min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, 116, 118 u 120 tiegħu,

    Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ nhar l-1 ta’ Ġunju 2015,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Presidenza

    Il-Partijiet iżommu l-Presidenza tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u Stabbilizzazzjoni, b’mod alternat, għal perjodu ta’ 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

    Artikolu 2

    Laqgħat

    Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa’ darba fis-sena f’livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu b’mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

    Artikolu 3

    Rappreżentanza

    Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b’dan il-mod, jeħtieġlu jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrappreżentat b’dan il-mod. Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

    Artikolu 4

    Delegazzjonijiet

    Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jattendu fil-kumpanija ta’ uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fl-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

    Artikolu 5

    Segretarjat

    Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea flimkien iservu bħala Segretarji b’mod konġunt tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Artikolu 6

    Korrispondenza

    Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

    Iż-żewġ Segretarji jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea.

    Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu.

    Artikolu 7

    Pubbliċità

    Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

    Artikolu 8

    Aġendi għal-laqgħat

    1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum tax-xogħol qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    2.   Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ każ partikolari.

    Artikolu 9

    Minuti

    L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fl-aġenda:

    id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

    id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

    id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

    L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jservi ta’ depożitarju tad-dokumenti tal-Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

    Artikolu 10

    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.   Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, rispettivament jingħataw it-titoli “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b’numru ta’ serje, bid-data ta’ meta ġew addottati u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Artikolu 11

    Lingwi

    Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f’dawn il-lingwi.

    Artikolu 12

    Spejjeż

    Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Bosnja-Ħerzegovina, kull wieħed iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretar fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill- mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

    Artikolu 13

    Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    1.   B’dan ġie stabbilit Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”) biex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu. Huwa jkun iffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa, u rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bosnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ impjegati tas-servizz pubbliku f’kariga għolja.

    2.   Il-Kumitat iħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim. Huwa jqis kull kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-andament tat-twettiq ta’ kuljum tal-Ftehim. Huwa jippreżenta proposti jew kull abbozz ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    3.   F’każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta’ konsultazzjoni, din it-tip ta’ konsultazzjoni tista’ ssir fil-Kumitat. Il-konsultazzjoni tista’ tissokta fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    4.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

    Magħmul fi

    Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    Il-President

    ANNESS għad-DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOSNJA-ĦERZEGOVINA

    ta’ [id-data]

    Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    Artikolu 1

    Presidenza

    Il-Partijiet iżommu l-Presidenza tal-Kumitat, b’mod alternat, għal perjodu ta’ 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

    Artikolu 2

    Laqgħat

    Il-Kumitat jiltaqa’ skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat issir fi żmien u f’post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat jitlaqqgħu mill-President.

    Artikolu 3

    Delegazzjonijiet

    Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

    Artikolu 4

    Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ uffiċjal tal-Bosnja-Ħerzegovina, flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat, previsti f’din id-Deċiżjoni jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Artikolu 5

    Pubbliċità

    Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ma jkunux pubbliċi.

    Artikolu 6

    Aġendi għal-laqgħat

    1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba biex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kumitat jista’ jistieden esperti li mhumiex membri biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Fil-bidu ta’ kull laqgħa, l-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    2.   Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ każ partikolari.

    Artikolu 7

    Minuti

    Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti, u jkunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ikun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 8

    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 118 tal-Ftehim biex jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti jkunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b’numru ta’ serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Artikolu 9

    Spejjeż

    Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Bosnja-Ħerzegovina, kull wieħed iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x’taqsam mal-interpretar fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

    Artikolu 10

    Is-sottokumitati u l-gruppi speċjali

    Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali biex jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu. Huma jirrapportaw lill-Kumitat wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li jtemm kull sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta’ referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra biex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma jkollhom l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.


    ANNESS

    għall-informazzjoni tal-Kummissjoni biss

    ABBOZZ

    ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAL-KUMITAT TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE — BOSNJA-ĦERZEGOVINA

    ta’ […] 2015

    li toħloq sottokumitati u gruppi speċjali

    IL-KUMITAT TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni bejn l-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa u l-Bosnja-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 119 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-regoli ta’ proċedura tiegħu, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu Uniku

    Is-sottokumitati u l-gruppi speċjali mniżżla fl-Anness I huma hawnhekk maħluqa. It-termini ta’ referenza tagħhom huma stipulati fl-Anness II.

    Magħmul fi …, fil-jum ta’ xahar 2015.

    Għall-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

    Il-President

    ANNESS I

    FTEHIM TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE — BOSNJA-ĦERZEGOVINA

    L-Istruttura tas-Sottokumitati Multidixxiplinari

    Titlu

    Kwistjonijiet

    L-Artikolu tal-FSA

    1.

    Kummerċ, Industrija, Dwana u Tassazzjoni

    Moviment Liberu tal-Merkanzija

    Art. 18

    Prodotti Industrijali

    Art. 19-23

    Kwistjonijiet kummerċjali

    Art. 32-46

    Standardizzazzjoni, metroloġija, akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, analiżi tal-konformità u sorveljanza tas-suq

    Art. 75

    Kooperazzjoni industrijali

    Art. 92

    SMEs

    Art. 93

    Turiżmu

    Art. 94

    Dwana

    Art. 97

    Tassazzjoni

    Art. 98

    Regoli tal-oriġini

    Protokoll 2

    Assistenza amministrattiva fi kwistjonijiet doganali

    Protokoll 5

    2.

    Agrikoltura u s-Sajd

    Prodotti agrikoli sensu lato

    Art. 24, 26(1), 26(2), 29, 30 u 33

    Prodotti agrikoli sensu stricto

    Art. 27(1)(2) u 27(4)

    Prodotti tas-Sajd

    Art. 26 u 28

    Prodotti agrikoli pproċessati

    Art. 25, il-Protokoll 1

    Inbid

    Art. 27(5) u l-Protokoll 7

    Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u prodotti tas-sajd, u għall-prodotti tal-ikel li mhumiex inbid u spirti

    Art. 31

    Settur agrikolu u agroindustrijali, materji veterinarji u fitosanitarji

    Art. 95

    Kooperazzjoni fis-sajd

    Art. 96

    Sigurtà tal-ikel

    Art. 95

    3.

    Suq Intern u l-Kompetizzjoni

    Dritt ta’ stabbiliment

    Art. 50-56

    Provvista ta’ servizzi

    Art. 57-59

    Mistoqsijiet oħrajn relatati mat-Titolu V tal-FSA

    Art. 63-69

    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi

    Art. 70

    Kompetizzjoni

    Art. 71-72,

    Protokoll 4

    Proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

    Art. 73

    Akkwist pubbliku

    Art. 74

    Servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra

    Art. 89

    Protezzjoni tal-konsumaturi

    Art. 76

    Saħħa pubblika

     

    4.

    Kwistjonijiet u statistiċi ekonomiċi u finanzjarji

    Ċaqliq ta’ kapital u pagamenti

    Art. 60-62

    Politika Ekonomika

    Art. 87

    Kooperazzjoni statistika

    Art. 88

    Promozzjoni u protezzjoni tal-Investiment

    Art. 91

    Kooperazzjoni finanzjarja

    Art. 112-114

    5.

    Ġustizzja, libertà u sigurtà

    Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

    Art. 78

    Kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja

    Art. 78

    Stat tad-Dritt

    Art. 78

    Protezzjoni tad-dejta

    Art. 79

    Viżi, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni

    Art. 80

    Immigrazzjoni illegali u riammissjoni

    Art. 81

    Ħasil tal-flus

    Art. 82

    Drogi

    Art. 83

    Ġlieda kontra t-terroriżmu

    Art. 85

    Kriminalità u attivitajiet illegali oħrajn

    Art. 84

    6.

    Innovazzjoni, soċjetà tal-informazzjoni u politika soċjali

    Moviment tal-ħaddiema

    Art. 47-49

    Kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet indaqs

    Art. 77

    Kooperazzjoni soċjali

    Art. 99

    Edukazzjoni u taħriġ

    Art. 100

    Kooperazzjoni kulturali

    Art. 101

    Informatika u Komunikazzjoni

    Art. 105

    Kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv

    Art. 102

    Networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika

    Art. 104

    Soċjetà tal-informazzjoni

    Art. 103

    Żvilupp ta’ riċerka u teknoloġija

    Art. 109

    7.

    Trasport, ambjent, enerġija, u żvilupp reġjunali (1)

    Trasport

    Art. 53, 59, 106 u l-Protokoll 3

    Enerġija

    Art. 107

    Sikurezza nukleari

    Art. 107

    Ambjent

    Art. 108

    Tibdil fil-klima

    Art. 108

    Protezzjoni ċivili

    Art. 108

    Żvilupp reġjonali u lokali

    110


    L-istruttura tal-gruppi speċjali

    Titolu

    Kwistjonijiet

    L-Artikolu tal-FSA

    Grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    Titolu VI L-approssimazzjoni legali u l-infurzar tal-liġi, l-Art. 70 u Titolu VII, Ġustizzja u Intern, l-Art. 78, l-Art. 111

    ANNESS II

    IT-TERMINI TA’ REFERENZA TAS-SOTTOKUMITATI U TAL-GRUPPI SPEĊJALI UE — BOSNJA-ĦERZEGOVINA

    Il-konfigurazzjoni u l-Presidenza

    Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (RAP) jkunu magħmulin minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina. Huma jkunu ippreseduti, darba kull wieħed, miż-żewġ partijiet. L-Istati Membri jkunu infurmati u jiġu mistiedna għal-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP.

    Segretarjat

    Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-gvern tal-Bosnja-Ħerzegovina flimkien iservu bħala segretarji ta’ kull sottokumitat u tal-grupp speċjali għar-RAP.

    Il-komunikazzjonijiet kollha dwar is-sottokumitati jkunu mgħoddija lis-segretarji tas-sottokumitat rilevanti u tal-grupp speċjali għar-RAP.

    Laqgħat

    Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Kull laqgħa ta’ sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP ssir f’ħin u post li jaqblu dwarhom iż-żewġ partijiet.

    Jekk iż-żewġ Partijiet jiftiehmu, is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP jistgħu jistiednu esperti fil-laqgħat tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

    Aġenda u dokumenti ta’ sostenn

    Il-President u s-Segretarji jfasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

    L-aġenda proviżorja tinkludi punti li dwarhom is-segretarji jkunu rċevew talba biex jiġu inklużi fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.

    Wara l-ftehim ta’ aġenda proviżorja għal kull laqgħa u mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa s-segretarju mill-Bosnja-Ħerzegovina jibgħat lis-segretarju mill-Kummissjoni Ewropea id-dokumentazzjoni meħtieġa bil-miktub wara l-entrati miftehma fl-aġenda proviżorja.

    Jekk l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3 ma tiġix irrispettata, il-laqgħa tiġi kkanċellata awtomatikament mingħajr avviża ulterjuri.

    Suġġetti

    Is-sottokumitati jiddiskutu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma tal-FSA mniżżla fl-istruttura tas-sottokumitat multidixxiplinarju. Il-progress dwar l-approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni jkunu analizzati taħt il-materji kollha. Is-sottokumitati jeżaminaw kull problema li tista’ titfaċċa fl-oqsma relevanti tagħhom u jissuġġerixxu l-passi possibbli li għandhom jittieħdu.

    Is-sottokumitati jservu wkoll bħala postijiet fejn jiġi ċċarat aktar l-acquis, u għandhom jistħarġu l-progress li jkun sar mill-Bosnja-Ħerzegovina biex tikkonforma mal-acquis skont l-impenji li ħadet fl-FSA.

    Il-grupp speċjali għar-RAP jiddiskuti kwistjonijiet relatati mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jissuġġerixxi l-passi li jistgħu jittieħdu.

    Minuti

    Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti u wara jkun hemm qbil dwarhom. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija mis-segretarju tas-sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP, lis-Segretarju tal-Kumitat.

    Pubbliċità

    Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP ma jkunux pubbliċi.


    (1)  Sabiex jiġi implimentat it-tielet Protokoll tal-FSA, dan is-sottokumitat jaġixxi bħala s-sottokumitat speċjali imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ dan il-Protokoll.


    Top