Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX1115(02)

    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — INEOS/Solvay/JV (M.6905)

    ĠU C 407, 15.11.2014, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/6


    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    INEOS/Solvay/JV

    (M.6905)

    2014/C 407/05

    1.   PROĊEDURA BIL-MIKTUB

    1.

    Fis-16 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha INEOS AG (“INEOS”) u Solvay SA (“Solvay”), konġuntement imsejħa “l-Partijiet Notifikanti”, jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kontroll konġunt ta’ impriża konġunta stabbilita riċentement permezz ta’ trasferiment ta’ assi (it-“Tranżazzjoni”).

    2.

    Abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq tal-Fażi I, il-Kummissjoni qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fil-5 ta’ Novembru 2013. Il-Partijiet Notifikanti ssottomettew il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar id-deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c) fit-22 ta’ Novembru 2013.

    A.   Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet

    3.

    Fil-21 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“DO”), fejn hija kienet tal-fehma preliminari li t-Tranżazzjoni se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    4.

    Il-Partijiet Notifikanti ngħataw sal-5 ta’ Frar 2014 biex iwieġbu għad-DO. It-tweġiba bil-miktub tagħhom ġiet ippreżentata f’din id-data.

    B.   Aċċess għall-fajl

    5.

    Il-Partijiet Notifikanti rċevew aċċess għall-fajl matul il-proċedura, b’mod partikolari permezz ta’ CD-ROM fit-23 ta’ Jannar 2014 u fil-21 ta’ Marzu 2014 kif ukoll permezz tal-posta elettronika fl-10 ta’ April 2014.

    6.

    Fil-31 ta’ Jannar 2014 u fl-20 ta’ Marzu 2014, il-Partijiet Notifikanti ressqu talbiet formali lit-tim tal-każ għal aċċess ulterjuri għall-fajl skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet (3) u l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. It-tim tal-każ ittratta dawn it-talbiet u ta lill-Partijiet Notifikanti aċċess ulterjuri għall-fajl.

    C.   Ittra bil-Fatti

    7.

    Fil-5 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra bil-fatti (“IbF”) lill-Partijiet Notifikanti li tinfurmahom dwar evidenza ulterjuri li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tibbaża fuqha fil-proċedimenti. Il-Partijiet Notifikanti wieġbu għal din l-IbF fit-12 ta’ Frar 2014.

    D.   Persuni terzi interessati

    8.

    Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena aċċettajt kompetitur wieħed mill-Partijiet Notifikanti (4) u tliet assoċjazzjonijiet (5) li jirrappreżentaw parti mill-bażi ta’ klijentela tagħhom għall-proċedimenti bħala persuni terzi interessati. Jien infurmajt ukoll il-Partijiet Notifikanti bl-identitajiet tal-persuni terzi interessati li għandhom jinstemgħu.

    2.   IL-PROĊEDURA ORALI

    9.

    Fl-10 ta’ Frar 2014, seħħet seduta orali formali fuq talba tal-Partijiet Notifikanti. Għas-seduta orali attendew: il-Partijiet Notifikanti u l-konsulenti legali u ekonomiċi tagħhom; EuPC fil-kapaċità tagħha hija persuna terza interessata (6); is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni; u rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ sitt Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, il-Finlandja u r-Renju Unit).

    10.

    Saru tliet sessjonijiet magħluqa waqt is-seduta orali (7). L-ewwel waħda rriżultat minn talba mingħand il-Partijiet Notifikanti abbażi tal-interess leġittimu tagħhom fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra. It-tnejn l-oħra seħħew fil-kuntest ta’ sessjonijiet ta’ mistoqsija u tweġiba.

    3.   PROĊEDURA WARA S-SEDUTA ORALI FORMALI

    A.   Rimedji

    11.

    Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Partijiet Notifikanti ressqu l-ewwel sett ta’ impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li ġie sostitwit b’sett rivedut ta’ impenji fis-7 ta’ Marzu 2014. Dan is-sett ġdid ta’ impenji reġa’ ġie rivedut fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2014 bil-proposta ta’ tliet pakketti alternattivi. Fit-12 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni għamlet ittestjar għas-suq fuq tnejn mit-tliet pakketti alternattivi ppreżentati. Fit-13 ta’ April 2014, il-Partijiet Notifikanti ressqu sett finali ta’ impenji riveduti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji ppreżentati fit-13 ta’ April 2014 huma adattati biex ineħħu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fir-rigward tat-Tranżazzjoni.

    B.   Persuni terzi interessati

    12.

    Ċerti trejdjunjins (8), fil-kapaċità ta’ rappreżentanti tal-impjegati bbażati fl-operazzjonijiet ta’ Tessenderlo ta’ INEOS, talbu li jinstemgħu fir-rigward tar-rimedji proposti. Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena aċċettajt dawn il-junjins - li jaġixxu f’dik il-kapaċità - fil-proċedimenti bħala persuni terzi interessati. Jien infurmajt lill-Partijiet Notifikanti b’dan.

    C.   L-abbozz ta’ deċiżjoni

    13.

    Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien għamilt rieżami tal-abbozz tad-deċiżjoni u nikkonkludi li jittratta biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet Notifikanti ngħataw l-opportunità li jgħarrfu l-fehmiet tagħhom.

    4.   KONKLUŻJONI

    14.

    Nikkonkludi li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet kollha f’dan il-każ ġie rrispettat.

    Brussell, id-29 ta’ April 2014.

    Joos STRAGIER


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1) (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet”).

    (4)  KEM ONE SAS.

    (5)  The European Plastic Pipes and Fittings Association (“TEPPFA”), EuPC INPA (“EuPC”) li jirrappreżentaw il-konverturi tal-plastik Ewropej, kif ukoll European PVC Profiles u Related Building Products Association EPPA ivzw (“EPPA”).

    (6)  Il-persuni terzi interessati l-oħra ma talbux li jieħdu sehem fis-seduta orali.

    (7)  Ara l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

    (8)  Dawn il-junjins huma: (1) ABVV Algemeen Belgisch Vakverbond; (2) ACLVB Liberale Vakbond; (3) ACV bouw – industrie & energie; (4) BBTK Bond van bedienden, technici en kaderleden; u (5) LBC-NVK vakbond voor bedienden en kaderpersoneel.


    Top