Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0466

    Kawża T-466/14: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Ġunju 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 261, 11.8.2014, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/45


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-466/14)

    2014/C 261/72

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, Abogado del Estado)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ April 2014, li permezz tagħha huwa kkonstatat li r-rimbors ta’ dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju [Regolament (KEE) Nru 2913/92] huwa ġġustifikat u li r-rimbors ta’ dazji ta’ importazzjoni minn ammont ieħor ma huwa ġġustifikat fl-ebda każ (fajl REM 02/2013) sa fejn tiċħad ir-rimbors ta’ dazji ta’ importazzjoni indebitament ikkunsidrati bħala mhux ġustifikati, u

    tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba flimkien mal-Artikolu 872a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3)

    F’dan ir-rigward, fil-proċeduri bħal dak tar-rimbors, fejn il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tqis meħtieġa u għandha tindika dawk ir-raġunijiet li jwassluha sabiex tadotta deċiżjoni sfavorevoli, huwa argumentat li deċiżjoni li tinkludi rifjut għal raġunijiet oħra għajr dawk inklużi fil-komunikazzjoni preċedenti tagħha tmur kontra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)

    Skont ir-rikorrent, huma ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza u li huma l-bażi ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni favorevoli għar-rimbors fis-settur tat-tonn fil-passat. B’mod partikolari, hemm kumplessità fir-regolamenti, assenza ta’ verżjoni żbaljata mill-esportatur, interpretazzjoni differenti tar-regolament ibbażata fuq informazzjoni korretta, responsabbiltà parzjali tal-Kummissjoni u permanenza fiż-żmien ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti li qatt ma applikaw korrettament ir-regolament.


    Top