Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 62014TN0380

    Kawża T-380/14: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2014 – Pshonka vs Il-Kunsill

    ĠU C 261, 11.8.2014, p. 37—38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/37


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014 – Pshonka vs Il-Kunsill

    (Kawża T-380/14)

    2014/C 261/62

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Artem Viktorovych Pshonka (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: C. Constantina u J.-M. Reymond, avukati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla parzjalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent u, b’mod iktar speċifiku, tordna:

    it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mill-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014;

    it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mill-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014;

    tannulla parzjalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, sa fejn ma humiex konformi mal-Proposta Konġunta;

    tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-kawża u tiddeċiedi dwar l-ispejjeż favur ir-rikorrent.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill u fuq ksur tal-ġustizzja naturali sa fejn:

    l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat saret bi ksur tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 215(2) TFUE peress li r-regolament estenda l-portata tal-miżuri restrittivi meta mqabbla mal-Proposta Konġunta ppreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni, li fuqha kien ibbażat dan ir-regolament;

    l-inklużjoni tar-rikorrent kellha konsegwenzi negattivi ħafna fuq individwu li ma ngħatax smigħ xieraq u li ma kienx is-suġġett ta’ kundanna minn qorti kompetenti stabbilita mil-liġi.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti. Ir-rikorrent isostni li huwa ma kienx, la qabel u lanqas waqt l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati, is-suġġett ta’ investigazzjoni b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u/jew mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li, anki li kieku l-investigazzjoni allegata kienet teżisti, tali investigazzjoni ma kien ikollha ebda bażi fattwali jew legali u kienet tkun immotivata esklużivament minn raġunijiet politiċi. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li r-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill għall-inklużjoni tar-rikorrent ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-miżuri kkontestati u ma huma ssostanzjati minn ebda provi.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. Ir-rikorrent isostni li:

    il-Kunsill naqas milli jagħti lir-rikorrent ir-raġunijiet fattwali u legali individwali u speċifiċi bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE;

    ir-rikorrent ma ngħatax id-dritt li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Kunsill;

    il-miżuri kkontestati jidentifikaw lir-rikorrent bħala responsabbli għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina fl-assenza ta’ kwalunkwe kundanna jew prova f’dan is-sens, bi ksur tad-dritt tar-rikorrent li jiġi preżunt li huwa innoċenti sakemm tiġi pprovata l-ħtija tiegħu;

    ir-rikorrent ma kienx informat bil-provi kkunsidrati kontrih, b’tali mod li ma jistax jikkontestahom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv;

    ir-rikorrent qiegħed jiġi mċaħħad direttament mid-dritt għall-proprjetà tiegħu;

    is-sanzjonijiet ikkontestati huma sproporzjonati meta kkunsidrati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-provi disponibbli, u

    il-mod kif ir-rikorrent qiegħed jiġi deskritt fil-miżuri kkontestati jippreġudika b’mod gravi r-reputazzjoni tiegħu.


    Į viršų