Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 62012CA0454

    Kawżi magħquda C-454/12 u C-455/12: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas- 27 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – Pro Med Logistik GmbH (C-454/12) vs Finanzamt Dresden-Süd, u Eckard Pongratz, li jaġixxi bħala kuratur tal-falliment ta’ Karin Oertel (C-455/12) vs Finanzamt Würzburg mit Außenstelle Ochsenfurt (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — VAT — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 12(3) — Anness H, Kategorija 5 — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98(1) u (2) — Anness III, punt 5 — Prinċipju ta’ newtralità — Trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika rata tal-VAT differenti għat-trasport b’taxi u għat-trasport b’karozza tal-kiri b’sewwieq)

    ĠU C 112, 14.4.2014, S. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/8


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – Pro Med Logistik GmbH (C-454/12) vs Finanzamt Dresden-Süd, u Eckard Pongratz, li jaġixxi bħala kuratur tal-falliment ta’ Karin Oertel (C-455/12) vs Finanzamt Würzburg mit Außenstelle Ochsenfurt

    (Kawżi magħquda C-454/12 u C-455/12) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - VAT - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 12(3) - Anness H, Kategorija 5 - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 98(1) u (2) - Anness III, punt 5 - Prinċipju ta’ newtralità - Trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika rata tal-VAT differenti għat-trasport b’taxi u għat-trasport b’karozza tal-kiri b’sewwieq))

    2014/C 112/09

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesfinanzhof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Pro Med Logistik GmbH (C-454/12), Eckard Pongratz, li jaġixxi bħala kuratur tal-falliment ta’ Karin Oertel (C-455/12)

    Konvenuta: Finanzamt Dresden-Süd (C-454/12), Finanzamt Würzburg mit Außenstelle Ochsenfurt (C-455/12)

    Suġġett

    Talbiet għal deċiżjoni preliminari – Bundesfinanzhof – Il-Ġermanja – Interpretazzjoni tal-Artikolu 98(1) flimkien mal-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif ukoll tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a), flimkien mal-punt 5 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendati – Prinċipju ta’ newtralità – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi trattament tal-VAT differenti fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi identiċi mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet – Trattament differenti bejn it-trasport tal-morda mwettaq b’taxi u dak imwettaq b’karozza tal-kiri b’xufier

    Dispożittiv

    1)

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001, moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud distinti, waħda mnaqqsa, l-oħra normali, sa fejn, minn naħa, minħabba r-rekwiżiti differenti legali li għalihom huma suġġetti dawn iż-żewġ tipi ta’ trasport, l-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi tikkostitwixxi aspett konkret u speċifiku tal-kategorija ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom, imsemmija f’din il-kategorija u fil-punt 5 tal-imsemmija annessi ta’ dawn id-direttivi u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija differenzi għandhom influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni tal-utent medju li jirrikorri għal wieħed jew għall-ieħor minn dawn tal-aħħar. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawżi prinċipali.

    2)

    Min-naħa l-oħra, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2001/4, moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud distinti meta, abbażi ta’ ftehim partikolari li japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi tat-taxis u għall-impriżi tal-karozzi mikrija bix-xufier li tiegħu huma partijiet, it-trasport tal-persuni bit-taxi ma jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom u din l-attività mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi ftehim hija kkunsidrata bħala li tixxiebah, mill-perspettiva tal-utent medju, mal-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bil-karozza tal-kiri bix-xufier, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika.


    (1)  ĠU C 399, 22.12.2012.


    nach oben