Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3961

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku — Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” COM(2013) 279 final

    ĠU C 341, 21.11.2013, p. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 341/77


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku — Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”

    COM(2013) 279 final

    2013/C 341/18

    Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

    Nhar it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku – Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

    COM(2013) 279 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

    Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’184 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku, li jiddefinixxi l-prijoritajiet għar-riċerka u l-investiment f'dan ir-reġjun u għandu valur miżjud Ewopew kbir, peress li ser jagħti spinta lit-tkabbir blu fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Fi ħdan dan il-qafas strateġiku, ser tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi u soċjali fir-reġjuni Atlantiċi tal-ħames Stati Membri kkonċernati: l-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall.

    1.2

    Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-approċċ tal-Pjan ta' Azzjoni huwa limitat għal strateġija ta' baċir tal-baħar, u qed jipproponi li dan ikun l-ewwel pass lejn it-tnedija ta' Strateġija Makroreġjonali li tinkorpora darba għal dejjem il-pilastru territorjali u r-rabta tiegħu mal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni. L-approċċ għandu jkun iżjed ambizzjuż sabiex, qabel l-2017, meta huwa previst li ssir valutazzjoni ta' nofs it-term, jinbidel fi Strateġija Makroreġjonali, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju.

    1.3

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma ġiex mogħni b'sistema adegwata ta' governanza, iżda jinkludi biss mekkaniżmu dgħajjef ta' implimentazzjoni. F'Opinjoni preċedenti (1), il-KESE ppropona sistema ta' governanza f'diversi livelli li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha b'approċċ minn isfel għal fuq, u li tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili jippromovu l-attivitajiet u jipprovdu l-għarfien tagħhom direttament fil-post.

    1.4

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni xoljiet l-attivitajiet tal-Forum tal-Atlantiku wara li ġie approvat il-Pjan ta' Azzjoni. Il-KESE jipproponi li l-Forum tal-Atlantiku jibqa' attiv sal-2020, u jiġu organizzati b'mod regolari konferenzi tal-partijiet interessati bil-għan li jitħeġġu l-attivitajiet u l-programmi tal-istrateġija, issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom u jiġu mobilizzati l-atturi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha tar-reġjuni tal-Atlantiku.

    1.5

    Huwa essenzjali li jibqgħu ħajjin kemm l-impenn politiku sod min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet involuti kollha: l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-atturi ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili. L-esperjenza tal-Grupp ta' Orjentazzjoni u l-Grupp ta' Tmexxija matul il-Forum tal-Atlantiku għamlet possibbli l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mir-riżorsi umani u l-materjali meħtieġa.

    2.   Sfond

    2.1

    Wara l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Makroreġjonali fil-Baħar Baltiku u r-Reġjun tad-Danubju, kien hemm diversi inizjattivi biex jiġi adottat approċċ simili għar-reġjuni tal-Atlantiku. Il-Kunsill ta lill-Kummissjoni mandat għall-iżvilupp ta' strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku. Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni fil-21 ta' Novembru 2011 (2).

    2.2

    Min-naħa tiegħu, fl-2001, il-Parlament Ewropew fassal Riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni. Il-KESE approva l-Opinjoni tiegħu fl-24 ta' Mejju 2012 (3), u l-KtR (4) fl-10 ta' Ottubru 2012. Il-Parlament, il-KESE u l-KtR laqgħu b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, iżda kkunsidraw li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ iżjed wiesa', li jinkorpora bis-sħiħ id-dimensjoni territorjali u jistabbilixxi rabtiet ċari bejn iż-żoni marittimi u dawk terrestri. Il-Kumitat ippropona approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju.

    2.3

    Il-Kummissjoni, il-PE, il-KESE u l-KtR u l-ħames Stati Membri kkollaboraw fit-tnedija tal-Forum tal-Atlantiku għat-tħejjija tal-Pjan ta' Azzjoni. Il-Forum għamel possibbli l-parteċipazzjoni ta' dawn l-Istati Membri, il-Parlament, il-KESE, il-KtR, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati kollha. Saru ħames laqgħat: f'Horta, Brest, Bilbao, Cardiff u Cork. Twaqqaf Grupp ta' Orjentazzjoni tal-Forum tal-Atlantiku li fih ħadu sehem l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ħames Stati Membri inkwistjoni, u twaqqaf ukoll Grupp ta' Tmexxija. Il-parteċipazzjoni tal-KESE għamlitha iżjed faċli li fl-avvenimenti tal-Forum jipparteċipaw rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjun tal-Atlantiku, in-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u l-atturi ekonomiċi u soċjali.

    2.4

    Fl-Opinjoni tal-KESE, ġie propost li l-għanijiet tar-reġjun tal-Atlantiku jissejsu fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020; li jibqa’ attiv anke wara t-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni; li jitneħħew il-limitazzjonijiet tat-“tliet rifjuti” (l-ebda leġislazzjoni ġdida, l-ebda finanzjament ġdid, l-ebda struttura amministrattiva ġdida); u ppropona wkoll sistema ta' governanza f'diversi livelli.

    3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: il-Pjan ta' Azzjoni

    3.1

    Il-Pjan ta' Azzjoni jiżviluppa l-Istrateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku (COM(2011 782 final) u jiddefinixxi l-prijoritajiet ta' investiment u riċerka li jinkoraġġixxu t-tkabbir blu fir-reġjun tal-Atlantiku, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli taż-żoni kostali u jħarsu l-istatus ambjentali u ekoloġiku tajjeb tal-ekosistema tal-Atlantiku.

    3.2

    Fi ħdan il-Forum tal-Atlantiku, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili ddiskutew dwar il-mod kif għandhom jindirizzaw il-ħames sfidi tal-Atlantiku identifikati fl-Istrateġija, u organizzaw ħames seminars tematiċi u konsultazzjoni onlajn.

    3.3

    Filwaqt li kkunsidrat il-ħames dibattiti li saru mal-Istati Membri u r-reazzjoni tal-Forum tal-Atlantiku, il-Kummissjoni fasslet Pjan ta' Azzjoni b'diversi oqsma prijoritarji, bil-għan li jinkoraġġixxu t-tkabbir blu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Atlantiku.

    3.4

    Il-kalendarju huwa marbut mal-Qafas Strateġiku Komuni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment. Il-Pjan ta' Azzjoni jissejjes fuq tliet pilastri ta' azzjoni: l-implimentazzjoni ta' investiment orjentat b'mod adatt; it-tisħiħ tal-kapaċità ta' riċerka; u t-titjib tal-ħiliet u tal-kwalifiki.

    3.5

    Il-Pjan ta' Azzjoni fih erba' prijoritajiet:

    3.5.1

    it-tħeġġiġ tal-ispirtu intraprenditorjali u l-innovazzjoni: il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-istabbilimenti ta' edukazzjoni għolja, l-intrapriżi u ċ-ċentri tar-riċerka; it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċitajiet ta' innovazzjoni fl-ekonomija marittima; u l-adattament u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, filwaqt li jiġi promoss il-potenzjal tar-reġjun tal-Atlantiku;

    3.5.2

    il-ħarsien, l-iżgurar u l-iżvilupp tal-opportunitajiet marbutin mal-ambjent tal-baħar u tal-kosta: it-titjib tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-baħar; l-esplorazzjoni u l-protezzjoni tal-ilmijiet tal-baħar u ż-żoni kostali; il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar; u l-isfruttament tal-potenzjal tal-ambjent tal-baħar u tal-kosta bħala sors tal-enerġija rinnovabbli;

    3.5.3

    it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-konnessjonijiet, permezz tal-kooperazzjoni bejn il-portijiet;

    3.5.4

    il-ħolqien ta' mudell sostenibbli u soċjalment inklużiv ta' żvilupp reġjonali: il-promozzjoni ta' għarfien aħjar tal-isfidi soċjali fir-reġjun u l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Atlantiku.

    3.6

    Il-kalendarju tal-Pjan ta' Azzjoni ser jagħmilha possibbli li l-Istati Membri jqisu l-prijoritajiet tagħhom fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni li qed jiġu negozjati matul l-2013 għall-perjodu 2014-2020. Il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni għandhom jikkunsidraw l-Istrateġija tal-Atlantiku biex jiddefinixxu l-oqsma prijoritarji. Il-finanzjament permezz tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni (il-FEŻR, l-FSE, il-FAEŻR u l-FEMS) tiġi kkoordinata ma' sorsi oħra ta' finanzjament.

    3.7

    Il-Pjan ta' Azzjoni ser iservi ta' gwida għall-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-fondi ġestiti minnha direttament, bħall-Orizzont 2020, LIFE+, COSME u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

    3.8

    L-investiment pubbliku għandu jinkoraġġixxi l-inizjattivi intraprenditorjali privati. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa lest ukoll li jimmobilizza l-istrumenti ta' finanzjament u l-ħiliet tiegħu biex jipprovdi appoġġ fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

    3.9

    Il-Pjan ta' Azzjoni ser iħeġġeġ it-tfassil ta' proġetti komuni għall-ħames Stati Membri, pereżempju permezz tal-Orizzont 2020, il-kooperazzjoni territorjali Ewropea li jiffinanzja l-FEŻR, il-programm Erasmus u programmi Ewropej oħra.

    3.10

    Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' implimentazzjoni li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-operaturi nazzjonali, reġjonali u lokali, u li jissorvelja l-progress miksub, filwaqt li jitqiesu t-tagħlimiet misluta mill-Forum tal-Atlantiku.

    3.11

    Il-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni ser jippromovi l-impenn politiku u s-superviżjoni, il-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-valutazzjoni. Ser ikun sempliċi u msejjes fuq strateġiji oħra. Dan il-mekkaniżmu ser jiġi definit f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati qabel tmiem l-2013, u jista' jkollu wkoll funzjoni ta' gwida għall-promoturi tal-proġetti, iservi ta' pont mal-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-programmi u jippromovi l-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Atlantiku.

    3.12

    Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex jiġi definit metodu ta' monitoraġġ. Hija prevista reviżjoni ta' nofs it-term tal-implimentazzjoni qabel tmiem l-2017, akkumpanjata minn valutazzjoni indipendenti.

    3.13

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jeżaminaw ukoll il-possibbiltà li fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija jipparteċipaw ukoll l-imsieħba internazzjonali fl-Amerika u l-Afrika.

    4.   Kummenti ġenerali dwar il-Pjan ta' Azzjoni: l-Istrateġija tal-Atlantiku hija strateġija tal-baċir tal-baħar

    4.1

    Il-KESE appoġġja l-Politika Marittima Integrata f'Opinjonijiet preċedenti. Minn mindu ġie ppubblikat il-Blue Book “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, ingħata bidu għal mod ġdid kif jiġu indirizzati l-politiki marbutin mal-baħar, permezz ta' strumenti orizzontali komuni, u approċċ favur it-tkabbir tas-setturi marittimi.

    4.2

    Il-politika marittima integrata enfasizzat id-dimensjoni marittima tal-UE u stabbilixxiet is-sisien għall-iżvilupp ekonomiku tal-ibħra u l-isfruttament tagħhom b'mod sostenibbli, permezz ta' approċċ transsettorjali u integrat.

    4.3

    Dan l-approċċ il-ġdid għall-kwistjonijiet marittimi ngħata spinta ġdida permezz tal-Inizjattiva tat-“Tkabbir Blu” fil-Komunikazzjoni “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012) 494 final). Din l-inizjattiva tenfasizza l-kontribut importanti tal-ekonomija blu għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjieg fl-Ewropa. L-ekonomija l-blu hija l-pilastru marittimu tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    4.4

    F'Opinjoni tiegħu dwar it-Tkabbir Blu (5), il-KESE argumenta li dan l-approċċ huwa “t-tkomplija loġika u meħtieġa tal-ħidma li saret biex tiġi implimentata Politika Marittima Integrata (PMI) fl-Unjoni Ewopea”.

    4.5

    Il-Pjan ta' Azzjoni huwa pass ġdid li għandu jikkontribwixxi biex iż-żoni marittimi tal-Atlantiku jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku u ta' ħolqien tal-impjieg. Fl-Istrateġija tal-Atlantiku u l-Pjan ta' Azzjoni marbut magħha huwa mistenni li l-Politika Marittima Integrata u l-Inizjattiva tat-“Tkabbir Blu” jiġu implimentati b'mod adatt għall-karatteristiċi partikolari tal-baċir tal-Atlantiku.

    4.6

    Fl-istrateġiji tal-baċir tal-baħar, l-attivitajiet marittimi jiġu xprunati skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull baċir, liema ħaġa tikkontribwixxi għal strateġija iżjed effettiva li tirrifletti l-potenzjal tal-Atlantiku. Din il-ħidma titlob il-kooperazzjoni tal-operaturi fil-livell transsettorjali, transkonfinali u transnazzjonali.

    4.7

    Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jkun orjentat mhux biss lejn is-setturi emerġenti, iżda wkoll dawk tradizzjonali, bħas-sajd jew it-trasport marittimu, setturi li għandhom jiġġeddu bil-għan li tiżdied il-kompetittività u titnaqqas l-impronta ambjentali tagħhom. Jekk jinkorporaw teknoloġiji u proċessi innovattivi, dawn is-setturi tradizzjonali jkomplu jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjieg fir-reġjun tal-Atlantiku.

    4.8

    Madankollu, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tikkunsidra li l-azzjonijiet ta' riċerka dwar l-ambjent tal-baħar huma prijoritarji, iżda huwa tal-fehma li għandhom ikunu prijoritarji wkoll l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet u l-opportunitajiet tas-setturi industrijali li huma involuti b'mod dirett fil-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku.

    4.9

    L-appoġġ għall-kompetittività tal-SMEs ma għandux ikun limitat għas-setturi tat-turiżmu, l-akkwakultura u s-sajd, iżda għandu jiġi estiż ukoll għall-oqsma kollha previsti fil-Pjan ta' Azzjoni, bħall-bini tal-bastimenti, b'industrija sekondarja b'saħħitha, l-attivitajiet portwarji, l-enerġija rinnovabbli tal-baħar u l-bijoteknoloġija, li huma setturi li attwalment għandhom bażi intraprenditorjali soda f'għadd ta' reġjuni tal-Atlantiku.

    4.10

    Il-Kumitat jemmen li huma l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi li jiġġeneraw dinamiżmu ekonomiku fiż-żoni l-iżjed imbiegħda. Huwa fundamentali li anke dawn l-intrapriżi jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Atlantiku.

    4.11

    Il-KESE jipproponi li jinstab bilanċ aħjar bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali: l-Opinjoni li diġà ssemmiet hawn fuq dwar it-“tkabbir blu” tisħaq fuq l-importanza tal-fattur uman fl-ekonomija marittima u tixħet dawl fuq il-kundizzjonijiet diffiċli li sikwit in-nies ikollhom jaħdmu fihom.

    4.12

    Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jkopri t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards soċjali tal-professjonijiet fil-qasam tal-baħar, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-armonizzazzjoni tal-kwalifiki professjonali. Għandhom jitħeġġu t-taħriġ u r-riċiklaġġ fost il-popolazzjonijiet tal-kosta bil-għan li jiġi ffaċilitat l-adattament tal-ħaddiema kemm għall-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali kif ukoll għall-professjonijiet ġodda. Għandhom jitjiebu l-immaġni u l-kwalità tal-professjonijiet marittimi sabiex b'hekk jiġbdu aktar liż-żgħażagħ lejhom.

    4.13

    L-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda għandu jimxi id f'id mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Il-programmi ta' riċerka f'dan il-qasam għandhom jissaħħu fil-Pjan ta' Azzjoni. Ir-riċerka maħsuba biex jiġi evitat l-impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar ser tnaqqas l-inċertezzi li jġibu magħhom dawn l-attivitajiet, pereżempju l-enerġija mill-baħar, il-modernizzazzjoni tal-portijiet, l-akkwakultura u t-turiżmu marittimu. Riċerka ta' din ix-xorta tħaffef il-proċess tal-ksib tal-awtorizzazzjonijiet.

    4.14

    Il-KESE huwa tal-fehma li mudell sostenibbli u soċjalment inklużiv ta' żvilupp reġjonali għandu jippreżerva l-kultura marittima tal-Atlantiku, li hija marbuta mill-qrib mal-forma tradizzjonali ta' ħajja ta-popolazzjonijiet tal-kosta, u li tikkostitwixxi parti importanti ħafna mill-wirt u l-identità kulturali.

    4.15

    Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu kkompletati l-Pjan ta' Azzjoni u l-azzjonijiet prijoritarji tiegħu, bl-adozzjoni ta' miżuri leġislattivi bil-għan li l-qafas regolatorju jkun strutturat aħjar u iżjed ċar għas-setturi marittimi.

    4.16

    Il-KESE jaqbel li l-istrateġija tinkludi wkoll relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tan-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Il-Kumitat jemmen li huwa fundamentali li jitnedew ftehimiet ta' kooperazzjoni f'dak li jirrigwarda r-riċerka, mhux biss mal-Istati Uniti u l-Kanada, iżda wkoll mal-Amerika Ċentrali, l-Amerika t'Isfel u l-Afrika.

    5.   Il-proposta tal-KESE: it-trasformazzjoni tal-istrateġija tal-baċir tal-baħar fi strateġija makroreġjonali

    5.1

    L-Istrateġija tal-Atlantiku u l-Pjan ta' Azzjoni marbut magħha huma ta' natura esklużivament marittima, b'konformità mal-ftehim adottat mill-Kunsill tal-Ministri.

    5.2

    L-UE nediet l-istrateġiji makroreġjonali. Fil-ġejjieni, dawn il-politiki ser jissaħħu fil-qafas tal-kompetenzi previsti fit-Trattat għat-titjib tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

    5.3

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-istrateġija marittima għall-baċir tal-Atlantiku għandha tkopri b'mod deċiżiv il-pilastru territorjali u r-rabta tiegħu mal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni.

    5.4

    Il-Kumitat diġà esprima ruħu f'Opinjoni oħra (6) dwar dan meta qal: “(I)l-KESE jipproponi approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju (…) Id-dimensjoni marittima Atlantika tikkawża ħafna mill-isfidi u opportunitajiet taż-Żona tal-Atlantiku, iżda meta jitqies li r-relazzjoni tagħha mat-territorju hija fundamentali, il-KESE jipproponi li flimkien mad-dimensjoni marittima tiġi inkorporata dik territorjali. It-territorju kontinentali jamministra u jiżviluppa l-artijiet interni, li mingħajrhom it-tisħiħ tal-potenzjal marittimu jkun nieqes minn kull sinifikat. Il-kosta marittima teħtieġ art interna attiva, dinamika u b’sinerġiji li jippermettu l-iżvilupp konsistenti tar-reġjun kollu.”

    5.5

    Ir-reġjuni tal-Atlantiku għandhom jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom fi ħdan qafas koerenti bejn il-politika marittima u dik territorjali. L-iżvilupp tal-attivitajiet fil-portijiet mhuwiex possibbli mingħajr ma dan ikun marbut mal-investiment fit-territorju għat-trasport ferrovjarju, jew it-trasport bit-triq; lanqas mhu possibbli l-iżvilupp tal-enerġija mill-baħar mingħajr ma jkun marbut mal-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija; jew il-konservazzjoni tal-kosta u tal-ambjent tal-baħar mingħajr ma jkunu marbutin mas-sistemi tat-trattament tal-ilma fil-bliet u l-irħula li jinsabu fl-intern tal-kosta tal-Atlantiku.

    5.6

    Għaldaqstant, il-Kumitat jemmen li fir-reġjun tal-Atlantiku l-kwistjonijiet marittimi ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr ma jitqies it-territorju kollu: dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-aġenda ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun inġenerali. Huwa biss bit-tisħiħ tal-interazzjoni armonjuża bejn l-attivitajiet marittimi u terrestri li jistgħu jinkisbu l-benefiċċji kollha tat-tkabbir blu.

    5.7

    Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-istrateġija marittima għall-Atlantiku tinbidel fi strateġija makroreġjonali, fuq il-bażi tal-Pjan ta' Azzjoni.

    6.   Governanza

    6.1

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni b'mod vag. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (7), il-Kumitat ippropona sistema ta' governanza f'diversi livelli li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha.

    6.2

    Il-finanzjament tal-Pjan ta' Azzjoni, permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej differenti u l-fondi assoċjati ma' politiki Ewropej ġestiti direttament mill-Kummissjoni, titlob koordinazzjoni intensiva bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

    6.3

    It-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni wara l-laqgħat tal-Forum tal-Atlantiku kien immexxi mill-Grupp ta' Orjentazzjoni u l-Grupp ta' Tmexxija, magħmulin minn rappreżentanti tal-ħames Stati Membri tal-Atlantiku u l-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-reġjuni tal-Atlantiku kienu involuti fil-Grupp ta' Tmexxija u permezz tal-istatus tagħhom ta' osservaturi, u l-atturi soċjoekonomiċi tal-Atlantiku kienu rappreżentati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-parteċipazzjoni tal-atturi soċjoekonomiċi tal-Atlantiku kienet numeruża u entużjasta, kemm fil-ħames konferenzi kif ukoll fil-konsultazzjoni.

    6.4

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni xoljiet l-attivitajiet tal-Forum tal-Atlantiku wara li ġie approvat il-Pjan ta' Azzjoni u ma tawlitx l-eżistenza tiegħu biex ikopri l-perjodu kollu tal-Istrateġija, jiġifieri sal-2020.

    6.5

    Il-KESE jemmen li huwa fundamentali li d-dinamika u l-livell tal-parteċipazzjoni jinżammu matul il-Forum tal-Atlantiku, sabiex il-partijiet interessati kollha jkomplu jkunu involuti bis-sħiħ (ir-reġjuni, is-settur privat u s-soċjetà ċivili) fil-fażijiet li jmiss: l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

    6.6

    Is-sistema ta' governanza hija fundamentali. Għalhekk, il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni jiddedika biss taqsima żgħira lil din il-kwistjoni, intitolata “Appoġġ”. Hawnhekk jiġi propost, b'mod vag, li jinħoloq “mekkaniżmu (…) ta’ implimentazzjoni” li l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tiegħu għandhom jiġu stabbiliti aktar tard.

    6.7

    Ir-regola tat-“tliet rifjuti” tmur kontra l-istabbiliment ta' strutturi amministrattivi ġodda, iżda dan ma jimpedixxix il-ħolqien ta' sistema ta' governanza f'diversi livelli, ta' natura parteċipattiva, li tixbah lil dawk stabbiliti għall-istrateġiji tal-Baltiku u tad-Danubju.

    6.8

    Il-KESE jipproponi li tiġi implimentata governanza ġenwina f'diversi livelli, li tkun parteċipattiva, li tibni fuq l-approċċ min isfel għal fuq, u li tagħmilha possibbli li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-entitajiet reġjonali u lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili tal-Atlantiku jmexxu l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u jikkontribwixxu l-għarfien dirett tagħhom fil-post.

    6.9

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li r-reġjuni jipparteċipaw fil-governanza tal-Istrateġija tal-Atlantiku. Ir-reġjuni Atlantiċi Ewropej jafu sew li l-baħar jagħmel parti fundamentali mill-mod ta' għajxien tagħhom. Fil-livell politiku, huma bosta r-reġjuni tal-Atlantiku li għandhom kompetenzi wesgħin biex ifasslu u jimplimentaw l-istrateġiji u l-politiki settorjali marbutin mal-attivitajiet marittimi u tat-territorji kostali.

    6.10

    L-operaturi ekonomiċi u soċjali ta' dawn ir-reġjuni huma l-partijiet interessati prinċipali u jimpenjaw ruħhom fl-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjieg fl-ekonomija l-blu. Għandhom l-għarfien u l-istituzzjonijiet li joperaw fil-post.

    6.11

    Il-Kumitat jipproponi li jekk il-Forum tal-Atlantiku jibqa' attiv, ikunu jistgħu jiġu organizzati b'mod regolari konferenzi tal-partijiet interessati bil-għan li jitħeġġu l-attivitajiet u l-programmi tal-istrateġija, issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom u jiġu mobilizzati l-atturi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha.

    6.12

    Il-KESE jipproponi wkoll li tiġi enfasizzata n-natura Ewropea ta' din l-istrateġija. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, fl-istrutturi ta' governanza. Il-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni billi żżomm ħajja d-dinamika, billi taqdi rwol ta' faċilitatur u tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. Jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi adegwati għad-dispożizzjoni tagħha.

    6.13

    Il-Kumitat jipproponi li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-netwerks tal-Atlantiku: il-Kummissjoni tal-Ark tal-Atlantiku tal-awtoritajiet reġjonali, in-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku tal-atturi ekonomiċi u soċjali, u l-Konferenza tal-Bliet tal-Ark tal-Atlantiku. Dawn in-netwerks jaqdu rwol deċiżiv biex jagħtu spinta lill-impenn li daħlu għalih l-atturi kollha u jirrappreżentaw valur miżjud Ewropew kbir. Huma stabbiliti sew fit-territorju, għandhom firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni u għarfien fil-fond taż-żona tal-Atlantiku, inklużi l-problemi u l-atturi tagħha. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tiggarantixxi approċċ f'diversi livelli, transnazzjonali u transsettorjali. Dawn in-netwerks isawru wkoll rabta mar-realtà, il-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-Atlantiku li, f'ħafna każijiet, jinsabu 'l bogħod mill-bliet kapitali tal-Istati Membri.

    7.   Finanzjament

    7.1

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jinkludu l-prijoritajiet tar-reġjuni tal-Atlantiku fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni għall-perjodu 2014-2010 tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

    7.2

    Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni fil-fondi ġestiti minnha direttament, bħall-Orizzont 2020, LIFE+, COSME u l-FEMS.

    7.3

    Il-kooperazzjoni fil-livell transkonfinali u transnazzjonali għandha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, minħabba l-valur miżjud Ewropew tagħha u l-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-isfidi tar-reġjun tal-Atlantiku f'kundizzjonijiet aħjar milli l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu individwalment. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-ikbar valur miżjud fi ħdan din il-kooperazzjoni, u huwa hawnhekk fejn jeħtieġ li jiġi adottat approċċ Ewropew.

    7.4

    Fid-dawl tal-fatt li mhux ser jiġi allokat baġit speċifiku, jeħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi jaġixxu b'mod koerenti u komplementari.

    7.5

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn l-azzjonijiet pubbliċi jiffaċilitaw it-tnedija ta' investimenti u inizjattivi privati. Il-kooperazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment hija fundamentali, u għandu jikkoopera b'mod attiv fl-istrateġija.

    Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

    (2)  COM(2011) 782 final

    (3)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

    (4)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 1

    (5)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 87.

    (6)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

    (7)  Ibid.


    Top