Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE0955

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli — Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE” (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 341, 21.11.2013, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 341/11


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli — Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE” (opinjoni esploratorja)

    2013/C 341/03

    Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

    Nhar is-6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli – Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE

    (opinjoni esploratorja)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

    Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar it-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 92 vot favur, 52 vot kontra u 21 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll lill-"grupp ta' ħidma miftuħ", stabbilit mis-67 assemblea ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta' Diċembru 2012, li jiġi applikat u mitlub il-metodu ta' valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali ex ante kemm għal dak li jikkonċerna l-fażi ta' identifikazzjoni tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-proċess ta' negozjazzjoni dinjija tal-għanijiet maħsuba biex jinkiseb valur applikabbli universalment, sabiex jinkisbu l-mezzi biex jinħoloq bilanċ bejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jistgħu jinħolqu jew jeżistu flimkien fost is-setturi jew iż-żoni ġeografiċi u tal-attivitajiet.

    1.2

    Il-programmi soċjali essenzjali kollha sabiex jitwettqu l-objettivi kollha tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkonċernaw l-edukazzjoni u s-saħħa, kif ukoll dawk maħsuba għaż-żgħażagħ bla xogħol, m'għandhomx iġarrbu tnaqqis baġitarju.

    1.3

    Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-UE li timpenja ruħha għat-twettiq tal-Istrateġija 2020 permezz tas-Semestru Ewropew, billi tieħu l-opportunità biex tagħmel ir-rieda tagħha sinifikanti billi tipproponi strateġija soċjali, ekonomika u ambjentali "mhux frammentata" kif ukoll permezz ta' strateġija Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli integrat.

    1.4

    Jissuġġerixxi li s-soċjetà ċivili Ewropea tkun involuta fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-KES nazzjonali u istituzzjonijiet simili.

    1.5

    Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej biex:

    1.5.1

    ikomplu attivament bl-isforzi tagħhom dwar is-sħubija għall-iżvilupp permezz tal-Aġenda għall-Bidla tal-UE u l-politika esterna tal-għajnuna għall-iżvilupp u ta' kooperazzjoni, u min-naħa l-oħra jqisu l-interessi tagħhom u tal-imsieħba tagħhom fin-negozjati kummerċjali esterni bilaterali u multilaterali, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

    1.5.2

    isaħħu u jagħmlu stabbli l-mudell soċjali Ewropew sabiex ikollhom bażi soda u kompetittività li tibbaża mhux biss fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni teknoloġika tagħhom iżda wkoll ta' innovazzjoni lejn il-progress soċjali;

    1.5.3

    jużaw ir-riżorsi kollha li għandhom bil-għan li jiżviluppaw ekonomija ekoloġika, li hija effiċjenti fir-riżorsi u l-enerġija primarja u sekondarja, li hija ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tagħhom u, permezz ta' trasferimenti ekwi tat-teknoloġiji, għall-imsieħba kummerċjali tagħhom, ekonomija li tibbaża fuq tranżizzjoni tal-enerġija ffukata fuq il-kontroll tal-ħtiġijiet, il-provvista tal-aqwa teknoloġiji għall-ħżin tas-CO2 u b'emissjonijiet baxxi tas-CO2;

    1.5.4

    isaħħu s-servizzi pubbliċi u ta' interess ġenerali sabiex l-Ewropa tkun żona ta' prosperità ġusta fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll fil-preżenza tagħha barra mill-fruntieri tagħha, fid-delegazzjonijiet u l-kooperazzjoni pubblika tagħha.

    1.5.5

    jiddefinixxu servizzi pubbliċi fl-Ewropa, fuq il-bażi tad-drittijiet fundamentali ggarantiti liċ-ċittadini Ewropej, permezz ta' direttiva qafas dwar is-servizzi pubbliċi, li tmur lil hinn mill-approċċ ta' awtoregolazzjoni pura;

    1.5.6

    jirrikjedu li l-intrapriżi Ewropej u mhux Ewropej li jinsabu fit-territorju tagħhom iżidu dimensjoni effettiva mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji relatata mal-ambjent. Fil-fatt, l-intrapriżi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tal-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-ġestjoni tagħhom. Din ir-responsabbiltà għandha tkun espliċitament implimentata fil-katina tal-kuntrattur/sottokuntratturi tal-livell transnazzjonali fil-livell lokali, u għandha tkun stabbilita b'mod sod, trasparenti u traċċabbli. It-trasparenza u l-indipendenza għandhom jikkonċernaw ukoll lill-aġenziji ta' klassifikazzjoni u valutazzjoni;

    1.5.7

    iħeġġu u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dik ibbażata fuq is-solidarjetà;

    1.5.8

    jaġixxu b'mod effettiv fuq il-kwistjonijiet ambjentali, billi jiggarantixxu dritt universali ġenwin għall-informazzjoni ambjentali u implimentazzjoni mtejba tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u, aktar speċifikament, jagħtu s-setgħa lill-impjegati, permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom fl-intrapriża, b'kapaċitajiet ta' twissija fil-qasam ambjentali;

    1.5.9

    jiddirezzjonaw mill-ġdid il-kompiti tal-banek u jorjentaw it-tfaddil lejn l-industrija u l-ekonomija msejħa reali, sabiex tiġi promossa t-transizzjoni ekoloġika, il-finanzjament u l-produzzjoni u l-adattament tal-akkomodazzjonijiet, l-edukazzjoni, il-politiki tal-enerġija u s-sikurezza alimentari, l-aċċess għall-ilma, l-isptarijiet, l-infrastruttura tat-triq, tal-port u tal-ferrovija, eċċ. li fl-Ewropa u fid-dinja huma l-kundizzjonijiet indispensabbli ta' żvilupp sostenibbli kemm jekk hu ekonomiku, tal-bniedem jew ambjentali;

    1.6

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex:

    1.6.1

    timpenja ruħha bil-għan li tonqos l-ispekulazzjoni finanzjarja u jiġi promoss l-investiment aktar fit-tul;

    1.6.2

    tiġġieled kontra x-xogħol informali mhux dikjarat jew dikjarat ħażin fl-Ewropa u barra mill-Ewropa permezz ta' intrapriżi Ewropej tal-partijiet interessati, sabiex jiġu applikati r-regoli internazzjonali tax-xogħol, il-ġbir ta' kontribuzzjonijiet soċjali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus billi titwaqqaf sistema tajba ta' sanzjonijiet u jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kontrolli indipendenti (spezzjoni tax-xogħol);

    1.6.3

    tiġġieled ukoll kontra kull forma ta' tnaqqis fl-istandards internazzjonali tax-xogħol, ta' divalorizzazzjoni tax-xogħol u tad-dinjità ta' ċerti ħaddiema (dawk kollha li mhux qed jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom) u tippromovi kultura ġenerali ta' impjiegi stabbli u ta' protezzjoni soċjali sigura, li tiggarantixxi prosperità u kumdità soċjali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Id-deċiżjoni li jinbeda proċess li għandu jwassal għall-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli kienet waħda mid-deċiżjonijiet prinċipali tal-Konferenza Rio+20. Il-proċess beda f’Jannar 2013 bit-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma miftuħ ta’ natura intergovernattiva, inkarigat sabiex jippreżenta, bejn Settembru 2013 u Settembru 2014, rapport u proposta lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont id-dokument finali tal-Konferenza Rio+20, dan il-proċess għandu jiġi kkoordinat mal-attivitajiet relatati mal-programm ta’ żvilupp ta' wara l-2015.

    2.2

    Din l-opinjoni hija marbuta mal-opinjoni fuq inizjattiva proprja tas-Sezzjoni NAT li ġiet adottata mill-KESE f'Ġunju 2013 dwar “L-Ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (1) u mal-opinjoni tas-Sezzjoni REX dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ħajja diċenti għal kulħadd - Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” (2). F’perspettiva Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli, ikun xieraq li jiġi mħares u kkonsolidat il-mudell soċjali Ewropew inseparabbli mit-transizzjoni b’suċċess lejn ekonomija ekoloġika. L-istennija ta’ ftehim internazzjonali dwar id-definizzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) ma tistax isservi ta’ skuża biex jiġu postposti jew imnaqqsa l-impenji meħuda fil-qafas tal-politiki ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni mill-pajjiżi industrijalizzati.

    2.3

    Bl-ittra ta’ riferiment relatata ma’ din l-opinjoni esploratorja, il-Kummissjoni tistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, ekonomija ekoloġika inklużiva u l-qerda tal-faqar. Hija titlob li jiġi determinat kif jistgħu jiġu integrati b’suċċess id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-għanijiet universali futuri ta’ żvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, hija tixtieq li l-perspettivi tas-sieħba internazzjonali tal-Kumitat ilaħħmu d-diskussjoni.

    2.4

    Tul iż-żewġ laqgħat tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu, il-KESE ħejja seduta ta' smigħ tar-rappreżentanti tal-gruppi prinċipali ("Major Groups") rikonoxxuti min-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-Konferenza Rio+20.

    2.5

    In-NU, min-naħa tagħhom, waqqfu Grupp ta' Livell Għoli magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet sabiex jipproponi rapport inizjali f'Settembru 2013, u fl-14 ta' Mejju, is-sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, is-Sur Achim Steiner, indirizza lill-KESE u lil rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili dwar it-tema "Inwettqu progress fl-iżvilupp wara l-Konferenza Rio+20". Huwa esprima l-ħtieġa li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni kompletament inklużiv dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li għandhom jinvolvu lill-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Is-Sinjura Kitty van der Heijden, l-ambaxxatriċi tal-Pajjiżi Baxxi għall-iżvilupp sostenibbli u membru tal-"grupp ta' ħidma miftuħ", qasmet l-esperjenza tagħha mal-grupp ta' ħidma tan-NU.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   L-idea li jiġu inklużi l-SDG fid-dikjarazzjoni Rio+20 ġiet introdotta mill-Gvernijiet tal-Kolombja, il-Gwatemala u l-Perù. Abbażi tal-Aġenda 21 u l-Pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Johannesburg, huma rrakkomandaw, fi proposta konġunta, li tiġi stabbilita firxa limitata ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu sabiex tiġi żgurata mobilizzazzjoni politika mġedda favur l-iżvilupp sostenibbli. Dawn it-tliet pajjiżi tal-Amerika Latina (flimkien mal-kontribut ulterjuri tal-Emirati Għarab Magħquda) ipproponew tmien oqsma ta’ azzjoni possibbli għall-SDG: sikurezza tal-ikel, ilma, enerġija, bliet, oċeani, sistemi naturali, użu effiċjenti tar-riżorsi, u impjieg.

    3.2   Skont id-dokument finali tal-Konferenza Rio+20 bit-titolu “Il-futur li nixtiequ”, l-SDG għandhom:

    ikunu bbażati fuq l-Azzjoni 21 u fuq il-Pjan ta’ implimentazzjoni ta’Johannesburg;

    ikunu bbażati fuq l-impenji preċedenti;

    jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma prijoritarji għall-għanijiet tal-kisba ta’ żvilupp sostenibbli, b’konformità mad-dokument finali;

    iqisu, b’mod bilanċjat, it-tliet partijiet tal-iżvilupp sostenibbli u r-rabtiet li jeżistu bejniethom;

    ikunu konformi ma’ u integrati fil-programm ta’ żvilupp tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal wara l-2015;

    ma jnessux l-għanijiet ta’ żvilupp tal-Millennju;

    jipprevedu parteċipazzjoni attiva mill-partijiet interessati kollha tal-proċess, skont il-każ.

    Barra minn hekk, huma għandhom ikunu konkreti, fil-qosor, faċli biex jinftiehmu, f’numru limitat, ambizzjużi, ta’ firxa mondjali u li jistgħu jiġu applikati fil-pajjiżi kollha (jitqiesu r-realtajiet rispettivi ta’ dawn il-pajjiżi).

    3.3   Idealment, il-Konferenza ta' Rio +20 titlaq bi pjan direzzjonali fejn tiġi ppreżentata dinja li fiha kull bniedem jista’ jgawdi d-drittijiet tiegħu u jgħix f’kundizzjonijiet ugwali, mingħajr ma jiġi soġġett għall-inġustizzja tal-faqar, u f’armonija mar-riżorsi tal-pjaneta.

    3.3.1

    Skont Oxfam International (Oxfam, L-Għanijiet ta' Żvilupp għal wara l-2015: il-Pożizzjoni ta' Oxfam International, Jannar 2013), pereżempju, il-qafas għal wara l-2015 għandu jappoġġja din il-viżjoni, jiddefinixxi l-għanijiet li jirriżultaw minnha u jagħti dettalji dwar l-approċċ li rridu nsegwu biex din issir realtà. Sabiex jintlaħaq il-benessri ta’ kulħadd filwaqt li jiġu rispettati l-kapaċitajiet tal-pjaneta jeħtieġ li l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku jiġi aġġustat b’mod fundamentali.

    3.3.2

    Dejjem skont din l-NGO, id-dibattiti rigward wara l-2015 jibqgħu inċerti dwar ir-rwol li għandu jkollu l-qafas, u kif dan jista' jwassal għal bidla konkreta tas-sitwazzjoni tal-persuni li jgħixu fil-faqar. Huwa kruċjali li jintlaħaq ftehim dwar il-mod kif ser jinkisbu l-għanijiet sabiex dan jiġi definit b'mod preċiż. Dawn l-għanijiet għandhom iservu biex tiġi stimolata r-rieda politika u l-inizjattivi pubbliċi maħsuba biex jeqirdu l-faqar u l-inugwaljanzi u biex jipproteġu l-pjaneta, billi:

    jesprimu viżjoni u prijoritajiet komuni għall-awtoritajiet pubbliċi u l-komunità internazzjonali, li jservu ta' bażi għal bidliet radikali;

    jagħtu liċ-ċittadini għodda b'saħħitha biex jieħdu azzjoni għad-difiża tal-kawża sabiex iwettqu bidliet fil-politika, jobbligaw lis-setgħat pubbliċi u lis-settur privat jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jniedu l-inizjattivi tagħhom favur il-bidla;

    iħeġġu l-bidla fil-livell tal-politika u proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni nazzjonali permezz ta' teħid ta' azzjoni għad-difiża tal-kawża, il-finanza, il-pressjoni mill-pari (pereżempju minn pajjiżi oħra jew mil-livell reġjonali) kif ukoll trasparenza akbar u ġbir aħjar tad-data, li għandhom jakkumpanjaw l-għanijiet il-ġodda;

    jiġi faċilitat id-djalogu u tissaħħaħ ir-responsabbilizzazzjoni fil-livelli kollha: bejn l-Istati u ċ-ċittadini tagħhom, l-Istati u s-settur privat, l-Istati u l-korpi intergovernattivi, bejn l-imsieħba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u bejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi responsabbli;

    jissaħħu l-pertinenza, il-koerenza u t-trasparenza tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet internazzjonali, bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

    3.4   Ekoloġizzazzjoni tal-intrapriżi u ħolqien ta’ impjiegi

    3.4.1

    Kull irkupru sostenibbli tal-ekonomija reali jrid bilfors jgħaddi minn mudell ta’ produzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Filwaqt li tappoġġja qafas politiku Ewropew fir-rigward tal-klima aktar komplet u aktar ambizzjuż sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi usa’ għall-Orizzont 2050, l-Ewropa għandha tappoġġja l-bażi industrijali tagħha u l-oqsma u l-kompetenzi marbuta magħha.

    3.4.2

    L-isfidi prinċipali huma li nagħrfu kif nilħqu l-għan ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’emissjoni baxxa ta’ karbonju u kif għandha tiġi mmaniġġjata din it-transizzjoni. Għandha tingħata importanza lil żewġ punti: il-politika industrijali li għandna nsegwu biex naslu għal ekonomija ekoloġika li tħares il-bażi industrijali tagħha u l-perspettivi tal-impjieg f’dan il-qafas (Béla Galgóczi, L-ekoloġizzar tal-industriji u l-ħolqien tal-impjiegi, ETUI, 2012).

    3.4.3

    L-industrija għandha rwol mexxej fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-iskambji kummerċali u fuq skala iżgħar fil-qasam tal-investiment. It-transizzjoni lejn mod ta' żvilupp b'livell baxx ta' karbonju – fejn titjieb l-effiċjenza fl-enerġija, il-valorizzazzjoni tax-xogħol sostenibbli u l-protezzjoni tas-saħħa – saret kruċjali.

    3.4.4

    L-Ewropa qed tesperjenza waħda mill-iktar rati baxxi ta' tkabbir fl-istorja tagħha mill-1929, iżda żewġ fatturi huma meħtieġa u essenzjali sabiex jitwettqu l-għanijiet futuri għal żvilupp sostenibbli fit-tul: 1) emissjoni baxxa tas-CO2, 2) demokrazija.

    3.4.5

    L-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha ta' riċerka u żvilupp sabiex toħloq l-għadd ta' impjiegi meħtieġa għall-popolazzjoni attiva tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet futuri tal-iżvilupp iġġenerati minn rati ogħla ħafna ta' tkabbir f'kontinenti oħra, f'oqsma varjati bħalma huma s-servizzi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-enerġija, l-akkomodazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-agrikoltura u l-ikel, eċċ.

    3.5   L-impjieg, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir sostenibbli għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjoni, fl-UE u fuq skala mondjali.

    3.5.1

    Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) irrikonoxxa li t-trattament ta’ awsterità kien aktar radikali milli kien ħaseb qabel. Minn dan nitgħallmu li d-doża għandha titnaqqas. Il-programmi soċjali essenzjali kollha, li jikkonċernaw kemm l-edukazzjoni kif ukoll is-saħħa jew dawk maħsuba għaż-żgħażagħ bla xogħol, m'għandhomx iġarrbu tnaqqis baġitarju. Il-ħtieġa ta’ finanzjament fl-Istati Membri tal-UE hija kritika wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali u r-rifinanzjament tal-ekonomija reali mhuwiex kopert biżżejjed mill-ftehim tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE. Il-miżuri rrakkomandati mit-trojka Bank Dinji, FMI u Kunsill tal-UE ma jippermettux li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-irkupru ekonomiku ta’ tkabbir sostenibbli.

    3.5.2

    Il-politiki soċjali intelliġenti – bħall-programmi li jgħinu lill-persuni qiegħda jfittxu xogħol jew is-sistemi li jiftħu s-sigurtà soċjali għall-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna – ma jistgħux jitqiesu biss bħala spiża. Dan huwa investiment għall-futur.

    3.5.3

    Iż-żgħażagħ kienu milquta b’mod partikolari fiż-żona tal-euro kollha, bil-qgħad fost iż-żgħażagħ jilħaq it-22 %, u jaqbeż anke l-50 % f’ċerti pajjiżi bħal Spanja u l-Greċja. Fl-2010, ir-rata tal-impjieg ta' natura temporanja taż-żgħażagħ minn 15 sa 24 sena kienet ogħla mill-50 % u kważi laħqet is-70 % (Eurofound, It-tielet sondaġġ dwar il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa, 2012);

    3.5.4

    Kullimkien, il-popli ħallsu prezz qares biex jirranġaw il-konsegwenzi diżastrużi tal-prattiki li rriżultaw irresponsabbli tas-settur finanzjarju.

    3.5.5

    L-UE għandha tagħti aktar importanza lid-dimensjoni soċjali, b’mod partikolari lid-djalogu soċjali, kif preveda l-pjan direzzjonali maħsub biex jikkompleta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea. Hija għandha tgħin lill-Istati Membri biex jistabbilixxu skemi ta’ garanziji għaż-żgħażagħ, itejbu d-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni industrijali, isaħħu s-servizzi tas-suq tax-xogħol, iżidu l-ħolqien ta’ impjiegi u jsaħħu l-investiment soċjali (ILO, Guy Ryders, L-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda tal-UE, 14 ta' Frar 2013).

    4.   L-Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew

    4.1

    Mill-ewwel seduti organizzati mill-KESE ħareġ li l-korrelazzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet tas-soċjetà ċivili miġbura mill-UE u dawk li tibbaża fuqhom is-sistema tan-NU permezz ta' konsultazzjoni diretta mhux qed tintlaqa' bil-komprensjoni u t-trasparenza li ċ-ċittadini Ewropej huma intitolati jistennew. Il-kontribuzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili jinsabu flimkien mal-kontribuzzjonijiet ta' dawk tal-gruppi ta' pressjoni ta' interess privat, fl-istess livell ta' dawk tal-gvernijiet, fi skeda li talloka ftit li xejn spazju biex jitħejjew dibattiti b'kunsiderazzjoni għall-indipendenza tal-organizzazzjonijiet u l-awtonomija tad-djalogu soċjali. Barra minn hekk, l-impressjoni li nħolqot tul is-segwitu tax-xogħlijiet tal-Konferenza ta' Rio+20, u tal-"grupp ta' ħidma miftuħ" hija dik ta' xenarju maħsub biex iniedi mill-ġdid approċċ predeterminat, daqslikieku d-damma diġà ntefgħet xi mkien ieħor.

    4.2

    Fortunatament, l-UE ddeċidiet li timplimenta l-approċċ kollu permezz tal-ekoloġizzazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tas-Semestru Ewropew sabiex tagħmel kontribut Ewropew armonizzat fejn l-Ewropa timplimenta u titkellem b'vuċi waħda fuq il-livell dinji.

    4.3

    Illum il-ġurnata huwa importanti li jiġi integrat it-tħassib marbut mal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma prinċipali tal-politika li attwalment huma l-Istrateġija “Ewropa 2020” u s-Semestru Ewropew, l-element prinċipali ta’ governanza tagħha.

    Il-KESE jinnota b’ħafna interess l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jikkonfermaw li l-konklużjonijiet u l-proċessi miftiehma waqt il-Konferenza Rio+20 se jiġu implimentati u żviluppati fi ħdan l-Unjoni Ewropea permezz tal-Istrateġija “Ewropa 2020”. Il-KESE se jkun attent ferm biex jiżgura li dan ikun fil-fatt il-każ (Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Rio+20: L-eżitu u s-segwitu tas-Summit tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 25 ta' Ottubru 2012, 15477/12).

    4.4

    Il-KESE qed isegwi b’ħafna attenzjoni t-tkabbir taċ-ċirku ta’ atturi li jipparteċipaw fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Din is-sena, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent qed jipparteċipa b’mod ħafna aktar attiv minn qatt qabel; f’Diċembru li għadda, il-Kunsill għall-Ambjent iddiskuta għall-ewwel darba l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Il-KESE se jikkontribwixxi biex jiżgura li s-soċjetà ċivili jkollha l-opportunità li tlaħħam dan il-proċess bi kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli u dan fil-livell tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, li xi ftit minnhom minn issa ’l quddiem għandhom kompetenzi speċifiċi fis-suġġett, kif ukoll fil-livell tal-kunsilli nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

    4.5

    Fir-rigward tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ta’ min wieħed jinnota li mhux qed norbtu flimkien b’mod ċar biżżejjed il-kriżijiet differenti, jiġifieri l-kriżi finanzjarja, ekonomika, u soċjali, kif ukoll dik ambjentali, u bl-istess mod m’aħniex konxji biżżejjed li huwa ferm urġenti li nagħmlu progress serju lejn aktar ekoloġizzazzjoni billi nibdlu l-ekonomija kollha tagħna, u dan mhux minkejja l-kriżi, imma wkoll u fuq kollox minħabba fiha. M’għadux possibbli li nibqgħu f’din it-triq.

    4.6

    Fil-kuntest tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta’ min wieħed jitlob li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda. L-UE ma tistax timpenja ruħha fin-negozjati dinjija favur l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u mbagħad tittraskura dan is-suġġett fid-dokumenti prinċipali dwar il-politika ekonomika.

    4.7

    F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ referenza għall-kunċett ta’ tkabbir kwalifikattiv huwa wkoll xi ftit inkwetanti. Kif tista’ l-UE tkun prekursur fid-diskussjoni internazzjonali dwar l-indikaturi li jaqbżu l-PDG u tagħmel biss referenza għall-PDG fl-istħarriġ tagħha dwar it-tkabbir? Ċertament, id-dokument jeżamina l-problemi soċjali, imma ma jsemmix direttament l-għan li ngħixu tajjeb fil-limiti tar-riżorsi tal-pjaneta tagħna (li barra minn hekk huwa t-titolu tas-seba’ programm ta’ azzjoni għall-ambjent).

    4.8

    Id-diskussjoni dwar l-opportunità li jidħlu fis-seħħ indikaturi oħra tista’ b’xorti tajba tiġi mħeġġa minn kontributi numerużi u għandha issa twassal għal implimetazzjoni li tkun ibbażata fuq djalogu li jpoġġi f’pożizzjoni ugwali l-atturi istituzzjonali u r-rappreżentazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f’approċċ ta’ assoċjazzjoni mal-proċess deliberattiv tal-parteċipanti kollha interessati.

    4.9

    Il-KESE jinnota li t-twaqqif ta’ għajnuniet finanzjarji li għandhom effett ħażin fuq l-ambjent u l-introduzzjoni ta’ taxxi ambjentali saru elementi separati tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri u li din is-sena qed jiġu ttrattati s-suġġetti tal-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma mormi kif ukoll tat-titjib tar-riċiklaġġ.

    5.   Il-konnessjoni bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-SDGs

    5.1   Għandu jintlaħaq ftehim xieraq dwar il-baġit tal-Unjoni dwar l-MDGs  (3).

    5.1.1

    It-tnaqqis tal-faqar hija kwistjoni ta’ ugwaljanza u ġustizzja li tkopri l-aċċess għal servizzi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni kif ukoll l-impjieg. L-MDGs ġew żviluppati billi ngħatat ħafna importanza lid-donaturi. Għall-qafas futur ta’ min nipprevedu:

    aktar adeżjoni u parteċipazzjoni mill-pajjiżi msieħba, li fuqhom ikun impost b’mod definittiv it-twettiq tal-essenzjal tax-xogħlijiet;

    qafas imsaħħaħ ta’ responsabbiltà reċiproka kemm għall-pajjiżi donaturi kif ukoll għall-pajjiżi msieħba; u

    il-flessibbiltà meħtieġa sabiex tippermetti lill-pajjiżi msieħba jadottaw l-għanijiet ta’ żvilupp għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

    5.1.2

    Grazzi għal approċċ limitat biż-żmien u bbażat fuq ir-riżultati, it-tmien MDGs kellhom impatti profondi fuq il-politiki dwar l-iżvilupp internazzjonali. Billi kkonċentraw fuq firxa limitata ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu, huma kkontribwew biex żiedu u ggwidaw b’mod aktar effiċjenti l-għajnuna għall-iżvilupp. Madankollu, malli bdejna noqorbu lejn id-data tal-għeluq, stabbilita għall-2015, qed jidher ċar li l-għanijiet se jkollhom riżultati limitati, b’suċċessi u fallimenti.

    5.1.3

    L-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għandhom jikkompletaw il-firxa attwali ta’ għanijiet tal-millennju. Jeżistu żewġ differenzi kbar bejn l-SDGs u l-MDGs: l-SDGs huma ta’ ambitu dinji (għall-kuntrarju tal-MDGs li japplikaw prinċipalment għan-Nofsinhar) u għandhom dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-metanorma tat-tnaqqis tal-faqar (riżorsi naturali, konsum, produzzjoni, enerġija, drittijiet tal-bniedem, eċċ.).

    5.1.4

    Is-sentejn li ġejjin ser ikunu essenzjali għad-definizzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp li jmiss. Iż-żewġ proċessi – ir-reviżjoni tal-MDGs u r-rikonoxximent uffiċjali tal-SDGs – għandhom jipprovdu gwidi kruċjali għall-istruttura tal-iżvilupp sostenibbli wara l-2015.

    Dawn għandhom jinkludu l-ibbaġitjar fil-politiki pubbliċi b’mod trasversali, u d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala fattur ewlieni tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi (4).

    Il-kompitu huwa vast u għandu jkun ibbażat fuq l-għoti ta’ aktar importanza lid-drittijiet tal-bniedem, u lill-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet tas-OSĊ, għal approċċ iffukat fuq l-ekonomija u s-servizzi bħala mezzi ta’ żvilupp tal-bniedem (5).

    Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 18-22.

    (2)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 144-150

    (3)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 144-150.

    (4)  ĠU C76, 14.3.2013, pp. 8-14.

    (5)  ĠU C 161, 6.6.2013, pp. 82-86.

    ĠU C 181, 21.6.2012, pp. 28-34.


    Top