Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument C2013/176/08

    Erkole II – Sejħa għal proposti – Assistenza teknika għall-ġlieda kontra l-frodi fl-UE “Sigarretti”

    ĠU C 176, 21.6.2013, S. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 176/24


    ERKOLE II

    Sejħa għal proposti

    Assistenza teknika għall-ġlieda kontra l-frodi fl-UE “Sigarretti”

    2013/C 176/08

    1.   L-objettivi u d-deskrizzjoni

    Dan l-avviż ta' Sejħa għall-Proposti huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2007 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II) (1). Din is-sejħa tirrigwarda l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 1a (a) tad-Deċiżjoni Erkole II, li tinkludi:

    “għajnuna teknika għall-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-għoti ta’ għarfien speċifiku, tagħmir u għodda tat-teknoloġija tal-informatika (IT) li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF), sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra kif ukoll biex jiġu żviluppati u implimentati politiki għall-prevenzjoni u l-kxif ta’ frodi.”

    Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament 2013 (2) tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ żewġ Sejħiet għall-Proposti għas-settur tal-attività “Assistenza Teknika”. Din is-sejħa tirrigwarda l-Assistenza Teknika “Sigarretti”.

    2.   L-applikanti eliġibbli

    Dan l-avviż hu mmirat għall-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali (“Applikanti”) ta' Stat Membru jew pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni Ewropea biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

    3.   L-azzjonijiet eliġibbli

    L-azzjonijiet eliġibbli għall-Assistenza Teknika “Sigaretti” jikkonsistu minn:

    (a)

    l-appoġġ tekniku u finanzjarju meħtieġa biex jiġu sostnuti u msaħħin l-ispezzjonijiet tal-kontejners u tat-trakkijiet fil-fruntieri esterni tal-UE. Dan jinkludi:

    ix-xiri ta’ skeners mobbli u fissi(tar-raġġi X) kif ukoll il-kostijiet relatati mal-installazzjoni u l-manutenzjoni (3) tagħhom, użati mid-Dwana biex jiġu ċċekkjati il-kontejners, it-trakkijiet u l-karozzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE jew li jkunu fi tranżitu fit-territorju ta’ Stat Membru, sabiex jitwettqu kontrolli għall-preżenza tal-oġġetti illeċiti, b’mod partikolari is-sigaretti u t-tabakk iffalsifikati jew li deħlin b'kutrabandu;

    it-taħriġ tal-persunal tad-dwana biex biex iħaddem l-iskener kif ukoll it-taħriġ għall-interpretazzjoni korretta tax-xbihat iġġenerati mill-iskanners;

    software u hardware li jippermetti l-iskambju ta’ immaġini ġġenerati minn tipi differenti ta’ scanners, fi ħdan u bejn id-Dwani tal-UE.

    (b)

    Ix-xiri, it-taħriġ, l-ikel u l-akkomodazzjoni għall-annimali (bħal klieb tax-xamm, iżda wkoll naħal, firien jew ħnieżer li jkunu adegwatament mħarrġin għal t'apposta) użati fid-detezzjoni tal-oġġetti illeċiti, b’mod partikolari is-sigaretti u t-tabakk iffalsifikati jew li deħlin b'kutrabandu;

    (c)

    l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-titjib jew l-immodernizzar ta’ sistemi awtomatizzati ta’ rikonoxximent tal-kodiċi tal-kontenituri u sistemi awtomatizzati ta’ rikonoxximent tal-pjanċa tan-numru eżistenti. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ software kif ukoll ix-xiri u l-istallazzjoni ta’ hardware għal sistemi, u t-taħriġ tal-operaturi.

    4.   Il-kriterji għall-għoti

    Kull azzjoni eliġibbli sottomessa se tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji tal-għoti li ġejjin:

    (1)

    il-koerenza fl-azzjoni mal-objettivi tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-frodi u, b'mod partikolari, għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni u għall-investigazzjoni tal-fluss ta' prodotti tat-tabakk illeċiti fl-UE;

    (2)

    il-kwalità f'miżuri oħrajn li jakkumpanjaw ix-xiri u/jew l-organizzazzjoni tal-azzjoni biex titjieb id-detezzjoni tal-prodotti tat-tabakk illċiti;

    (3)

    il-kwalità u l-adegwatezza teknika tal-azzjoni proposta biex jintlaħqu l-bżonnijiet murija minn min ikun qed japplika għall-għotja;

    (4)

    Kosteffettività: il-kosti tal-azzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tagħha;

    (5)

    il-kompatibilità tal-azzjoni mal-ħidma mwettqa jew ippjanata fir-rigward tal-prijoritajiet fil-politika tal-UE għall-prevenzjoni tal-frodi kontra l-baġit tal-UE (il-prevenzjoni; l-analiżi tal-informazzjoni, il-metodi ta’ kooperazzjoni, eċċ.);

    (6)

    il-kompatibilità tal-azzjoni ma’ proġetti simili mwettqa fi Stati Membri oħra u mwettqa minn aġenziji nazzjonali oħra tal-infurzar tal-liġi u tad-dwana;

    (7)

    il-possibbiltà li jintużaw il-metodi u/jew ir-riżultati tal-azzjoni biex jittejbu l-kooperazzjoni u l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti (“mainstreaming”).

    Jekk bosta azzjonijiet jkollhom mertu ndaqs fid-dawl ta' dawn il-kriterji tal-għoti, tista’ tingħata prijorità ta’ finanzjament (f’ordni dekrexxenti) lil:

    dawk l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li m’għandhomx tagħmir adegwat, jew li hu meqjus li mhux mgħammrin adegwatement, biex jiġġieldu l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tas-sigaretti;

    applikazzjonijiet li jagħmluha possibbli li jkun hemm distribuzzjoni ġeografika ġusta;

    applikanti li ma jkunux irċevew għotjiet fis-snin preċedenti jew inkella taħt is-Sejħiet għal Proposti preċedenti għall-istess azzjoni jew waħda simili.

    5.   Baġit

    Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-Sejħa huwa ta’ EUR 3 500 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tieħu l-forma ta' għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

    6.   Aktar tagħrif

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-formola tal-applikazzjoni tista’ titniżżel minn dan is-sit: http://ec.europa.eu/anti_fraud/about-us/funding/techn-assist/index_en.htm

    Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal tagħrif addizzjonali fir-rigward ta’ din is-Sejħa jridu jintbagħtu bil-posta elettronika lil:

    OLAF-FMB-HERCULE-TA@ec.europa.eu

    Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b’mod anonimu fil-Linji Gwida ta' kif għandha timtela l-Formola ta' Applikazzjoni fuq il-websajt tal-internet tal-OLAF jekk dawn ikunu rilevanti għal applikanti oħra.

    7.   Skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mhux aktar tard minn: il-Ġimgħa 12 ta’ Lulju 2013.


    (1)  ĠU L 193, 25.7.2007, p. 18.

    (2)  C(2013) 612 finali tas-7 ta' Frar 2013.

    (3)  L-ispejjeż tal-manutenzjoni li mhumiex koperti b'garanzija.


    nach oben