Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG1221(01)

    Abbozz ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill – Tixjiħ b'Saħħtu Matul l-Istadji Kollha tal-Ħajja

    ĠU C 396, 21.12.2012, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 396/8


    Abbozz ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill – Tixjiħ b'Saħħtu Matul l-Istadji Kollha tal-Ħajja

    2012/C 396/02

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    IFAKKAR:

    1.

    fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Azzjoni mill-Unjoni, li għandha tikkumplimenta l-linji ta' politika nazzjonali, għandha tkun immirata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard u t-tneħħija tal-kawżi ta' periklu għas-saħħa fiżika u mentali. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika;

    2.

    fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa fil-Linji ta' Politika kollha (HiAP) (30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2006) (1); Tixjiħ b'Saħħtu u b'Dinjità (30 ta' Novembru 2009); Ekwità u saħħa fil-linji ta' politika kollha: Solidarjetà fis-Saħħa (8 ta' Ġunju 2010); Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u l-kura tas-saħħa (7 ta' Diċembru 2010); Ħidma preparatorja għas-Sħunija pilota dwar l-Innovazzjoni Ewropea “Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu” (9 ta' Marzu 2011); Għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san (1 u 2 ta' Diċembru 2011) (2);

    3.

    ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa (3): Strateġija u pjan ta' azzjoni dwar tixjiħ b'saħħtu fl-Ewropa, 2012-2020;

    4.

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Rapport dwar it-Tixjiħ 2009); Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (5 ta' Marzu 2010); Il-progress fil-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (29 ta' Frar 2012);

    5.

    l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv;

    6.

    ir-rapport mill-Proġett ta' Kooperazzjoni Ewropea Tixjiħ b'Saħħtu: Tixjiħ b'Saħħtu - Sfida għall-Ewropa (2007);

    7.

    il-White Paper tal-Kummissjoni Flimkien għas-Saħħa: approċċ strateġiku għall-UE 2008-2013, waqt li enfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa s-saħħa tajba matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' persuna f'Ewropa li qed tixjieħ;

    8.

    l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa (15 ta' Lulju 2010); tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tixjiħ Attiv: Innovazzjoni-Saħħa Intelliġenti-Ħajja aħjar (27 ta' Lulju 2012);

    9.

    id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): It-Triq ’il Quddiem.

    JIRRIKONOXXI:

    10.

    li t-tixjiħ attiv huwa proċess kontinwu matul iċ-ċiklu tal-ħajja. Huwa essenzjali li jiġu appoġġati ċ-ċittadini f'dan l-approċċ permezz ta' azzjoni multidixxiplinarja fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u fil-kura tas-saħħa u soċjali. Dan jinkludi l-ħidma fl-oqsma soċjali u dawk tal-politika, li jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi u skont il-prijoritajiet tal-Istati Membri, il-partijiet interessati fil-livelli kollha, inklużi l-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-atturi ekonomiċi;

    11.

    li l-approċċi innovattivi fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard jistgħu jgħinu lill-persuni anzjani biex jibqgħu indipendenti aktar fit-tul u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

    JISSOTTOLINJA:

    12.

    li s-saħħa tajba fost in-nies ta' età tax-xogħol tikkontribwixxi għal produttività ogħla u benefiċċji oħrajn għaċ-ċittadini u s-soċjetà biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija UE2020 għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv;

    13.

    il-ħtieġa, bil-kriżi ekonomika attwali u l-bidliet demografiċi, li jiġu ristrutturati s-servizzi għal settur tal-kura tas-saħħa aktar effiċjenti u sostenibbli li jrawwem soċjetà aktar favorevoli għall-anzjani.

    JILQA':

    14.

    l-eżiti tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar Tixjiħ b'Saħħtu Matul iċ-Ċiklu tal-Ħajja organizzata mill-Presidenza Ċiprijotta fil-5-6 ta' Settembru 2012, li esponiet il-ħidma fil-qasam tat-tixjiħ b'saħħtu billi tat evidenza li t-tixjiħ b'saħħtu huwa relatat mill-qrib mal-implimentazzjoni ta' promozzjoni effettiva tas-saħħa u programmi ta' prevenzjoni tal-mard, mis-snin bikrija tal-ħajja u li jkomplu matul iċ-ċiklu tal-ħajja;

    15.

    il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (4) u l-prinċipji dwar il-kontribut tal-attività fiżika għal tixjiħ attiv żviluppati f'dan il-kuntest;

    16.

    l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għat-tnedija u l-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu u fl-2013 jistenna l-evalwazzjoni ta' din l-inizjattiva pilota;

    17.

    l-istrateġiji tal-UE dwar id-determinaturi tas-saħħa u l-fatturi komuni ta' riskju inkluża strateġija ġdida tal-UE għall-appoġġ lill-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol;

    18.

    id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): It-Triq 'il Quddiem bħala spinta għall-azzjoni fis-snin futuri;

    19.

    il-ħidma bil-ħsieb li tinkiseb risposta ottimali għall-isfidi tal-mard kroniku, abbażi tal-Proċess ta' Riflessjoni li tnieda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni (5).

    JIRRIKONOXXI:

    20.

    l-importanza tal-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-programmi ta' dijanjosi bikrija mill-istadji bikrija tal-ħajja u matul iċ-ċiklu tal-ħajja;

    21.

    il-piż estensiv tal-morbożità u d-diżabbiltajiet li nħolqu mil-mard kroniku bħall-kanċer, il-mard respiratorju, mard kardjovaskulari u nevrovaskulari, id-dijabete u l-mard mentali, il-mard muskoloskeletali u l-problemi relatati mas-smigħ u d-diffikultà fil-vista fil-popolazzjoni;

    22.

    il-ġestjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tas-saħħa fit-tul jistgħu jgħinu lill-persuni jibqgħu attivi u indipendenti f'età avvanzata;

    23.

    li l-amministrazzjonijiet pubbliċi u, jekk adatt, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-kundizzjonijiet fir-rigward tat-tixjiħ b'saħħtu;

    24.

    li l-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kif ukoll l-istili ta' ħajja huma fost id-determinanti tas-saħħa u t-trattament tagħhom permezz ta' azzjoni intersettorjali jibqa' waħda mill-isfidi importanti għall-kisba ta' tixjiħ attiv u b'saħħtu għal kulħadd.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

    25.

    jagħmlu l-kwistjoni tat-tixjiħ b'saħħtu matul iċ-ċiklu tal-ħajja bħala waħda mill-prijoritajiet tagħhom għas-snin li ġejjin, b'approċċ soċjali u ta' ekwità;

    26.

    jadottaw approċċ li jċaqlaq l-attenzjoni lejn il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, id-dijanjosi bikrija u ġestjoni aħjar tal-kundizzjonijiet mis-snin bikrija tal-ħajja u matul iċ-ċiklu tal-ħajja, bħala strateġija għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u t-tnaqqis tal-piż tal-mard kroniku, il-fraġilità u d-diżabbiltà, permezz ta':

    (a)

    it-trawwim tal-implimentazzjoni ta' promozzjoni tas-saħħa u l-programmi ta' prevenzjoni tal-mard għall-iżvilupp ta' stil ta' ħajja san fit-tfulija u fl-adolexxenza u matul il-ħajja;

    (b)

    il-promozzjoni ta' identifikazzjoni/dijanjosi tal-mard bikrija permezz ta' programmi u għodod ibbażati fuq l-evidenza, kost-effettivi, affordabbli, ekwitabbli u faċilment aċċessibbli, inkluż l-iscreening fejn ikun adatt;

    (c)

    il-ġestjoni aħjar fil-komunità tal-kondizzjonijiet tas-saħħa fit-tul, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jibqgħu attivi u indipendenti għall-aktar żmien twil possibbli;

    (d)

    il-promozzjoni ta' politiki u azzjonijiet ta' sostenn għas-saħħa tal-persuni ta' età tax-xogħol, li twassal għal forza tax-xogħol b'saħħitha, bħala prerekwiżit għall-produttività u t-tkabbir;

    (e)

    il-promozzjoni ta' ambjenti favorevoli għall-anzjani u tajbin għas-saħħa li jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-involviment attiv tan-nies anzjani;

    (f)

    l-iżvilupp ta' assistenza personalizzata għall-persuni anzjani dipendenti;

    27.

    itejbu u jsaħħu l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha u fost l-Istati Membri, bil-promozzjoni ta' azzjoni intersettorjali, inkluża s-soċjetà ċivili, b'kont meħud tal-prinċipju tas-saħħa fil-politiki kollha;

    28.

    jagħmlu użu minn approċċi innovattivi fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, li jippromwovu l-involviment attiv tal-individwi, il-familji u l-komunità;

    29.

    jappoġġaw is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu b'involviment ad hoc mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi tas-Sħubija u li jwasslu għal eżiti robusti, u fil-promozzjoni u l-komunikazzjoni tal-valur miżjud tas-Sħubija għall-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom b'kont meħud tar-riżultati tal-evalwazzjoni ppjanata għall-2013;

    30.

    jagħmlu użu effettiv mill-finanzjament tal-UE (pereżempju l-fondi strutturali/FSB 2014-2020, FP7/Orizzont 2020, CIP) biex jappoġġaw il-prijoritajiet dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu;

    31.

    jappoġġaw l-ibliet u l-muniċipalitajiet fl-inizjattiva tagħhom biex jippromwovu ambjenti favorevoli għall-anzjani u b'saħħithom u biex jiżviluppaw netwerks għall-implimentazzjoni ta' linji gwida komuni;

    32.

    itejbu l-komunikazzjoni fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, id-dijanjosi bikrija u ġestjoni aħjar tal-kundizzjonijiet permezz ta' approċċi innovattivi għall-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni (perezempju użu responsabbli mill-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali).

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

    33.

    tappoġġa l-azzjonijiet u l-inizjattivi futuri u tindirizza d-determinanti tas-saħħa u l-fatturi tar-riskju, kif ukoll li tappoġġa tixjiħ b'saħħtu matul iċ-ċiklu tal-ħajja fil-livell tal-UE, Reġjonali, Nazzjonali u Lokali, waqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri.

    34.

    tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' politiki lejn attivitajiet li jippromwovu s-saħħa biex isiru għażliet tajbin għas-saħħa u biex ikun hemm għajxien b'saħħtu;

    35.

    tappoġġa użu aħjar mill-Istati Membri tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika, li ntlaqgħu fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Ministri tal-Isport tal-UE li ltaqgħu informalment f'Novembru 2008 (6);

    36.

    tappoġġa l-kooperazzjoni volontarja tal-Istati Membri bil-ħsieb ta' aktar żvilupp kemm tal-miżuri preventivi ġenerali kif ukoll tal-miżuri preventivi selettivi għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' gruppi fil-mira;

    37.

    tassisti lill-Istati Membri, u speċifikament lir-reġjuni, f'użu aktar effettiv tal-fondi strutturali u ta' strumenti ta' finanzjament oħrajn tal-UE għall-prijoritajiet relatati mat-tixjiħ b'saħħtu.

    38.

    tevalwa tajjeb il-proġett pilota EIP dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, biex ikun hemm parteċipazzjoni tal-Istati Membri interessati fil-governanza tal-EIP u tinforma lill-Istati Membri bil-mod li bih il-Kummissjoni tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-EIP meta jiġu implimentati programmi tal-UE.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

    39.

    jippromwovu strateġiji għall-ġlieda kontra l-fatturi tar-riskju, bħall-użu tat-tabakk, il-ħsara relatata mal-alkoħol, id-drogi illegali, id-dieta mhux tajba għas-saħħa u n-nuqqas ta' attività fiżika kif ukoll fatturi ambjentali, li jwasslu għal inċidenza ogħla ta' mard kroniku li ma jitteħidx, bħall-kanċer, il-mard respiratorju, il-mard kardjovaskulari u newrovaskulari, id-dijabete, il-mard mentali u l-mard muskoloskeletali.

    40.

    jappoġġaw l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-approċċi ta' prattika tajba biex jiġi indirizzat il-mard kroniku u l-fatturi tar-riskju tiegħu, inkluż ir-responsabilizzazzjoni tal-pazjent;

    41.

    iqisu kif isaħħu l-kooperazzjoni u jtejbu l-kondiviżjoni tal-prattika tajba fil-livell Ewropew għall-promozzjoni ta' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja b'tixjiħ b'saħħtu, bl-użu ta' għodod innovattivi;

    42.

    ikomplu l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Saħħa (7) u l-objettiv tagħha tat-trawwim ta' saħħa tajba f'Ewropa li qed tixjiħ waqt li japplikaw approċċ transettorjali, jinvolvu lis-settur soċjali u dak tas-saħħa, bl-appoġġ tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika fil-Livell Superjuri u f'kooperazzjoni mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali;

    43.

    ikomplu u jsaħħu l-ħidma bil-għan ta' fehim aħjar tar-rabtiet bejn l-avvenimenti tal-ħajja bikrija u t-tixjiħ b'saħħtu bl-użu fost l-oħrajn ta' studju lonġitudinali;

    44.

    jappoġġaw, kif adatt, fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar is-Saħħa, il-ġbir tad-data u l-iskambju ta' data u informazzjoni dwar l-inċidenza, il-prevalenza, il-fatturi tar-riskju u l-eżiti tal-mard kroniku, bħas-snin ta' ħajja b'saħħitha (SĦS) kif ukoll dwar il-promozzjoni ta' politiki u azzjonijiet dwar is-saħħa inklużi s-sistemi ta' informazzjoni fil-pajjiżi tal-UE, b'kont meħud tal-mekkaniżmi eżistenti u l-ħidma kontinwa fis-Sistema Statistika Ewropea u partijiet interessati rilevanti oħrajn (bħad-WHO, il-WHO Euro u l-OECD);

    45.

    jippromwovu l-EIP dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu bħala pjattaforma kollaborattiva rilevanti b'ħafna partijiet interessati u mibnija fuq il-kunsens u l-qbil tal-partijiet interessati - mis-settur pubbliku u privat, l-NGOs u l-akkademiċi, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali - impenjati sabiex jagħtu riżultat rigward l-objettivi u l-għanijiet miftiehma tagħhom, skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-2013;

    46.

    jikooperaw mal-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO) u b'mod partikolari mal-Uffiċċju Reġjonali, sabiex tintlaħaq il-komplementarjetà fl-attivitajiet ta' tixjiħ b'saħħtu.


    (1)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/126524.pdf

    (2)  ĠU C 359, 9.12.2011, p. 5 Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san.

    (3)  EUR/RC62/R6.

    (4)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

    (5)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf

    (6)  http://ec.europa.eu/sport/library/documents/c1/eu-physical-activity-guidelines-2008_en.pdf

    (7)  http://ec.europa.eu/health/strategy/policy/index_en.htm


    Top