Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0255

    Kawża T-255/12: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Ġunju 2012 — Vakili vs Il-Kunsill

    ĠU C 258, 25.8.2012, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 258/23


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2012 — Vakili vs Il-Kunsill

    (Kawża T-255/12)

    2012/C 258/43

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Bahman Vakili (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinkludi lir-rikorrent fil-lista tal-persuni ssanzjonati, li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2011/783/PESK, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, u mill-ittra tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2012;

    tannulla r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar [l-adozzjoni ta’] miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn dan jinkludi lir-rikorrent fil-lista tal-persuni ssanzjonati;

    tordna li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, billi l-espożizzjoni tal-motiv tas-sanzjoni li tolqot lir-rikorrent ma fiha ebda raġuni speċifika u konkreta li tiġġustifika din is-sanzjoni.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi r-rikorrent ma nstemax fil-proċedura li wasslet sabiex tiġi imposta sanzjoni fuqu, sa fejn il-Kunsill ma għaddilux il-provi miżmuma fil-konfront tiegħu u sa fejn ma kienx possibbli għar-rikorrent li jsostni l-perspettiva tiegħu, f’dan ir-rigward, b’mod effettiv.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, billi l-Kunsill ma huwiex awtorizzat li jissanzjona persuna għar-raġuni biss li din hija l-President tal-Bord u Direttur Maniġerjali ta’entità li hija wkoll issanzjonata.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt, sa fejn ir-rikorrent ma jistax jinżamm responsabbli għal dak li l-Export Development Bank of Iran ġie akkużat bih qabel ma r-rikorrent assuma l-funzjonijiet tiegħu ta’ direzzjoni ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-materjalità tal-fatti li l-kumpannija li huwa jidderieġi hija akkużata bihom.

    (5)

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi s-sanzjoni imposta ma hijiex ta’ natura li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet li hija intiża li tilħaq.

    (6)

    Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà, billi r-rikorrent ma kellux il-possibbiltà li jsostni d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv u billi huwa ġie ssanzjonat fuq bażijiet legali ineżistenti.


    Top