Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52010AE0097

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi COM(2009) 346 finali

    ĠU C 339, 14.12.2010, σ. 20 έως 23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 339/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi

    COM(2009) 346 finali

    (2010/C 339/05)

    Relatur: is-Sur MULEWICZ

    Nhar is-7 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi

    COM(2009) 346 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Jannar 2010.

    Matul l-459 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-20 u l-21 ta’ Jannar 2010 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’197 vot favur u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni.

    1.2   Inizjalment u għallinqas għall-ewwel ftit snin li ġejjin is-sistema proposta trid tkun fuq bażi volontarja.

    1.3   L-ispejjeż li jġarrbul-organizzazzjonijiet tar-rappurtar għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Is-sistema għandha tkun kosteffiċjenti.

    1.4   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li l-Kummissjontpoġġi għodda tal-ġestjoni tad-data għad-dispożizzjoni tal organizzazzjonijiet terzi. Din ser tippermetti lil dawk l-organizzazzjonijiet terzi li m’għandhomx sistemi sofistikati li jadottaw l-approċċ armonizzat propost b’mod faċli.

    1.5   Fil-livell settorjali l-Kummissjoni tista’ tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-metodoloġija armonizzata tagħha għall-klassifikar u r-rappurtar tal-ilmenti tal-konsumaturi mill-korpi kollha li jittrattaw l-ilmenti fis-settur rispettiv tagħhom.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-Kummissjoni tuża ħames indikaturi ewlenin sabiex tfassal it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur. Din hija pubblikazzjoni annwali, bħalissa fit-tieni edizzjoni tagħha, li għandha l-għan li tidentifika dawk il-partijiet tas-suq intern li ma jkunux qed jaqdu tajjeb lill-konsumaturi. Fost il-ħames indikaturi ewlenin insibu l-ilmenti tal-konsumaturi, jiġifieri l-istatistika dwar l-ilmenti tal-konsumaturi. Indikaturi oħra huma l-prezzijiet, is-sodisfazzjon, it-tibdil tal-fornitur u s-sikurezzza. Għalhekk l-ilmenti tal-konsumaturi għandhom jitqiesu bħala għodda makroekonomika u mhux bħala analiżi tal-ilmenti tal-konsumaturi biss.

    2.2   Fl-essenza tagħha l-proposta tal-Kummissjoni tipproponi li l-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi jiġu rreġistrati madwar l-UE fuq bażi armonizzata komuni, bl-użu tal-istess elementi ta’ identifikazzjoni, sabiex tkun tista’ tinħoloq faċilment bażi tad-data Ewropea u li tkun ir-responsabbiltà tad-DĠ SANCO tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tiffinanzja u żżomm din il-bażi tad-data u l-apparat tal-informatika li hemm bżonn sabiex tkun tista’ tinħażen u tiġi pproċessata d-data. Il-Kummissjoni qed tippreżenta mudell, qafas komuni għall-klassifikar u r-rappurtar tal-ilmenti tal-konsumaturi.

    2.3   Id-dettalji tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi li jiddaħħlu fil-bażi tad-data mhux ser jinkludu ilmenti u domandi li jsiru direttamenti lin-negozjanti iżda dawk li jinġabru minn organizzazzjonijiet terzi fejn il-konsumatur ikun ressaq l-ilment tiegħu, pereżempju aġenziji tal-gvern, regolaturi, organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet oħrajn bħall-ombudsmen u l-korpi awtoregolatorji. L-adozzjoni tal-bażi komuni għar-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data ser tkun volontarja għall-organizzazzjonijiet involuti kollha, għalkemm mill-korpi nazzjonali ffinanzjati mill-gvern wieħed jista’ jistenna li jibdew jaħdmu sabiex jadottawha mill-iktar fis possibbli, sa kemm ikollhom il-fondi neċessarji disponibbli. Il-Kummissjoni ser tgħin permezz ta’ software u l-għarfien espert għal organizzazzjonijiet żgħar tal-konsumaturi li mhumiex kapaċi jadottaw metodoloġija armonizzata.

    2.4   Hija u tiżviluppa din il-proposta l-Kummissjoni għamlet użu minn konsultazzjoni wiesgħa u, grupp ta’ esperti.

    2.5   Il-bażi tad-data ser tintuża huma u jitħejjew edizzjonijiet futuri tat-Tabella. Għan ieħor huwa li tkun disponibbli għall-pubbliku, għall-istħarriġ tal-organizzazzjonijiet u l-individwi.

    2.6   Il-proposta għandha għan ewlieni wieħed: li tippermetti li d-data dwar l-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi tkun tista’ tintuża bħala indikatur ewlieni tal-funzjonament tas-suq intern, u b’hekk jitħaffu r-risposti fir-rigward ta’ politika għal swieq li qed ifallu. Dawn ir-risposti, fil-livell nazzjonali jew Ewropew, jistgħu jinkludu attività ta’ infurzar f’ oqsma ta’ tħassib, jew fejn ikun hemm bżonn, rispons leġiżlattiv.

    2.7   L-għan mhuwiex li jsir skrutinju ta’:

    i.

    jekk l-ilmenti hux qed jiġu ttrattati jew hix tinstab soluzzjoni għalihom b’mod effettiv, jew

    ii.

    jekk l-ilmenti humiex ġustifikati.

    2.8   L-għan huwa li l-bażi tad-data tkun anonima. B’hekk id-dettalji ta’ konsumaturi individwali li jressqu l-ilmenti m’għandhomx jiġu rrappurtati. Id-dettalji tan-negozjanti li kontrihom jitressqu l-ilmenti lanqas m’għandhom jiġu rrappurtati.

    2.9   Fis-sistema armonizzata u komuni proposta, l-informazzjoni tista’ tiġi rreġistrata taħt tliet sezzjonijiet:

    a)

    Informazzjoni Ġenerali;

    b)

    Informazzjoni Settorjali u;

    c)

    Informazzjoni dwar it-tip ta’ ilment.

    2.10   Fit-tieni u t-tielet sezzjoni jeżistu sottokategoriji, li jissejħu “intestaturi” u “livelli”. Xi informazzjoni dwar l-ilmenti tiġi deskritta bħala “rakkomandata”, il-bqija “volontarja”. Fir-rigward ta’ domandi, id-daħliet kollha huma “volontarji”. L-għan ta’ din id-distinzjoni bejn informazzjoni “rakkomandata” u dik “volontarja” huwa:

    a)

    li tippermetti lill-organizzazzjonijiet li jressqu data armonizzata fil-livell bażiku (permezz tal-intestaturi “rakkomandati”);

    b)

    li tħeġġeġ l-ogħla numru possibbli ta’ organizzazzjonijiet sabiex huma wkoll jadottaw kemm jistgħu mill-intestaturi u l-livelli “volontarji”.

    2.11   Il-proposta tikkonsisti f’żewġ dokumenti, it-tnejn datati s-7.7.2009:

    (i)

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [COM(2009) 346 finali];

    (ii)

    l-abbozz ta’ dokument li jippreżenta l-proposta flimkien mal-intestaturi u l-livelli proposti għall-klassifikar tal-ilmenti [SEC (2009) 949].

    L-Abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex finali u t-test tiegħu jista’ jinbidel fl-ewwel nofs tal-2010. L-ideat ewlenin u l-filosofija wara d-dokument mhux ser jinbidlu.

    3.   Kummenti Ġenerali

    Dawn l-osservazzjonijiet li jsegwu jinkludu aktar suġġerimenti.

    3.1.1   L-ispejjeż ta’ konformità ser ivarjaw iżda ser ikunu sostanzjali għal għadd ta’ organizzazzjonijiet. Ir-riżorsi disponibbli għal dan ser ivarjaw bejn Stat Membru u ieħor u fl-Istati Membri stess. Jeżistu differenzi konsiderevoli fil-metodi attwali ta’ reġistrazzjoni tal-ilmenti mill-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ Stati Membri differenti (apparti organizzazzjonijiet oħra). Uħud minnhom għandhom sistemi inqas sofistikati minn dawk proposti. Oħrajn għandhom sistemi iktar sofistikati, li wieħed jista’ jifhem li ma jixtiequx jabbandunaw. Ġeneralment, huma dawn tal-aħħar li jġarrbu l-ogħla spiża biex jikkonformaw mas-sistema armonizzata. Kwalunkwe għajnuna teknika jew finanzjarja mill-Kummissjoni m’għandhiex tagħti preferenza lil organizzazzjoni lokali li tiġbor l-ilmenti iktar minn oħra.

    3.1.2   Kull intestatura ġdida tinvolvi “spiża” għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett għax min jirċievi l-ilment, jieħu l-ħin (u b’hekk il-flus) biex jiġbor kull dettall tad-data mill-ilmentatur u jirreġistrahom kollha. It-tieninett, għax iktar ma tintalab data mill- konsumatur, inqas hemm ċans li huwa ser itemm il-proċess tar-reġistrazzjoni tal-ilment.

    3.1.3   Is-sistema armonizzata li tintuża trid tkun kemm jista’ jkun kompatibbli ma’ kemm jista’ jkun mis-sistemi li qed jintużaw bħalissa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali. Struzzjonijiet u linji gwida ċari għandhom jingħataw lill-organizzazzjonijiet kollha li jadottaw din is-sistema sabiex ikun żgurat mod uniformi kif jitniżżlu l-ilmenti u d-domandi, irrispettivament mill-għażla tal-metodoloġija aħħarija.

    3.1.4   L-ammont ta’ intestaturi fejn l-informazzjoni mitluba hija “rakkomandata” għandu jinżamm minimu. B’hekk fis-snin tal-bidu għandu jkun iktar faċli għall-organizzazzjonijiet li jissieħbu f’livell bażiku.

    3.1.5   Il-proposta tidher li tissodisfa l-objettivi li għadhom kemm ġew imfissra. L-intestaturi “rakkomandati” aktarx huma rapportabbli mingħajr wisq problemi minn ħafna mill-organizzazzjonijiet terzi. Dawn l-intestaturi “rakkomandati” huma mistennija jipprovdu pakkett utli ta’ data li tkopri l-Ewropa kollha. Il-kwalità u l-utilità tal-bażi tad-data ser jitjiebu aktar kif u meta l-organizzazzjonijiet terzi jkunu jistgħu jinkludu r-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ intestaturi u livelli “volontarji” oħrajn.

    3.1.6   Fil-livell settorjali l-Kummissjoni tista’ tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-metodoloġija armonizzata tagħha għall-klassifikar u r-rappurtar tal-ilmenti tal-konsumaturi mill-korpi kollha li jittrattaw l-ilmenti fis-settur rispettiv tagħhom. Pereżempju, FIN-NET jista’ jħaffef il-proċess għas-settur tas-servizzi finanzjarji, inklużi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. FIN-NET għandu jibbenefika minn sistema armonizzata għat-trattar tal-ilmenti tal-konsumaturi. In-netwerk jikkoopera biex jipprovdi lill-konsumaturi b’aċċess faċli għal proċeduri dwar ilmenti barra mill-qorti f’każijiet transkonfinali. Jekk konsumatur f’pajjiż wieħed ikollu tilwim ma’ fornitur ta’ servizz finanzjarju minn pajjiż ieħor, membri tal-FIN-NET jistgħu jirriferu lill-konsumatur għall-iskema rilevanti għat-trattar tal-ilmenti barra mill-qorti u jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwarha. Sabiex din l-iskema tkun iktar effettiva, pass importanti ’l quddiem huwa metodu komuni għall-ikklassifikar u r-reġistrar tal-ilmenti tal-konsumaturi.

    3.2   Ser jibqgħu jeżistu varjazzjonijiet fil-kwalità u l-estent tad-data rrappurtata minn Stati Membri differenti. Dan il-fatt ser jiġi kkunsidrat fl-analiżi tad-data f’kull ħarġa annwali tat-Tabella. Dawn il-varjazzjonijiet aktarx qatt mhuma ser jiġu eliminati għal kollox. Madankollu, sistema armonizzata ta’ rappurtar hija mistennija tirriżulta fi tnaqqis ta’ dawn il-vajrazzjonijiet wara perijodu ta’ snin.

    3.3   Il-proposta tinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet tar-rappurtar biex jirrappurtaw id-data mikro kollha ta’ kull ilment individwali. Il-proposta (punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) tissuġġerixxi li waħda mill-intestaturi volontarji għandha tkun “isem in-negozjant”. Din il-proposta m’għandhiex tinkludi, lanqas fuq bażi volontarja, ir-rappurtar tal-isem jew l-identità tan-negozjant individwali. L-istqarrija tal-Kummissjoni fil-punt 39 għaldaqstant hija milqugħa b’sodisfazzjon u appoġġjata bis-sħiħ, fejn tistqarr li l-Kummissjoni ma tixtieqx li tirċievi, jew tippubblika, ebda data li tikkonċerna l-ismijiet, jew li twassal għall-identifikazzjoni tan-negozjanti. Għaldaqstant “isem in-negozjant” għandu jitneħħa għal kollox mill-elenki ta’ intestaturi li għandhom jiġu rrappurtati.

    3.4   Waħda mill-intestaturi fis-sezzjoni Informazzjoni Ġenerali (numru 67) hija “bejgħ minn bieb għal bieb”. Għal konsistenza mad-direttiva proposta dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, din l-espressjoni għandha tinbidel għal “bejgħ mhux fil-post tan-negozju”.

    3.5   Fis-sezzjoni proposta “Informazzjoni Settorjali” (Sezzjoni B), huma inklużi dawn li ġejjin: mużewijiet, skejjel, sptarijiet, libreriji, servizzi postali. Ħafna minn dawn is-servizzi huma pprovduti mill-gvernijiet. Pereżempju, l-iskejjel jistgħu jiġu pprovduti min-negozji, iżda ħafna iktar minnhom huma pprovduti mill-gvernijiet. L-għan tal-proposta huwa li tingħata informazzjoni dwar it-tħaddim tas-suq intern u b’hekk jitħaffef ir-rispons politiku għal swieq li qed ifallu. L-għan mhuwiex li tingħata informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-gvern. Għaldaqstant, huwa xieraq jew rilevanti li jiġu rappurtati ilmenti tal-konsumaturi fejn il-fornitur huwa l-gvern? Riżultat possibbli ta’ dan jista’ jkun li tinħoloq l-impressjoni li ħafna iktar ilmenti jkunu qed isiru dwar servizz speċifiku (pereżempju l-ferroviji) f’dawk il-pajjiżi fejn is-servizz huwa pprovdut mill-istat milli f’dawk il-pajjiżi fejn is-servizz huwa pprovdut mis-settur privat.

    3.6   Aspett importanti ta’ din il-proposta huwa li l-bażi tad-data ser tipprovdi informazzjoni statistika iktar iddettaljata li ser tintuża fl-analiżi ppubblikata kull sena fit-Tabella. L-informazzjoni li tintuża trid tkun attwali. L-informazzjoni kollha li tintuża f’kull ħarġa għandha tirrelata mal-istess perijodu ta’ żmien jew tal-inqas bejn wieħed u ieħor mal-istess żmien. Għandu jkun faċli għall-qarrej li jara liema perijodu huwa kopert mill-istatistika inkluża f’kull ħarġa tat-Tabella.

    Għalhekk:

    a)

    l-informazzjoni għandha tiġi rrappurtata minn partijiet terzi kull sena;

    b)

    għandu jkun hemm perijodu ta’ rappurtar annwali (aktarx mhux itwal minn 6 ġimgħat) b’data ta’ għeluq ċara fl-aħħar; jekk ma jkunx hemm perijodu ta’ rappurtar, tal-inqas għandu jkun hemm data tal-għeluq finali u ċara tal-perijodu annwali għar-rappurtar;

    c)

    il-perijodu annwali ta’ rappurtar jew id-data tal-għeluq għandhom ikunu marbuta mal-produzzjoni tat-Tabella;

    d)

    kull ħarġa annwali tat-Tabella għandu jkollha titolu li jinkludi s-sena (pereżempju Tabella 2011), mhux in-numru tal-edizzjoni, bħat- tieni edizzjoni;

    e)

    kull ħarġa tat-Tabella għandha tindika l-perijodu li matulu nġabret id-data inkluża fil-ħarġa.

    3.7   Il-KESE huwa mħasseb serjament fir-rigward tal-ġbir tad-data. Ser ikun hemm bla dubju varjazzjonijiet sinifikanti fis-sħuħija u l-preċiżjoni tad-data rrappurtata minn organizzazzjonijiet tar-rappurtar u minn Stati Membri differenti. Anke s-sistema ta’ referenzi tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Organizzazzjoni li tirċievi ilment u mbagħad tirriferi dak l-ilment lil organizzazzjoni iktar adatta tista’, jew ma tistax, tħassar l-ilment minn fuq il-bażi tad-data tagħha stess. Jekk ma tagħmilx dan u jekk iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrappurtaw id-data lill-Kummissjoni, ilment wieħed jista’ jiġi rrappurtat darbtejn. Meta l-Kummissjoni tippubblika data, anke fit-Tabella, il-Kummissjoni għandha tispjega l-limitazzjonijiet magħrufa fir-rigward tas-sħuħija u l-preċiżjoni tad-data, inkluż ir-riskji li l-ilmenti jingħaddu darbtejn u n-nuqqas ta’ verifika. Fuq perijodu itwal id-data għandha tinġabar u tiġi verifikata minn organizzazzjoni waħda fil-livell nazzjonali.

    3.8   Din il-proposta ser tirriżulta f’rappurtar iddettaljat u fehim dwar kif is-suq intern qed jaħdem u fejn qed jonqos lill-konsumaturi. Huwa importanti wkoll li nifhmu kif qed ifallu s-swieq fil-qasam tan-negozji, pereżempju fir-rigward ta’ prodotti foloz u s-serq industrijali tal-proprjetà intellettwali. Din l-informazzjoni aktarx mhux se tiġi mill-ilmenti tal-konsumaturi iżda daqstant ieħor trid tiġi indirizzata. Għandu jkun hemm ukoll mekkaniżmi effettivi u stabbiliti fi ħdan il-Kummissjoni li jeżaminaw sa fejn is-suq intern qed jonqos lin-negozji.

    3.9   Il-KESE jagħraf li ilmenti jistgħu jagħtu indikazzjoni tajba ta’ fejn jinsabu l-problemi għall-konsumaturi. Madankollu, s-sodisfazzjon tal-konsumatur ma jistax jitkejjel biss permezz ta’ data dwar l-ilmenti tal-konsumaturi. Hemm bosta fatturi – bħall-motivazzjoni personali ta’ min iressaq l-ilment u l-imġieba proattiva tan-negozji, l-analiżi tal-ispiża u l-benefiċċji, speċjalment fil-każ ta’ telf finanzjarju żgħir, pressjoni soċjali, kemm huma aċċessibbli il-korpi li jittrattaw l-ilmenti, l-attenzjoni mill-mezzi tax-xandir, eċċ. – li għandhom influwenza fuq jekk konsumatur ser iressaq l-ilment jew le. Barra minn hekk, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tuża ħames indikaturi – ilmenti, prezzijiet, sodisfazzjon tal-konsumatur, tibdil tal-fornitur u sikurezza. Dawn l-indikaturi kollha għandhom jiġu analizzati iktar sabiex jiġu identifikati dawk is-swieq tal-konsumatur li mhux qed jaħdmu tajjeb.

    Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    Επάνω