This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010XR0199
Resolution of the Committee of the Regions on the ‘Stronger involvement of local and regional authorities in the Europe 2020 Strategy’
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020”
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020”
ĠU C 267, 1.10.2010, pp. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
1.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/4 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020”
(2010/C 267/02)
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija għat-tkabbir u l-impjiegi aktar effiċjenti, li għandha tilħaq l-għanijiet il-ġodda ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz ta’ sens ta’ appartenenza qawwi u s-sħubija ta’ diversi livelli ta’ gvern;
2. jenfasizza li bl-approċċ deċentralizzat tagħha u bis-sistema ta’ governanza f’diversi livelli li tħaddem, il-politika ta’ koeżjoni hija l-unika politika tal-Unjoni Ewropea li tgħaqqad l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-isfidi l-ġodda mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, però teħtieġ finanzjament suffiċjenti. Għalhekk, huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tkompli tkun immirata lejn l-objettivi tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kwalità u l-effiċjenza tal-provvista tas-servizzi pubbliċi;
3. jipproponi li fil-politika ta’ koeżjoni l-akbar parti tar-riżorsi disponibbli tkompli tiġi allokata lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea li l-aktar għandhom bżonn u li għandhom l-aktar problemi, sabiex tgħin fit-tnaqqis tad-differenzi tal-iżvilupp u b’hekk tagħti kontribut prattiku kemm biex tiżgura opportunitajiet ġusti għar-reġjuni kif ukoll biex tinkoraġġixxi s-solidarjetà Ewropea;
4. jiddispjaċih li l-Istrateġija Ewropa 2020 proposta, b’mod simili għall-Istrateġija ta’ Lisbona, ma tqisx b’mod adegwat ir-rwol u l-kontribut tar-reġjuni u l-bliet bħala gvernijiet sottonazzjonali tas-27 Stat Membru li, minħabba l-kompetenzi leġislattivi nazzjonali rispettivi tagħhom, jistgħu joffru valur miżjud reali biex jintlaħqu l-għanijiet ippjanati fir-rigward tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, l-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka dwar l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;
5. jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-oqsma ta’ politika rilevanti għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, li ta’ sikwit huma responsabbli għal kompetenzi politiki sostanzjali u jaqdu rwol ċentrali fit-twettiq kemm tal-Istrateġija ta’ Lisbona attwali kif ukoll tal-Istrateġija Ewropa 2020 futura;
6. jilqa', f’dan ir-rigward, ir-referenza li saret dan l-aħħar mill-Parlament Ewropew għall-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istrateġija u jitlob biex tiġi segwita l-proposta li l-Parlament Ewropew għamel lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jitqiesu l-pariri tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija UE 2020;
PROPOSTA BIEX JIĠI STABBILIT PATT TERRITORJALI TA’ AWTORITAJIET LOKALI U REĠJONALI DWAR L-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
7. jipproponi appoġġ qawwi għall-proposta mnedija mill-Parlament Ewropew biex jitwaqqaf “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020” li jkollu l-għan li jiżgura appartenenza f’diversi livelli tal-istrateġija futura permezz ta’ sħubija effettiva bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, speċjalment b’referenza għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miri ewlenin u l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020; il-Patt Territorjali għandu jiġi megħjun mill-Kumitat tar-Reġjuni li diġà żviluppa Pjattaforma ta’ Monitoraġġ għall-Ewropa 2020 li fiha jipparteċipaw madwar 120 awtorità lokali u reġjonali;
8. jirrakkomanda li l-attivitajiet ewlenin jinqasmu fi tnejn:
|
a) |
analiżi u implimentazzjoni tal-politika:
|
|
b) |
governanza u komunikazzjoni:
|
9. iħeġġeġ bil-qawwi lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni u lill-bliet tagħhom jistabbilixxu patti territorjali nazzjonali, sabiex, flimkien mal-gvernijiet ċentrali, jiġu definiti għanijiet u impenji nazzjonali b’konformità mal-miri tal-Ewropa 2020, bir-rispett kollu tal-qafas leġislattiv nazzjonali;
iqis li l-valur miżjud tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għas-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jkunu li ġejjin:
10.1 Inizjattiva ewlenija: “Ewropa b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”: it-titjib tal-effikaċja tal-Patt tas-Sindki biex jiġi żgurat li l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija, l-iżvilupp, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali għat-tibdil fil-klima; l-iżvilupp ta’ infrastruttura li ma tagħmilx ħsara lill-klima fil-kuntest ta’ amministrazzjonijiet reġjonali u lokali; il-promozzjoni tal-akkwist pubbliku ekoloġiku; it-tħeġġiġ ta’ tal-produzzjoni u l-konsum ekoloġiku mill-kumpaniji lokali; it-titjib tal-governanza u s-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima;
10.2 Inizjattiva ewlenija: “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”: titjib tal-qafas leġislattiv dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati, is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, inkluż l-użu tal-akkwist pubbliku elettroniku; aktar armonija bejn il-ħajja professjonali u dik familjali permezz ta’ kwalità aħjar tas-servizzi pubbliċi; it-tnaqqis tal-burokrazija, appoġġ għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ tagħrif, aċċess aħjar għall-kreditu u l-finanzjament, taħriġ u pariri; aktar żvilupp tal-inizjattiva tal-KtR “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jħarsu lejn modi ġodda kif jinħoloq tkabbir ekonomiku fuq żmien twil permezz tal-intraprenditorija;
10.3 Inizjattiva ewlenija: “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”: peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jħaddmu ħafna nies fl-Istati Membri tal-UE u minħabba r-rwol li ta’ sikwit jaqdu bħala provvedituri tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u ta’ miżuri li jappoġġjaw is-suq tax-xogħol, huma essenzjali biex jitwettqu l-politiki tal-flessigurtà; preparazzjoni tan-nies biex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol; titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, u li l-provvista tal-ħiliet tkun taqbel mas-suq tax-xogħol; l-iżvilupp ta’ “programm Erasmus maħsub għal-ħaddiema taċ-ċivil fil-livell lokali u reġjonali u għar-rappreżentanti eletti” biex isir kontribut lejn l-għarfien aħjar tal-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi;
10.4 Inizjattiva ewlenija: “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar”: l-iżvilupp ta’ aġenda ta’ inklużjoni soċjali fit-territorji sabiex is-servizzi soċjali lokali jkunu aktar effettivi u aċċessibbli għal kulħadd u l-integrazzjoni tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol; komplementarjetà aħjar bejn il-fondi tal-UE li jindirizzaw l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar filwaqt li jintużaw il-kompetenzi legali u l-programmi mfassla apposta għall-bżonnijet lokali; il-ħolqien ta’ dimensjoni ġdida għall-ġlieda kontra l-faqar billi jiġu rikonoxxuti l-bżonnijiet espliċiti tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u bħala intraprendituri permezz ta’ Qafas Ewropew ġdid għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Intraprenditorija tan-Nisa; ir-rikonoxximent tal-bżonn li tingħata attenzjoni liż-żgħażagħ u t-tfal; it-twaqqif ta’ osservatorji reġjonali għall-monitoraġġ tal-indikaturi u l-politiki marbutin mal-inklużjoni soċjali;
10.5 Inizjattiva ewlenija: “Unjoni ta’ Innovazzjoni”: riforma tas-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp u tas-sistemi ta’ innovazzjoni; l-iżgurar li r-reġjuni jikkontribwixxu biex jinkisbu l-miri tat-3 %; proġetti reġjonali transkonfinali u l-użu tar-REKT; it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, iċ-ċentri reġjonali tar-riċerka u s-settur privat; it-tisħiħ tal-użu tal-programmi u l-fondi strutturali tal-UE; il-kontribut għall-Ipprogrammar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; is-sehem fis-“Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni”;
10.6 Inizjattiva ewlenija: “Żgħażagħ mobbli”: l-immodernizzar tal-aġenda tal-edukazzjoni ogħla, speċjalment fir-rigward tal-governanza u l-iffinanzjar; skambju tal-aħjar prattiki; kontribut lejn id-dimensjoni reġjonali tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali; aktar żvilupp tal-inizjattiva “Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ”; azzjoni integrata li tkopri l-konsulenza, il-pariri u l-appredistati; il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim permezz ta’ proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali Ewropej;
10.7 Inizjattiva ewlenija: “Aġenda diġitali għall-Ewropa”: interoperabbiltà bejn amministraturi ċentrali, reġjonali u lokali Ewropej; żieda fl-użu tal-e-government biex titjib il-provvista tas-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-ippjanar tat-territorju, eċċ.; titjib tal-litteriżmu fl-ICT; żvilupp ta’ kunċetti li huma assistiti mill-ICT biex jixxerdu u jiġu implimentati r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp għal proċessi tal-ħajja reali; tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar it-tħeġġiġ tat-titjib tal-infrastruttura;
11. jitlob lill-President tiegħu biex jibgħat din il-proposta għat-twaqqif ta’ “Patt Territorjali ta’ Awtoritajiet Lokali u Reġjonali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020” lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat b’mod adegwat ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Istrateġija Ewropa 2020.
Brussell, 10 ta’ Ġunju 2010
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO