Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52009IP0340

Rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fl-Ilment 185/2005/ELB Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Mejju 2009 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew bħala segwitu għall-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 185/2005/ELB (2009/2016(INI))

ĠU C 212E, 5.8.2010, pp. 1-2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/1


It-Tlieta, 5 ta’ Mejju 2009
Rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fl-Ilment 185/2005/ELB

P6_TA(2009)0340

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew bħala segwitu għall-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 185/2005/ELB (2009/2016(INI))

2010/C 212 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali indirizzat mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 195(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew għal Imġiba Amministrattiva Tajba, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0201/2009),

A.

billi, skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età kif imħaddan fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja,

B.

billi d-differenza fil-mod kif wieħed jiġi trattat minħabba l-età tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, għajr jekk dik id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata oġġettivament u l-mezzi biex tinkiseb ikunu xierqa u meħtieġa,

C.

billi, skont l-Ombudsman, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tiġġustifika b’mod xieraq it-trattament tagħha tal-interpreti tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena, u qed tkompli timxi mal-politika kurrenti tagħha dwar ir-reklutaġġ tal-interpreti tal-konferenza awżiljari,

D.

billi l-Ombudsman iqis li dan jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina,

E.

billi r-responsabilità tal-Parlament bħala l-uniku korp elett tal-Unjoni hija li jissalvagwardja u jipproteġi l-indipendenza tal-Ombudsman Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu lejn iċ-ċittadini Ewropej u li jimmoniterja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu,

1.

Iħaddan il-kummenti kritiċi tal-Ombudsman Ewropew u r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-politika tal-Kummissjoni dwar ir-reklutaġġ ta’ interpreti tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tbiddel il-politika kurrenti tagħha li timponi projbizzjoni effettiva fuq ir-reklutaġġ ta’ interpreti tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena; imma, madankollu, ma jqisx li huwa l-każ li jingħata kumpens fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ;

3.

Jinnota li l-Parlament, wara li rċieva abbozz ta’ rakkomandazzjoni simili mill-Ombudsman, aġixxa minnufih billi biddel il-prattika tiegħu fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ interpreti tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena u interpreta r-regoli applikabbli b’tali mod li ma jwassalx għal diskriminazzjoni;

4.

Iqis li l-fatt li jinbidlu r-regoli applikabbli u li titneħħa d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fil-proċess ta’ reklutaġġ ma jobbligax lil istituzzjoni Ewropea biex tirrekluta interpreti tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena, imma, jekk bidla bħal din kellha tkun implimentata, jagħmel ir-regoli tal-Kummissjoni konformi mal-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea; barra minn hekk, iqis li minħabba n-nuqqas ta’ interpreti ta’ lingwi uffiċjali speċifiċi, dan se jtejjeb il-kapaċità tal-istituzzjoni li tiżgura l-aħjar servizz possibbli, kif intwera fil-Parlament;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Parlament biex jiġu riveduti r-regoli applikabbli għar-reklutaġġ ta’ interpreti tal-konferenza awżiljari u persunal ieħor, sabiex jiżguraw li jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-Ombudsman.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


Início