Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0076

    Kawża C-76/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd ta’ Prešov (lr-Repubblika Slovakka) fid- 9 ta’ Frar 2010 — POHOTOVOSŤ sro vs Iveta Korčkovská

    ĠU C 134, 22.5.2010, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 134/16


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd ta’ Prešov (lr-Repubblika Slovakka) fid-9 ta’ Frar 2010 — POHOTOVOSŤ sro vs Iveta Korčkovská

    (Kawża C-76/10)

    2010/C 134/25

    Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

    Qorti tar-rinviju

    Krajský súd ta’ Prešov (Slovakkja)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: POHOTOVOSŤ sro

    Konvenuta: Iveta Korčkovská

    Domandi preliminari

    (1)   L-ewwel domanda preliminari

    (a)

    L-informazzjoni f’punti perċentwali tal-ispiża totali mħallsa mill-konsumatur (ir-rata perċentwali annwali — RPA) għandha titqies li hija daqshekk determinanti li, jekk hija mhijiex stipulata fil-kuntratt, l-ispiża ta’ kreditu tal-konsumatur titqies li ġiet indikata b’mod mhux trasparenti u mhux biżżejjed ċara?

    (b)

    Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (1), tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, tippermetti li klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum marbuta mal-ispiża titqies bħala abbużiva peress li din ma tkunx biżżejjed trasparenti u li ma tinftiehemx sew, fil-każ fejn il-kuntratt ma jindikax il-punti perċentwali tal-ispiża globali tal-kreditu għall-konsum u fejn il-prezz ikun ipprovdut biss f’somma ta’ flus ikkostitwita mid-diversi spejjeż stipulati, minn naħa, fil-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ?

    (2)   It-tieni domanda preliminari

    (a)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkunres judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, għandha, hekk kif ikollha f’dan ir-rigward l-elementi dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa, tevalwa — anki ex officio — in-natura sproporzjonata tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn persuna li tipprovdi l-kreditu u konsumatur, peress li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, hija tista’ wkoll tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ dan it-tip fil-kuntest ta’ proċeduri simili abbażi tad-dritt nazzjonali?

    (b)

    Fil-każ ta’ klawżola penali sproporzjonata li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji adottati mill-konsumatur, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-imsemmija klawżola ma tkunx vinkolanti fuq il-konsumatur inkwistjoni?

    (ċ)

    Tista’ klawżola li tistabbilixxi penali ta’ 0,25 % mill-ammont tal-kreditu għal kull jum ta’ dewmien, jiġifieri 91,25 % fis-sena, titqies bħala abbużiva minħabba n-natura sproporzjonata tagħha?

    (3)   It-tielet domanda preliminari

    Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni (Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE) għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, tippermetti lill-qorti, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ ħarsien fil-qasam tal-kreditu għall-konsum ikunu ġew injorati permezz ta’ kuntratt u fejn talba għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni adottata bis-saħħa ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ tkun diġà tressqet, li twaqqaf l-eżekuzzjoni jew li tawtorizzaha bi spejjeż tal-kreditur, biss sal-ammont li jkun baqa’ dovut abbażi tal-kreditu kkonsentit, sa fejn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jippermettulha tipproċedi għal tali evalwazzjoni tas-sentenza mogħtija b’arbitraġġ u sa fejn ikollha l-elementi meħtieġa li jirrigwardaw is-sitwazzjoni legali u fattwali?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288


    Top