Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0136

    Mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar il-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja (2008/2290(INI))

    ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 153–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 87/153


    Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
    Mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja

    P6_TA(2009)0136

    Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar il-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja (2008/2290(INI))

    2010/C 87 E/30

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill, imressqa minn Annemie Neyts/Uyttebroeck u oħrajn f’isem il-Grupp ALDE, dwar il-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja (“it-Tribunal”) (B6-0417/2008), li jkopri r-repubbliki li flimkien jagħmlu t-territorju li kien, sal-25 ta’ Ġunju 1991, ir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugożlavja, jiġifieri l-Bożnija u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo u s-Slovenja,

    wara li kkunsidra l-fatt li t-Tribunal huwa qorti tal-liġi tan-NU, li topera fl-Ewropa u tittratta kwistjonijiet Ewropej, li kienet twaqqfet fl-1993 bħala istituzzjoni temporanja speċifikament biex tinvestiga vjolazzjonijiet serji tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa f’dik li kienet il-Jugożlavja mill-1991 u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli,

    wara li kkunsidra l-fatt li, dak iż-żmien, is-sistemi ġudizzjarji domestiċi f’dik li kienet il-Jugożlavja ma setgħux jew ma kienux lesti jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li huma l-aktar responsabbli,

    wara li kkunsidra l-fatt li t-Tribunal poġġa taħt att ta’ akkuża 161 individwu, li lesta l-proċeduri kontra 116-il akkużat, li attwalment ħafna akkużati jinsabu fi stadji differenti tal-proċeduri quddiem it-Tribunal, li ħames akkużati biss għadhom fi stadju ta’ qabel il-proċessi jistennew li jibdew il-proċessi tagħhom, u li mill-individwi taħt att ta’ akkuża tnejn minnhom biss, Ratko Mladić u Goran Hadžić, għadhom maħruba (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet S/RES/1503 (2003) u S/RES/1534 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jistiednu lit-Tribunal biex jieħu l-miżuri kollha possibbli biex ilesti xogħlu sal-aħħar tal-2010 (“l-istrateġija tat-tlestija”),

    wara li kkunsidra l-fatt li d-dati previsti fl-istrateġija tat-tlestija huma miri u mhux skadenzi assoluti,

    wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet ta’ kull sitt xhur ippreżentati mill-President u l-Prosekutur tat-Tribunal, skont il-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni S/RES/1534 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-progress li sar biex tiġi implimentata l-istrateġija tat-tlestija,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/63/256 tal-Assemblea Ġenerali tal-NU dwar proposta komprensiva rigward inċentivi xierqa biex jinżamm il-persunal tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Irwanda u għat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, adottata b’konsensus fit-23 ta’ Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra l-appoġġ konsiderevoli u konsistenti għat-Tribunal u għall-ħidma tiegħu mill-UE u l-Istati Membri tagħha,

    wara li kkunsidra l-fatt li l-koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal saret punt ta’ referenza ċentrali fil-politika tal-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar Srebrenica (2),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 114(3) u 83(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0112/2009),

    A.

    billi t-Tribunal, li jinsab f’The Hague, u l-ħidma tiegħu jistħoqqilhom l-appoġġ sħiħ u kontinwu tal-UE u tal-Istati Membri tagħha,

    B.

    billi t-Tribunal ta sentenzi li stabbilixxew preċedenti dwar il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, u billi diġà ta kontribut sinifikanti għall-proċess tar-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent, biex b’hekk ikkontribwixxa biex terġa’ tiġi stabbilita u tinżamm il-paċi fir-reġjun,

    C.

    billi l-koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal kienet u għadha waħda mill-kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-UE fl-involviment kuntrattwali tagħha mal-pajjiżi fir-reġjun,

    D.

    billi t-Tribunal ikkontribwixxa biex jitqiegħdu l-pedamenti ta’ regoli ġodda għas-soluzzjoni tal-kunflitti u għall-iżvilupp ta’ wara l-kunflitti madwar id-dinja, ipprovda tagħlimiet għal tribunali ad hoc futuri potenzjali u wera li l-ġustizzja internazzjonali effiċjenti u trasparenti hija possibbli, u billi l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp tal-liġi kriminali internazzjonali huwa rikonoxxut minn bosta,

    E.

    billi wħud mill-atti ta’ akkuża, deċiżjonijiet u sentenzi mogħtija mit-Tribunal tqiesu kontroversjali f’partijiet differenti tal-Balkani tal-Punent u lil hinn minnhom; billi tista’ tittieħed tagħlima siewja minn dawn ir-reazzjonijiet, li se jagħmlu parti mill-wirt tat-Tribunal, iżda li jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jkun hemm Kamra tal-Appell kif ukoll programm ta’ ħidma diretta mal-pubbliku,

    F.

    billi t-Tribunal għadu qed iwettaq firxa wiesa’ ta’ attivitajiet ta’ ħidma diretta mal-pubbliku, bl-għan li l-ħidma tiegħu tinġieb aktar qrib il-pajjiżi kkonċernati, inkluż li jiġi ffaċilitat ir-rappurtar tal-proċessi mill-midja lokali, ħidma diretta mal-komunità mill-uffiċjali tiegħu fil-post u sforzi ta’ bini tal-kapaċitajiet mal-istituzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali li jittrattaw id-delitti tal-gwerra, kif ukoll numru ta’ proġetti li għandhom l-għan li jidentifikaw l-aħjar prattiki,

    G.

    billi r-riżoluzzjonijiet S/RES/1503 (2003) u S/RES/1534 (2004) hawn fuq imsemmija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stiednu lit-Tribunal u lit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda biex ilestu l-investigazzjonijiet kollha sal-aħħar tal-2004, il-proċessi kollha fi prim’istanza sal-aħħar tal-2008, u l-ħidma kollha sal-aħħar tal-2010; billi, madankollu, it-Tribunal indika li mhux se jkun jista’ jlesti l-proċessi fi prim’istanza qabel l-aħħar tal-2009, anke minħabba n-numru kbir ta’ appelli; billi, għaldaqstant, hija meħtieġa deċiżjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiġi estiż il-mandat tat-Tribunal,

    H.

    billi t-Tribunal ħa l-inizjattiva li jfassal pjan li kien approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-riżoluzzjonijiet msemmija hawn fuq u li sar magħruf bħala “l-istrateġija tat-tlestija”, li l-iskop tiegħu hu li jiġi żgurat li jikkonkludi l-missjoni tiegħu b’mod li jkun irnexxa, fil-ħin u b’koordinazzjoni mas-sistemi legali domestiċi fil-pajjiżi kkonċernati,

    I.

    billi l-pjan jikkonsisti fi tliet fażijiet u dati li fihom hu mmirat li jitlesta l-mandat tat-Tribunal, u billi l-għan attwali hu li jitlestew il-proċeduri kollha (proċessi u appelli) sal-2011 jew li jiġġebbdu ftit sal-bidu tal-2012; billi, biex jikseb dawn ir-riżultati, it-Tribunal qed jiffoka fuq l-iktar mexxejja għoljin issuspettati li kienu responsabbli għal delitti mwettqa fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, ittrasferixxa każijiet li tressqu kontra persuni akkużati ta’ livell intermedju jew baxx lill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali kompetenti, u mexxa proċessi konġunti ta’ imputati, għalkemm għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li s-sejħa fil-kawża ma taffettwax id-drittijiet tal-akkużat; billi l-prosekuturi u l-qrati nazzjonali jistgħu u qegħdin ukoll jibdew u jittrattaw diversi każijiet huma stess, iżda xi qrati nazzjonali jafu ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jmexxu proċeduri kriminali f’konformità ma’ standards u regoli internazzjonali ta’ smigħ ġust, u t-trasferiment għall-qrati nazzjonali f’xi każijiet ntlaqa’ b’reżistenza mill-vittmi u mix-xhieda li huma direttament involuti,

    J.

    billi t-tliet Kmamar tal-Proċessi u l-Kamra tal-Appell tat-Tribunal żammew produttività sħiħa u qed jisimgħu każijiet b’aktar minn akkużat wieħed; billi t-trasferiment tal-każijiet għall-ġurisdizzjonijiet nazzjonali kompetenti kellu impatt sostanzjali fuq l-ammont ġenerali ta’ xogħol tat-Tribunal, iżda kien hemm fatturi lil hinn mill-kontroll tiegħu li kkawżaw ċertu dewmien u ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm aktar dewmien mhux previst,

    K.

    billi, ukoll, iż-żewġ akkużati li għad baqa’, Ratko Mladić u Goran Hadžić, għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, u billi l-qbid tagħhom se jiddependi fuq il-koperazzjoni obbligatorja tal-Istati, skont l-Artikolu 29 tal-Istatut tat-Tribunal, inkluż fit-tfittxija, għal u l-arrest u t-trasferiment tal-persuni maħruba kif ukoll fit-tressiq tal-provi li jinsabu, pereżempju, fl-arkivji domestiċi, u billi mhux dejjem ingħatat għajnuna biex isir l-arrest u t-trasferiment tal-akkużati li għadhom maħruba u l-produzzjoni tal-provi,

    L.

    billi l-Artikolu 21 tal-Istatut tat-Tribunal jipprevedi d-dritt ta’ kwalunkwe persuna akkużata li jsiru l-proċeduri kontrih fil-preżenza tiegħu u billi għalhekk it-Tribunal ma jkunx jista’, anke jekk ikollu provi abbundanti, jibqa’ għaddej in absentia,

    M.

    billi l-impenn tat-Tribunal li jlesti malajr il-mandat tiegħu huwa rikonoxxut, iżda billi l-każijiet li għad fadal għandhom jinstemgħu mingħajr ma jkunu soġġetti għal pressjonijiet mhux realistiċi ta’ żmien, peress li pressjonijiet bħal dawn jafu jkunu ta’ ħsara għad-dritt tal-akkużati għal smigħ ġust; billi ma jista’ jkun hemm l-ebda taqsir tal-proċeduri li jista’ jipperikola aktar is-sikurezza u l-benesseri tal-vittmi u tax-xhieda li qed jixhdu quddiem it-Tribunal, u billi d-data li hi prevista bħala mira għall-istrateġija tat-tlestija tat-Tribunal ma tistax tfisser impunità għaż-żewġ persuni maħruba li għad fadal jew li jkun hemm pressjonijiet ta’ żmien mhux xierqa għall-proċessi li għadhom għaddejjin,

    1.

    Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

    (a)

    ifakkar li wieħed mill-valuri fundamentali rifless fid-deċiżjoni tal-komunità internazzjonali li jinħoloq Tribunal kienet ir-rieda li ssir ġustizzja u l-ġlieda kontra l-impunità; filwaqt li jappoġġja b’mod sħiħ il-ħidma li qed iwettaq it-Tribunal, jirrimarka li din mhix se tintlaħaq b’mod sħiħ sakem il-proċessi li għadhom għaddejjin ma jiġux konklużi mingħajr għaġla żejda u sakemm iż-żewġ akkużati, Ratko Mladić u Goran Hadžić, ma jitressqux quddiem il-ġustizzja u jgħaddu minn proċeduri kriminali;

    (b)

    jenfasizza li l-isforzi biex il-proċeduri jimxu aktar malajr m’għandhomx isiru bi ħsara għal proċeduri ġusti, u jtenni l-fehma ta’ ħafna li l-operat tat-Tribunal se jkun iġġudikat mhux biss skont jekk jirnexxielux jiġġudika lil dawk responsabbli għall-iktar delitti serji li huma fil-ġurisdizzjoni tiegħu iżda wkoll skont jekk jagħmilx dan f’konformità mal-iktar standards stretti ta’ ġustizzja;

    (c)

    jenfasizza li ż-żamma ta’ persunal ikkwalifikat ħafna fit-Tribunal huwa fattur importanti ħafna għat-tlestija b’mod li jirnexxi tal-proċessi u l-appelli, u li t-telf tal-għerf speċjalizzat istituzzjonali meħtieġ biex ikomplu l-proċessi li għad baqa’ jista’ jsir aktar serju minħabba l-iskeda prevista fl-istrateġija tat-tlestija; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni A/RES/63/256 hawn fuq imsemmija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tippermetti lit-Tribunal li joffri kuntratti lil membri tal-persunal f’konformità mal-iskedi taż-żmien tal-istrateġija tat-tlestija u li jesplora inċentivi mhux monetarji mfassla biex jinżamm il-persunal ewlieni;

    (d)

    jenfasizza l-fatt li, min-naħa l-oħra, id-data ffissata biex tintlaħaq l-istrateġija tat-tlestija tikkontribwixxi għall-produttività tat-Tribunal, iżda li, min-naħa l-oħra, jekk għandha ssir ġustizzja u jekk għandhom isiru l-proċessi kontra Ratko Mladić u Goran Hadžić, dik id-data m’għanda bl-ebda mod tkun skadenza għall-attivitajiet tat-Tribunal;

    (e)

    għaldaqstant jistieden lill-Kunsill biex jeżamina bħala kwistjoni urġenti jekk għandhiex tiġi prevista estensjoni ta’ sentejn tal-mandat tat-Tribunal u jekk dan ikunx biżżejjed, filwqat li wieħed iżomm f’moħħu li kwalunkwe estensjoni għandha titqies mhux biss mil-lat taż-żmien iżda meta mqabbla mar-riżultati, u li jressaq dawn il-kwistjonijiet fl-istrutturi xierqa tan-NU biex jiġu eżaminati;

    (f)

    jistieden lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jimpenja ruħu li jipprovdi biżżejjed riżorsi u appoġġ lit-Tribunal permezz tal-baġit ġenerali tan-NU sat-tmiem tal-mandat tat-Tribunal;

    (g)

    iħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli jappoġġja l-isforzi tat-Tribunal biex jara li l-pajjiżi kkonċernati jsaħħu l-koperazzjoni u jħaffu l-isforzi biex jaqbdu ż-żewġ akkużati li għad fadal, biex b’hekk it-Tribunal ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu, kif ukoll biex jiċċara man-NU li wieħed irid ifiehem b’mod ċar li l-kawża kontra ż-żewġ persuni maħruba li għad fadal trid tinstema’ jew mit-Tribunal jew mill-mekkaniżmi residwi, biex b’hekk jiġi evitat kwalunkwe ħjiel ta’ impunità;

    (h)

    jenfasizza li dokumenti ewlenin li huma importanti ħafna għall-prosekuzzjoni tal-Ġeneral Ante Gotovina, Mladen Markać u Ivan Čermak għandhom jingħataw mill-awtoritajiet responsabbli; jenfasizza li t-talbiet riċenti li saru mill-Kap Prosekutur tat-Tribunal Serge Brammertz biex tinstab id-dokumentazzjoni nieqsa rilevanti u biex din tkun disponibbli għat-Tribunal għandhom jintlaqgħu;

    (i)

    jirrimarka li l-UE għandha tkompli tenfasizza li l-konformità mal-kriterji ta’ Kopenħagen tinkludi li jkun hemm sistema ġudizzjarja li taħdem b’mod sħiħ, kapaċi tittratta proċessi dwar ksur tal-liġi umanitarja, anke meta l-qafas tat-Tribunal ma jkunx għadu qed jopera; jistieden lill-Kunsill biex jistabbilixxi regoli ċari biex tiġi evalwata l-ħidma tal-ġudikatura fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent wara li l-mandat tat-Tribunal jasal fi tmiemu, inter alia biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ priġunerija jissodisfaw l-istandards internazzjonali u li s-sentenzi mogħtija mit-Tribunal jiġu osservati, u jistieden lill-UE biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-investigazzjonijiet u l-proċessi domestiċi tad-delitti tal-gwerra, pereżempju billi tipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, dawk ġudizzjarji u dawk tal-prosekuzzjoni, inkluż finanzjament għat-taħriġ u għall-protezzjoni tax-xhieda;

    (j)

    jirrikonoxxi li l-importanza primarja tal-istati għadha waħda mill-pedamenti tas-sistema internazzjonali, u jirrimarka li huwa essenzjali li l-komunità internazzjonali wkoll tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità domestika fil-Balkani sabiex il-qrati lokali jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma li beda t-Tribunal; jappoġġja l-finanzjament eżistenti mill-UE ta’, pereżempju, il-programmi ta’ ħidma diretta mal-pubbliku tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra żieda fl-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-istrateġija tat-Tribunal, u jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn il-korpi ġudizzjarji u dawk tal-prosekuzzjoni fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu estradizzjoni u assistenza legali reċiproka;

    (k)

    jinnota li t-tħaddim ta’ mekkaniżmu ċar biex jiġu indirizzati l-funzjonijiet residwi tat-Tribunal ladarba jingħalaq se jkun ċentrali biex jiġi żgurat li l-wirt tiegħu ikun wieħed li jsaħħaħ il-prinċipji li ispiraw it-twaqqif tiegħu;

    (l)

    jistieden lill-Kunsill biex iniedi mingħajr dewmien, fl-istrutturi xierqa tan-NU, il-proċeduri previsti għal mekkaniżmu biex jiġu indirizzati l-funzjonijiet residwi immedjati u dawk fuq perjodu itwal ta’ żmien, li jikkonċernaw per eżempju l-protezzjoni tax-xhieda, il-protezzjoni kontra l-intimidazzjoni tax-xhieda, kwistjonijiet ta’ disprezz tal-qorti, reviżjonijiet f’każ li jaslu provi li jeskludu l-ħtija, il-monitoraġġ ta’ proċessi trasferiti lejn ir-reġjun (attwalment immoniterjati mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni tat-Tribunal permezz tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)), il-kundizzjonijiet tal-priġunerija u kwistjonijiet relatati mal-maħfriet jew il-kommutazzjoni tas-sentenzi, eċċ; jissuġġerixxi li titressaq proposta quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-possibilità li jitwaqqaf uffiċċju konġunt biex jittratta l-funzjonijiet residwi futuri tat-Tribunal u tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone;

    (m)

    ifakkar lill-Kunsill li l-UE għandha turi interess partikolari biex tissalvagwardja l-wirt tat-Tribunal billi tiżgura li l-arkivji tiegħu jkunu maħżuna f’post sikur, possibilment fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, li jkunu kompleti u aċċessibbli kemm jista’ jkun, u li d-dokumentazzjoni tkun aċċessibbli minn fuq l-internet; jissuġġerixxi li garanziji xierqa ta’ aċċess liberu għandhom jingħataw ukoll lill-prosekuturi u lill-avukati difensuri u, wara perjodu ta’ żmien xieraq, lill-istoriċi u lir-riċerkaturi;

    (n)

    jenfasizza li l-wirt tat-Tribunal għandu jkun konness ukoll mal-proċess ġenerali tar-rikonċiljazzjoni; f’dan il-kuntest, jistieden lill-istati tal-Balkani tal-Punent u lill-UE biex jappoġġjaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u istituzzjonijiet oħra li jgħinu lill-vittmi, jippromwovu d-djalogu u l-fehim interetniku, u jgħinu biex wieħed jasal għall-verità u r-rikonċiljazzjoni;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja.


    (1)  Ittra mill-President tat-Tribunal Internazzjonali lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, S/2008/729, 24 ta' Novembru 2008.

    (2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0028.


    Top