Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0122

    Linji gwida għall-politika tal-impjiegi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 2008-2010

    ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 94–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 87/94


    L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2009
    Linji gwida għall-politika tal-impjiegi

    P6_TA(2009)0122

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 2008-2010

    2010/C 87 E/17

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-Linji Gwida għall-Impjiegi 2008-2010 (1),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008)0800),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/EC tat-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri tat-28 ta' Jannar 2009 (COM(2008)0869),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, li stipulaw il-qafas ta' azzjoni tal-UE biex tiġi evitata r-riċessjoni u jiġu sostnuti l-attività ekonomika u l-impjiegi,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi hemm interrelazzjoni qawwija bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali,

    B.

    billi l-kriżi ekonomika attwali tippreżenta l-isfidi mingħajr preċedent ta' żidiet fil-qgħad u esklużjoni soċjali, u billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea hija prevista li se tkompli sejra għall-agħar, waqt li tiġġenera rata mnaqqsa jew saħansitra negattiva ta' żieda fl-impjiegi u aktar qgħad fl-Unjoni fl-2009,

    C.

    billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida għall-Impjiegi huma l-istrumenti ewlenin fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi tas-suq tax-xogħol,

    D.

    billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi taċ-ċittadini f'dik li hija globalizzazzjoni,

    E.

    billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali tirrikjedi li l-Unjoni tirreaġixxi b'mod deċiżiv u koordinat biex tipprevjeni t-telf tal-impjiegi, tappoġġja dħul adegwat għaċ-ċittadini u tevita r-riċessjoni, u biex tbiddel l-isfidi ekonomiċi u dawk tal-impjiegi attwali f'opportunitajiet,

    F.

    billi għaldaqstant huwa urġenti li jiżdiedu l-isforzi fil-livelli kollha tat-tmexxija, bl-involviment tas-sħab soċjali u parteċipanti rilevanti oħra, li jsir investiment fin-nies u li jiġu mmodernizzati s-swieq Ewropej tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiġu applikati strateġiji ta' flessigurtà, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, skont l-użanza u l-prattika nazzjonali;

    Ġenerali: l-irkupru ekonomiku u l-gwida għall-politiki tal-impjiegi

    1.

    Jemmen li, quddiem riċessjoni serja madwar id-dinja kollha u tbassir ta' żieda fil-qgħad ta' mill-inqas 3.5 miljun fl-UE sal-aħħar tal-2009, l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-impjiegi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha għandhom ikunu: li jiġu salvati l-akbar numru ta' impjiegi vijabbli possibbli min-nuqqas fid-domanda fil-futur qarib; li jiġi megħjun il-ħolqien tal-impjiegi; u li jiġu appoġġjati kemm il-poter tal-akkwist tal-ħaddiema qegħda u kif ukoll l-abilità tagħhom li jerġgħu jsibu impjieg malajr. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti sinjal ċar lill-Istati Membri li l-Linji Gwida għall-Impjiegi għandhom jiġu implimentati f'dan l-ispirtu, u biex tittratta l-impjiegi bħala kwistjoni prijoritarja billi tressaq proposti fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 għal Inizjattiva Ewropea għall-Impjiegi, b'azzjoni koordinata mill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw ix-xogħol u joħolqu impjiegi ġodda;

    2.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u l-enfażi tagħha fuq ir-rabta bejn l-istimolu fiskali fuq perjodu qasir ta' żmien u l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati fuq perjodu twil ta' żmien; jenfasizza f'dan ir-rigward li hu importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe miżuri maħsuba għal perjodu qasir ta' żmien li jittieħdu mill-Istati Membri biex l-ekonomija tirkupra jikkontribwixxu biex jintlaħqu objettivi miftehma b'mod komuni;

    3.

    Jinnota li fil-kriżi attwali dilemma ewlenija hi li l-istrumenti Ewropej tal-politika ekonomika għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jirnexxielhom jilqgħu għall-isfidi li ġejjin; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm analiżi u aġġornament tal-għodod essenzjali tal-politika, b'mod partikolari l-Linji Gwida Integrati, il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, biex jiġu integrati fil-qafas ta' Patt Ġdid għal Tkabbir Għaqli fl-Unjoni Ewropea;

    4.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Linji Gwida Integrati jiġu ffukati mill-ġdid fl-isfond tad-deterjorazzjoni ekonomika u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jaqbel dwar miżuri maħsuba għal perjodu ta' żmien qasir biex tiġi ssalvagwardjata r-rata tal-impjiegi tal-2008 u biex isir investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u biex jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, skont il-prattika nazzjonali, biex jiżguraw dħul suffiċjenti b'attenzjoni partikolari għall-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jistenna li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi u tippreżenta proposti fir-rigward ta' dawn l-għanijiet qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li ġej;

    5.

    Ifakkar li investiment koordinat mill-Istati Membri fil-ħames għanijiet ewlenin ta' Liżbona – ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-politika attivi tas-suq tax-xogħol, il-kura tat-tfal u l-inċentivi għall-investiment privat – irid ikun element ċentrali fil-politika tal-impjieg u li l-infrastruttura għal servizzi ta' kura tat-tfal għandha titqies bħala waħda mill-prekundizzjonijiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikulari dik tan-nisa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintegraw dawn il-prinċipji komuni f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali fir-rigward tal-programmi nazzjonali tagħhom ta' riforma;

    Il-Linji Gwida tal-Impjiegi 2008-2010: ħtieġa urġenti ta' implimentazzjoni rigoruża

    6.

    Iqis li fl-implimentazzjoni tal-linji gwida, l-Istati Membri għandhom:

    iqisu r-rekwiżiti relatati mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' nies li jaħdmu, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u

    jimmiraw li jiġġieldu d-diskriminazzjoni minħabba s-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

    7.

    Iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw interazzjoni msaħħa bejn il-linji gwida u l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Proċess ta' Inklużjoni Soċjali;

    8.

    Iqis li l-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont it-tradizzjoni nazzjonali ta' kull Stat Membru, għandhom jeżaminaw u jirrappurtaw fil-Pjan ta' Riforma Nazzjonali tagħhom dwar kif tista' tittejjeb il-konformità u l-implimentazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tal-leġiżlazzjoni soċjali Ewropea, il-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali u l-prinċipji fundamentali ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni;

    9.

    Itenni l-importanza li jintuża l-kunċett tal-flessigurtà fil-linja gwida 21 biex jinbena pont bejn l-impjiegi, u jenfasizza li dan jirrikjedi livell għoli ta' ħarsien fl-iskemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll politiki tas-suq tax-xogħol attivi;

    10.

    Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hu essenzjali li jissaħħu l-iskemi ta' attivazzjoni, b'mod partikolari għall-ħaddiema li m'għandhomx kwalifiki; jitjiebu s-sussidji tal-impjiegi u l-korsijiet ta' taħriġ qosra għal gruppi vulnerabbli u dawk l-aktar f'riskju li jkunu bla xogħol għal żmien twil; jiġi pprovdut taħriġ (mill-ġdid) u ħiliet ġodda meħtieġa f'setturi affettwati b'mod inqas negattiv; jiġi żgurat ħarsien soċjali adegwat li jipprovdi sigurtà fid-dħul, kif ukoll isir impenn kruċjali rigward id-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali;

    11.

    Jenfasizza l-importanza ta' azzjonijiet immirati għal gruppi vulnerabbli fi żminijiet ta' qgħad għoli, u b'mod partikolari azzjonijiet immirati għal gruppi ta' persuni li ilhom ħafna żmien qiegħda, persuni b'diżabilitajiet u gruppi immigranti;

    12.

    Jemmen li, minħabba s-severità tal-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni trid tkun lesta tieħu miżuri mhux tas-soltu, inkluż it-twessigħ tal-aċċess għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jrid ikun jista' jappoġġja ħaddiema f'firxa usa' ta' sitwazzjonijiet, inklużi ħaddiema temporanji li tilfu l-impjieg tagħhom, u l-ftuħ temporanju tal-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu appoġġjati miżuri ta' preservazzjoni tal-impjiegi permezz ta' skemi ta' taħriġ;

    13.

    Jemmen li l-kriżi ekonomika teħtieġ li jissaħħu l-miżuri tal-UE biex jiġi indirizzat ir-ristrutturar, b'mod partikolari t-tisħiħ tad-drittijiet tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni;

    14.

    Jemmem li r-riforma li jmiss tal-Fondi Strutturali tal-UE għandha tfittex li tiffoka l-għanijiet tal-Fondi iktar qrib il-ħolqien ta' impjigi sostenibbli u ta' kwalità għolja;

    15.

    Jenfasizza, madankollu, l-importanza tal-edukazzjoni mhux biss biex tiżdied l-impjegabilità tal-ħaddiema iżda wkoll biex titjieb il-mobilità tagħhom, li hija importanti għall-funzjonament tas-suq intern; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza tal-validazzjoni ta' ħiliet miksuba kemm formalment u kif ukoll informalment;

    16.

    Jenfasizza l-importanza tal-linja gwida 23 u ta' investimenti sostanzjali fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex titnaqqas ir-rata tal-qgħad, kif ukoll biex jintlaħaq l-għan li jinħolqu impjieġi aħjar fl-Ewropa; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għal programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-opportunità li jieħdu sehem fihom, b'attenzjoni speċjali għal gruppi vulnerabbli; jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet bħal dawn immedjatament;

    17.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li dawk bl-iktar livelli baxxi ta' edukazzjoni inizjali, l-anzjani, in-nies fiz-zoni rurali u l-persuni b'diżabilità huma l-inqas li x'aktarx jipparteċipaw fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja fil-pajjiżi kollha;

    18.

    Jenfasizza li t-titjib fil-mod kif jiġi pprovdut it-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali biex tiżdied il-parteċipazzjoni, u li l-miżuri biex jiġi promoss mod effettiv kif jingħata dan it-tagħlim jinkludu d-disponibilità ta' postijiet għat-tagħlim u faċilitajiet għall-kura tat-tfal lokalment, servizzi ta’ tagħlim miftuħa u tagħlim mill-bogħod għal dawk f’zoni remoti, informazzjoni u gwida, programmi adattati u arranġamenti ta’ tagħlim flessibbli;

    19.

    Ifakkar fil-fatt li r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa għadhom għoljin wisq; ifakkar ukoll li l-esperjenza minn kriżijiet ekonomiċi preċedenti turi li ż-żgħażagħ li jkunu mingħajr xogħol malli jħallu l-edukazzjoni ikollhom b'mod sostanzjali inqas ħila li jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri kollha jilħqu l-għan tal-linja gwida 18, li kull persuna żagħżugħa li tkun telqet mill-iskola għandha tiġi offruta, fi żmien erba' xhur, impjieg, apprendistat, aktar taħriġ jew miżura ta' impjegabilità;

    20.

    Jitlob li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi miġġielda l-problema tal-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; ifakkar li r-rati ta' nisa li jaħdmu huma ġeneralment aktar baxxi, u li huwa iktar komuni għan-nisa milli għall-irġiel li jkollhom impjieg part-time; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' politika li permezz tagħha l-irġiel u n-nisa jkollhom responsabilità ugwali; biex jintlaħaq dan, jistieden lill-Istati Membri biex jissodisfaw b'mod urġenti l-obbligi tagħhom skont il-miri ta' Barċellona;

    21.

    Jinnota bi tħassib li l-impjieg part-time, li fih il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa, qed jirriżulta li qed jiġi affettwat b'mod partikolari mill-kriżi ekonomika;

    22.

    Jikkunsidra li fi żminijiet ta' qgħad għoli, hemm riskju ovvju li l-koeżjoni reġjonali u soċjali tbati, u għaldaqstant jenfasizza l-importanza tal-linja gwida 17 dwar l-implimentazzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali biex jiġi evitat li jkun hemm nuqqasijiet f'dan il-qasam; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex jippromwovu integrazzjoni soċjali attiva għal kulħadd sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiġu żgurati dħul deċenti u servizzi soċjali ta' kwalità flimkien mal-aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta' opportunitajiet ta' reklutaġġ u ta' taħriġ professjonali inizjali u kontinwu;

    23.

    Jenfasizza l-importanza, speċjalment fil-kriżi ekonomika, ta' investimenti fis-settur tas-servizzi soċjali; iqis li dan huwa s-settur li qed jipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi importanti fil-komunità, kif ukoll li jimpjega proporzjon kbir tal-popolazzjoni; jenfasizza li s-settur tas-servizzi soċjali għaldaqstant jeħtieġ li jiġi sostnut biex jiġi evitat li jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi fil-komunità u żieda fir-rati tal-qgħad;

    24.

    Jinnota b'dispjaċir li huwa possibbli li waqt dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika jista' jkun hemm xi pressjonijiet fuq il-pagi f'xi kumpaniji bħala alternattiva volontarja għal sensji selettivi; jenfasizza, madankollu, li hu importanti li l-kriżi ma titħalliex tagħmel pressjoni sabiex il-pagi jonqsu b'mod ġenerali; iqis li hu importanti li:

    kull Stat Membru, skont it-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, jistabbilixxi politika li jneħħi mis-suq il-kompetizzjoni fuq il-bażi tal-pagi baxxi ħafna,

    l-ftehimiet innegozjati b'mod kollettiv ikollhom kopertura wiesgħa,

    il-ġerarkija tal-ftehimiet kollettivi tiġi osservata,

    il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif stipulati fil-ftehimiet kollettivi u/jew fil-liġi tax-xogħol, jiġu osservati u implimentati fil-prattika;

    Il-ħtieġa ta' azzjoni koordinata b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika

    25.

    Jenfasizza l-importanza ta' investimenti proattivi u koordinati fl-Istati Membri kollha, inkluż fl-infrastruttura produttiva, l-edukazzjoni u l-bidla fil-klima, biex jintlaħaq l-għan li jiżdiedu l-livelli tan-nies li qed jaħdmu, jingħata kontribut għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' appoġġ mill-UE għall-iżvilupp ta' industrija moderna u sostenibbli;

    26.

    Jenfasizza li hu importanti li mhux biss jinħolqu aktar impjiegi iżda wkoll li tinżamm u titjieb il-kwalità tal-impjiegi li huma disponibbli llum;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jippromwovu s-sjieda u jtejbu l-involviment tal-parteċipanti kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u partijiet interessati oħra, fejn ikun xieraq, biex jiġu implimentati l-Linji Gwida għall-Impjiegi b'mod effettiv;

    *

    * *

    28.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0207.

    (2)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.

    (3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0467.


    Top