Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0313(01)

    Proċedura nazzjonali Slovena għall-allokazzjoni ta’ drittijiet limitati tal-traffiku tal-ajru

    ĠU C 62, 13.3.2010, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 62/3


    Proċedura nazzjonali Slovena għall-allokazzjoni ta’ drittijiet limitati tal-traffiku tal-ajru

    2010/C 62/03

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-29 ta' April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (1), il-Kummissjoni tippubblika l-proċedura nazzjonali li ġejja għat-tqassim tad-drittijiet tat-traffiku tal-ajru fost trasportaturi Komunitarji eliġibbli, limitati skont ftehimiet ta' servizzi tal-ajru ma' pajjiżi terzi.

    Skont l-Artikolu 74 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 113/05 – test uffiċjali konsolidat, Nru 126/07 – ZUP-E u Nru 48/09) u l-Artikolu 81 tal-Att dwar l-Avjazzjoni (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 113/06 – test uffiċjali konsolidat u Nru 33/09), il-Ministeru tat-Trasport qiegħed hawnhekk jippubblika:

    REGOLI DWAR IL-PROĊEDURA GĦAD-DISTRIBUZZJONI TAD-DRITTIJIET TAT-TRAFFIKU

    Artikolu 1

    Ambitu

    1.   Dawn ir-Regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 jistipulaw il-proċedura għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-traffiku fejn ir-Repubblika tas-Slovenja tikkonkludi ftehim bilaterali dwar it-trasport bl-ajru, l-emendi għalih jew l-annessi għall-ftehimiet bħal dawn li jipprovdu għal limitazzjonijiet dwar l-użu tad-drittijiet tat-traffiku jew l-għadd ta' trasportaturi tal-ajru tal-Komunità eliġibbli biex jiġu nnominati sabiex jieħdu vantaġġ mid-drittijiet tat-traffiku.

    2.   Għall-iskopijiet ta' dawn ir-Regoli, l-obbligu tas-servizz pubbliku li jirriżulta mill-Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (2) mhuwiex ikkunsidrat bħala dritt tat-traffiku limitat.

    Artikolu 2

    Id-drittijiet tat-traffiku u t-talba mit-trasportaturi biex jeżerċitaw dawn id-drittijiet

    1.   Il-Ministeru tat-Trasport (minn issa 'l quddiem “il-Ministeru”) se jipprovdi tagħrif dwar id-drittijiet tat-traffiku u l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet fuq ir-rotot tal-ajru bejn ir-Repubblika tas-Slovenja u l-pajjiżi mhux Stati Membri tal-UE li magħhom ir-Repubblika tas-Slovenja kkonkludiet ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru, speċifikament fil-kwartieri ġenerali tiegħu jew fuq is-sit tal-internet tiegħu (http://www.mzp.gov.si/).

    2.   Il-Ministeru għandu jippubblika d-dettalji tan-negozjati ppjanati għad-drittijiet tat-traffiku fuq is-sit tal-internet speċifikat fil-paragrafu preċedenti.

    3.   It-trasportaturi tal-Komunità li huma interessati li joperaw is-servizzi fuq rotot tal-ajru bi drittijiet tat-traffiku limitati jew fuq rotot tal-ajru bejn ir-Repubblika tas-Slovenja u pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u li miegħu s-Slovenja ma kkonkludietx ftehim dwar it-trasport bl-ajru, jistgħu jinnotifikaw il-pjanijiet u l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Ministeru. Il-Ministeru għandi jqis dawn l-applikazzjonijiet fin-negozjati mmirati lejn il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru.

    Artikolu 3

    Applikazzjonijiet għal-liċenzji

    1.   Fejn trasportatur tal-Komunità jesprimi interess f'kapaċità mhux użata ta' rotta tal-ajru bi drittijiet tat-traffiku limitati, il-Ministeru għandu joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal liċenzji għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku fuq rotot bi drittijiet tat-traffiku limitati (minn issa 'l quddiem “il-liċenzja”). Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tinbagħat permezz ta' mezzi elettroniċi lit-trasportaturi tal-Komunità kollha li joperaw servizzi tat-trasport bl-ajru ġewwa u/jew barra mir-Repubblika tas-Slovenja u lil dawk li talbu t-tagħrif dwar il-kapaċità mhux użata. Għandha tiġi ppublikata wkoll fuq is-sit tal-internet speċifikat fl-Artikolu 2(1) ta' dawn ir-Regoli. Għandha tispeċifika data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet bil-miktub, li għandha tkun tal-inqas 15-il jum.

    2.   L-applikazzjonijiet bil-miktub għal-liċenzji għandu jkun fihom tal-inqas id-dokumenti u t-tagħrif li ġej:

    (a)

    kopja tal-liċenzja tal-operat;

    (b)

    deskrizzjoni tas-servizz tat-trasport li t-trasportatur qed jippjana li jopera fuq ir-rotta (għadd ta' titjiriet kull ġimgħa, tip ta' inġenju tal-ajru, waqfiet ta' kwalunkwe tip, natura annwali u staġonali tas-servizz);

    (c)

    tul tas-servizzi ppjanati;

    (d)

    tip ta' trasport (passiġġieri, merkanzija jew oħrajn);

    (e)

    dettalji tal-aċċessibbiltà tat-trasport u l-appoġġ għall-konsumaturi (netwerk tal-bejgħ tal-biljetti, servizzi ta' appoġġ fuq l-internet, eċċ.);

    (f)

    dettalji ta' kwalunkwe servizzi tat-trasport ta' konnessjoni;

    (g)

    politika tal-ipprezzar għar-rotta individwali.

    3   L-applikazzjoni bil-miktub għandha titressaq, bis-Sloven, lill-Ministeru sad-data ta' skadenza speċifikata fil-paragrafu 1.

    4   Jekk liċenzja tiġi terminata jew revokata, jew tinqala' xi kapaċità żejda b'xi mod ieħor, il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1 għandha tiġi varata.

    5.   Irrispettivament mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dawn ir-Regoli dwar il-forniment tat-tagħrif, il-Ministeru għandu ex officio jirċievi tagħrif marbut ma' fatti li dwarhom hu stess iżomm ir-reġistri uffiċjali, u fatti dwar liema reġistri jinżammu minn awtorità kompetenti Slovena oħra jew minn detentur ta' awtorizzazzjoni pubblika mogħtija minn korp tal-istat Sloven.

    Artikolu 4

    Liċenzja għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku

    1.   Wara li ssir valutazzjoni preliminarja tas-servizzi tal-ajru tal-passiġġeri u/jew tal-merkanzija, il-promozzjoni tal-kompetizzjoni u l-iżvilupp ibbilanċjat tat-trasport tal-Komunità, il-Ministeru, skont id-drittijiet tat-trasport disponibbli, għandu jagħti liċenzja lill-applikant magħżul li jissodisfa l-kondizzjonijiet. Il-liċenzja għandha tkun valida għal tal-inqas staġun tat-trasport wieħed u l-iktar tliet snin, sakemm mhux speċifikat mod ieħor bi ftehim internazzjonali.

    2.   Skont id-drittijiet tat-trasport disponibbli, il-parti magħżula biex teżerċita d-drittijiet tat-traffiku fuq rotta magħżula għandha tkun it-trasportatur tal-ajru li jissodisfa l-aħjar il-kriterji li ġejjin:

    sodisfazzjon tat-talba għat-trasport bl-ajru (imħallta jew servizzi ta' tagħbija biss, servizzi diretti jew servizzi b'waqfiet intermedjarji, frekwenza tas-servizz, jiem tas-servizz);

    politika tal-ipprezzar (partikolarment prezzijiet tal-biljett, dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis u arranġamenti oħrajn);

    kwalità tas-servizz (partikolarment it-tqassim tal-inġenju tal-ajru, id-dispożizzjoni dwar l-iskambju tal-biljetti u l-possibbiltà li jeżistu uffiċji tal-bejgħ miftuħin għall-pubbliku);

    kontribuzzjoni għall-iżgurar ta' livell sodisfaċenti ta' kompetizzjoni;

    id-data intenzjonata tal-varar;

    garanziji rigward is-sostenibbiltà tas-servizz;

    l-iżvilupp tal-parti tas-suq tat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità fuq ir-rotta bilaterali kkonċernata;

    prestazzjoni ambjentali tal-inġenju tal-ajru użat, partikolarment rigward it-tniġġis mill-istorbju.

    Il-kriterji li ġejjin jistgħu jitqiesu wkoll;

    l-iżvilupp ta' konnessjonijiet 'il quddiem għall-passiġġieri;

    żmien tal-applikazzjoni kompluta;

    kontribuzzjoni għall-ippjanar spazjali;

    potenzjal għall-iżvilupp tat-turiżmu fis-Slovenja;

    adattament tal-inġenju tal-ajru għall-operazzjonijiet fl-ajruporti tas-Slovenja li jaqdu;

    status tat-trasportatur rigward il pagament tal-imposti tal-ajruport u l-imposti għas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru fis-Slovenja;

    eżistenza ta' servizz tal-bejgħ fil-lingwa Slovena.

    3.   Jekk diversi trasportaturi tal-ajru jixtiequ joperaw fuq rotta partikolari, il-Ministeru għandu jagħmel laqgħa pubblika fejn l-applikanti kollha jistgħu jattendu. Jekk issir laqgħa pubblika, il-Ministeru ma għandux joħroġ liċenzja għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-trasport fuq ir-rotta tal-ajru kkonċernata sakemm l-applikanti ma jkunux irċevew kopja bil-miktub tal-minuti u sakemm il-limitu taż-żmien għall-kummenti dwar l-iżbalji possibbli ma jkunx skada.

    4.   Il-proċedura għall-allokazzjoni tad-drittijiet tat-trasport limitati għandha ssir skont il-liġi li tkopri l-proċeduri amministrattivi ġenerali, u d-deċiżjoni li tippremja l-liċenzja għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru.

    5.   Taħt il-liġi li tkopri l-avjazzjoni, il-partijiet għandhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni maħruġa mill-Ministeru. Fil-każ ta' appell, id-deċiżjoni finali dwar l-appell għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru.

    Artikolu 5

    Valutazzjoni mill-ġdid tal-liċenzji

    1.   Il-Ministeru għandu jagħmel monitoraġġ tal-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 4 ta' dawn ir-Regoli u kull sena jagħmel analiżi tal-użu effettiv tad-drittijiet tat-trasport limitati, fejn it-trasportaturi kollha li pparteċipaw fil-proċedura tal-għażla jistgħu jieħdu sehem. Jekk jirriżulta li d-drittijiet tat-trasport mhux qed jiġu eżerċitati b'mod effettiv, għandha ssir valutazzjoni mill-ġdid tal-liċenzja maħruġa.

    2.   Għandha ssir ukoll valutazzjoni mill-ġdid ta' liċenzja, fuq it-talba ta' trasportatur tal-Komunità li jopera s-servizzi tal-ajru ġewwa u/jew barra mis-Slovenja. F'dawn il-każijiet, il-valutazzjoni mill-ġdid ma għandhiex tkun possibbli għal perjodu ta' tliet snin wara l-ħruġ tal-liċenzja tal-valutazzjoni mill-ġdid preċedenti.

    3.   Id-detenturi tal-liċenzja għandhom jiġu infurmati dwar kull valutazzjoni mill-ġdid. L-avviżi dwar il-valutazzjoni mill-ġdid se jkunu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-Ministeru. L-avviżi jridu jinkludu d-data ta' skadenza biex it-trasportaturi tal-Komunità interessati fl-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku koperti mill-liċenzja jressqu l-applikazzjonijiet tal-liċenzja tagħhom jekk il-liċenzja tkun ġiet irrevokata abbażi tal-valutazzjoni mill-ġdid.

    4.   Meta liċenzja qed tiġi vvalutata mill-ġdid skont il-paragrafu 2, għandhom jiġu applikati l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dawn ir-Regoli f'tali mod li ma jaffettwawx il-liċenzja kurrenti, sakemm id-drittijiet tat-traffiku koperti mil-liċenzja jiġu eżerċitati b'mod effettiv u f'konformità mar-regoli ta' kompetizzjoni tal-Komunità Ewropea u l-leġiżlazzjoni Slovena rilevanti.

    Artikolu 6

    Revoka, skanċellatura u restrizzjoni tal-liċenzji

    1.   Jekk is-servizz li għalih inħarġet liċenzja:

    ma jibdiex fil-perjodu tat-trasport wara l-jum speċifikat bħala d-data li fiha se jibda s-servizz tat-trasport, jew

    jieqaf u ma jerġax jibda matul iż-żewġ perjodi tat-trasport li jmiss,

    u d-detentur tal-liċenzja ma jindikax fi żmien raġonevoli stipulat mill-Ministeru li dan in-nuqqas ta' prestazzjoni jew interuzzjoni huma minħabba ċirkustanzi barra mill-kontroll tiegħu, il-liċenzja tiġi revokata.

    2.   Liċenzja għandha tiġi revokata wkoll jekk id-detentur tal-liċenzja jinforma lill-Ministeru bil-miktub li m'għadx għandu l-intenzjoni li jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku koperti mil-liċenzja, jew li t-trasportatur m'għadx għandu liċenzja tal-operat valida jew kwalunkwe dokument legali ieħor meħtieġ biex jipprovdi s-servizzi tat-trasport bl-ajru.

    3.   Il-Ministeru għandu jirrevoka liċenzja kompletament jew għal perjodu speċifiku ta' żmien, jew jirrestrinġi l-attivitajiet koperti mil-liċenzja, jekk id-detentur tal-liċenzja:

    ma jipprovdix servizzi tat-trasport bl-ajru skont it-termini tal-liċenzja, jew

    ma jkunx konformi mal-ftehim tat-trasport bl-ajru li abbażi tiegħu nħarġet il-liċenzja jew ma jissodisfax obbligi internazzjonali oħrajn, jew

    ma jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa li jkopru l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, jew

    ma jipprovdix servizzi tat-trasport bl-ajru skont l-iskeda.

    Artikolu 7

    Dispożizzjoni tranżizzjonali

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (2) ta' dawn ir-Regoli, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-liċenzji maħruġa qabel dawn ir-Regoli jidħlu fis-seħħ għandha tkun possibbli kif jiskadi perjodu ta' tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regoli

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fil-ħmistax il-jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja.

    Nru 007-208/2006/20

    Ljubljana, is-26 ta' Ottubru 2009.

    EVA 2009-2411-0063

    Patrick VLAČIČ

    Ministru tat-Trasport


    (1)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 7.

    (2)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.


    Top