Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0106

    Il-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar il-każ tal-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh

    ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 66/71


    Il-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh

    P6_TA(2008)0106

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-każ tal-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh

    (2009/C 66 E/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Afgana li ġiet adottata fl-2004,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru ta' l-2007 li titlob moratorju dinji dwar l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/62/149),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fit-22 ta' Jannar 2008 qorti reġjonali fil-provinċja ta' Balkh fit-tramuntana ta' l-Afganistan ikkundannat għall-mewt lill-ġurnalist Afgan ta' 23 sena Sayed Perwiz Kambakhsh talli ċċirkola artiklu dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Islam li kien niżżel mill-internet; billi l-qorti iddeċidiet li l-artikolu kien dagħwa u kkundannaw lis-Sur Kambakhsh għall-mewt,

    B.

    billi s-Sur Kambakhsh kien imċaħħad minn rappreżentazzjoni legali u kkundannatu mingħajr smigħ xieraq; billi hu kien allegatament imsawwat u mhedded li jiġi ġġustizzjat sakemm iffirma konfessjoni ta' ħtija,

    C.

    billi fis-6 ta' Frar 2008, delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Indipendenti Afgani (AIJA) iltaqgħat mal-President Afgan Hamid Karzai f'Kabul, u tagħtu d-dettalji ta' dan il-każ u talbitu jintervjeni f'isem is-Sur Kambakhsh,

    D.

    billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni ta' l-Afgana tiddefendi b'mod ċar id-dritt għall-libertà ta' l-espressjoni, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u tistipula: “il-libertà ta' l-espressjoni hi invjolabbli; kull Afgan għandu d-dritt li jesprimi ħsibijiet permezz ta' kliem, kitba, illustrazzjonijiet kif ukoll b'mezzi oħra skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni”,

    E.

    billi ġurnalisti fl-Afganistan, b'mod speċjali n-nisa, qegħdin jiffaċjaw dejjem iktar intimidazzjoni, theddid ta' mewt, ħtif u vjolenza,

    F.

    billi l-kundanna għall-mewt tas-Sur Kambakhsh ingħatat minkejja l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU tar-riżoluzzjoni fuq imsemmija li ssejjaħ għal moratorju dinji fuq l-użu tal-piena tal-mewt u waqt li total ta' 135 pajjiż neħħew il-piena tal-mewt fil-liġi jew fil-prattika,

    1.

    Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni bla kundizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt u l-impenn tiegħu għar-rispett ta' l-istat tad-dritt;

    2.

    Jikkundanna l-arrest tas-Sur Kambakhsh u d-deċiżjoni mill-qorti ta' l-ewwel istanza tal-provinċja ta' Balkh sabiex jiġi ġġustizzjat minħabba id-dagħa; jitlob li s-Sur Kambakhsh jinħeles;

    3.

    Jistieden b'mod urġenti lill-awtoritajiet Afgani sabiex juru l-impenn tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u dawk demokratiċi biex jagħmlu ħilithom kollha sabiex iwaqqfu l-eżekuzzjoni tiegħu u jiksbu reviżjoni tal-każ tiegħu; jitlob lill-President Hamid Karzai, f'każ li l-qorti ta' l-appell tikkonferma l-piena tal-mewt, sabiex juża l-poter tiegħu biex jagħti l-maħfra lis-Sur Kambakhsh;

    4.

    Ifakkar fl-assigurazzjonijiet tal-President Karzai dwar is-sikurezza tas-Sur Kambakhsh, li hu ta lil delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Indipendenti Afgani fis-6 ta' Frar 2008;

    5.

    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk kollha li qed jiġġieldu għall-ġurnaliżmu indipendenti fl-Afganistan;

    6.

    Jistieden lill-President u lill-Parlament ta' l-Afganistan biex jieħdu l-passi xierqa sabiex iħaffu l-iżvilupp ta' sistema penali u ġudizzjarja li tiffunzjona u li tkun imsejsa fuq l-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali; jilqa' bi pjaċir l-istqarrija tal-Kummissjarju għall-Affarijiet Barranin ta' l-UE dwar appoġġ finanzjarju immedjat sabiex jgħin lill-Afganistan isaħħaħ l-istat tad-dritt u jirriforma l-ġudikatura tiegħu, stqarrija li saret fil-konferenza ta' Ruma dwar “L-Istat tad-Dritt fl-Afganistan” f'Lulju 2007;

    7.

    Jistieden lill-Gvern Afgan sabiex jirrispetta b'mod sħiħ id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jiżgura li l-libertà ta' l-espressjoni tkun garantita u rispettata b'mod sħiħ għaċ-ċittadini kollha ta' l-Afganistan;

    8.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Iżlamika ta' l-Afganistan.


    Top