Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0097

    L-Isfida tal-Politika ta' l-UE dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp għall-Istati Membri l-ġodda
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar l-Isfida tal-Politika ta' l-UE dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp għall-Istati Membri l-ġodda (2007/2140(INI))

    ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 38–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 66/38


    L-Isfida tal-Politika ta' l-UE dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp għall-Istati Membri l-ġodda

    P6_TA(2008)0097

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Isfida tal-Politika ta' l-UE dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp għall-Istati Membri l-ġodda (2007/2140(INI))

    (2009/C 66 E/07)

    Il-Parlament Ewropew,

    Leġiżlazzjoni dwar Koperazzjoni għall-Iżvilupp

    wara li kkunsidra l-Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) kif emendat bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta' Sħubija, iffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju approvata min-Nazzjonijiet Uniti fl-2000, ir-Rapport tan-NU ta' l-2005 bl-isem ta' “Ninvestu fl-Iżvilupp” u l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna adottata fit-2 ta' Marzu 2005,

    wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Monterrey ta' l-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u -Kummissjoni dwar il-Politika ta' l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: “Il-Kunsens Ewropew” (Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp) (3),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni: “Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (4)

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2007 dwar Kodiċi ta' Mġiba ta' l-UE rigward il-Komplementarjetà u l-Qsim tax-Xogħol fil-Politika ta' l-Iżvilupp,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp: It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju” (COM(2005)0134),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Li tħaffef il-progress lejn il-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp- Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività ta' l-Għajnuna” (COM(2005)0133),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Għajnuna ta' l-UE: Inwassluha aktar, b'mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tal-11 ta' April 2006 bbażati fuqha,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Rapport Annwali 2006 dwar il-Politika ta' l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta' l-Għajnuna Esterna” (COM(2006)0326),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (5) (DCI),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-governanza u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp: Lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea” (COM(2006)0421),

    wara li kkunsidra l-politika ta' koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tar-Repubblika Ċeka, inkluż il-Pjan għall-Koperazzjoni Bilaterali għall-Iżvilupp 2007 u d-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż għall-Angola u ż-Żambja,

    wara li kkunsidra l-politika dwar il-koperazzjoni internazzjonali għall-iżviluppta' l-Ungerija,

    wara li kkunsidra l-programm ta' politika dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Latvja għall-perijodu 2006 sa l-2010,

    wara li kkunsidra l-politika dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Litwanja għall-perijodu 2006 sa l-2010,

    wara li kkunsidra l-istrateġija dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja ta' l-Estonja għall-perijodu 2006 sa l-2010,

    wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Polonja dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp imnedija fl-2003 u l-programm ta' għajnuna 2007 tal-Polonja,

    wara li kkunsidra l-istrateġija nazzjonali għall-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tar-Rumanija,

    wara li kkunsidra l-istrateġija għal tul ta' żmien medju ta' l-Għajuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tas-Slovakkja għall-perijodu 2003 sa l-2008 u l-programm nazzjonali ODA ta' l-2006 tas-Slovakkja,

    wara li kkunsidra l-koperazzjoni għall-iżvilupp tas-Slovenja għall-2002 sa l-2004,

    wara li kkunsidra r-rapport 2007 ta' l-Organizzazzjoni Mhux Governattiva (NGO) Aid Watch bit-titolu “Stenna qabel iċċapċap!” hemm ir-riskju li l-gvernijiet ta' l-UE ma jżommux il-wegħdiet ta' għajnuna tagħhom mill-Konfederazzjoni Ewropea ta' l-NGOs għall-għajnuna u l-Iżvilupp (CONCORD), li jinkludi l-evalwazzjoni ta' l-NGOs tal-prestazzjoni ta' kull Stat Membru f'termini ta' ODA,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' l-UE għall-Asja Ċentrali (Strateġija għal Sħubija Ġdida) 2007 sa l-2013,

    wara li kkunsidra “Il-l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp: il-Kontribut ta' l-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp u t-Tqajjim ta' Kuxjenza”, qafas strateġiku mfassal mir-rappreżentanti ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, ta' l-Istati Membri, tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra, u ppreżentat waqt il-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp f'Liżbona f'Novembru 2007,

    wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar il-Komunikazzjoni ta' l-NGOs li saret bejn is-7 u d-9 ta' Novembru 2006,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill (għall-Iżvilupp) tat-8 ta' Novembru 2001 fuq l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u dwar s-sensibiliżżazzjoni tal-pubbliku fuq l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Maastricht mill-Kungress Ewropew dwar l-Edukazzjoni Globali li laqqa', bejn il-15 u s-17 ta' Novembru 2002, il-membri parlamentari, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-istati membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, dwar Qafas ta' Strateġija Ewropea għat-Titjib u ż-Żieda ta' l-Edukazzjoni Globali fl-Ewropa sas-sena 2015,

    wara li kkunsidra l-Proċess ta' Palermo ta' l-2003, li kien imniedi bl-iskop li jinħoloq forum informali li fih l-atturi jkunu jistgħu jiddibattu dwar żviluppi u kwistjonijiet ewlenin fil-qasam ta' l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp sabiex jikkumplemeta, b'mod informali, il-proċeduri uffiċjali ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra l-Konferenza Ewropea dwar il-Qawmien ta' Kuxjenza u l-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp għas-Solidarjetà bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar li saret fi Brussell fid-19 u l-20 ta' Mejju 2005,

    wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Helsinki dwar l-Edukazzjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp li saret fit-3 u l-4 ta' Lulju 2006,

    wara li kkunsidra l-programm ta' 18-il xahar dwar il-politika għall-iżvilupp tal-Presidenzi tal-Ġermanja, tal-Portugall u tas-Slovenja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat UE,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-tiolu “Ewropa usa” — “Viċinat: Qafas ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar” (COM(2003)0104) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-20 ta' Novembru 2003 dwar Ewropa usa' - Viċinat: Qafas ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar (6),

    wara li kkunsidra d-dokument intitolat “Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar — L-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea” approvat mill-Kunsill Ewropew fi Brussell fit-12 ta' Diċembru 2003,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Politika Ewropea tal-Viċinat — Dokument ta' Strateġija” (COM(2004)0373),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Pjanijiet ta' Azzjoni taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)” (COM(2004)0795),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Politika Ewropea tal-Viċinat - Rakkomandazzjonijiet għall-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu u l-Libanu” (COM(2005)0072),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem ta' “Dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2006)0726),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għan-Nofsinhar tal-Kawkasu (Armenja, Ażerbajġan, Ġeorġja) adottat mill-Kummissjoni ta' l-14 ta' Novembru 2006,

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (SEC(2006)1504),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2007)0840) mehmuż mal-komunikazzjoni bit-titolu '“Rapport Annwali 2007 dwar il-Politika għall-iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta' l-Għajnuna Esterna fl-2006” (COM(2007)0349),

    wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress ta' l-ENP dwar l-Ukrajna (SEC(2006)1505) u l-Moldova (SEC(2006)1506),

    wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Novembru 2005 bit-titolu “Politika Ewropea tal-Viċinat: Sena ta' Progress” (IP/05/1467),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni lill-Kulleġġ mill-Kummissarju Ferrero-Waldner bit-titolu “L-Implimentazzjoni u l-Promozzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (SEC(2005)1521),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (7) (ENPI),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/62/KE tat-23 ta' Jannar 2006 li tippermetti lill-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll lir-Russja, sabiex jibbenefikaw mill-Programm ta' Għajnuna Teknika u ta' Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) (8),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2005/47/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2000/24/KE biex jittieħed kont tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u l-politika Ewropea dwar Pajjiżi Ġirien (9),

    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Viċinat Ewropew u Strument ta' Sħubija' Belarus/Moldova/Ukrajna/Armenja/Ażerbajġan/Ġeorġja (separatament): Dokument ta' Strateġija tal-Pajjiż 2007-2013 u Programm Nazzjonali Indikattiv 2007-2010”,

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija Reġjonali tal-Lvant KE-ENPI (RSP) 2007-2013 li jikkumplementa d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż adottati mill-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Reġjonali tal-Lvant 2007-2010, li jiddefinixxi f'iktar dettall il-mira ta' intervenzjoni li taqa' taħt il-kompiti reġjonali tal-Lvant ta' l-ENPI l-ġdid,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida” (COM(2007)0160),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “dwar l-orjentament ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-aġenziji u l-programmi Komunitarji” (COM(2006)0724),

    wara li kkunsidra il-karta ta' Ġunju 2006, parti mis-serje ta' Karti Okkażjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affaraijiet Ekonomiċi u Finanzjarji bit-titolu “Politika Ewropea tal-Viċinat: Analiżi Ekonomika tal-Pajjiżi ta' l-ENP”,

    wara li kkunsidra l-Iskema ta' Bini tal-Kapaċità II biex tappoġġja lill-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, imnedija mill-Kummissjoni f'Lulju 2007,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (10),

    wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' sħubija u ta' koperazzjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0036/2008),

    Kummenti ġenerali

    A.

    billi fl-2006 l-UE tat ODA ta' EUR 47 524 miljun, ammont ekwivalenti għal 57 % ta' l-ODA madwar id-dinja, figura li mistennija togħla għal EUR 78 626 miljun sa' l-2010,

    B.

    billi l-Istati Membri l-ġodda ħadu l-impenn li jilħqu mira ta' ODA ta' 0,17 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) sa' l-2010 u ta' 0,33 % sa' l-2015, flimkien ma' kontribuzzjonijiet fil-ġejjieni sabiex jissaħħaħ l-irwol ta' l-UE fil-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp,

    C.

    billi l-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-Istati Membri l-ġodda tikkonċerna l-politika Ewropea ta' koperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll il-Politika Ewropea tal-Viċinat,

    D.

    billi l-pajjiżi prijoritarji li għalihom hija mmirata l-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Istati Membri l-ġodda huma l-pajjiżi tal-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS) u l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll ftit pajjiżi li huma membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP),

    E.

    billi l-qafas istituzzjonali jibqa' waħda mill-ikbar sfidi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp effiċjenti fl-Istati Membri l-ġodda,

    F.

    billi waħda mill-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw l-Istati Membri l-ġodda tinkludi l-ħtieġa li jinbena appoġġ mill-partiti kollha u mill-pubbliku għall-koperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż l-appoġġ għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) tad-dinja,

    G.

    billi l-kuxjenza dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp teħtieġ iktar titjib fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri,

    H.

    billi d-dritt ta' l-Istati Membri li jsegwu strateġiji għall-iżvilupp imfassla skond il-prijoritajiet tagħhom kif iddeterminati fil-livell nazzjonali huwa espressjoni leġġittima għal kollox tas-sovranità tagħhom u għandu dejjem ikun rikonoxxut u rrispettat bħala tali,

    Pajjiżi prijoritarji għall-Istati Membri l-ġodda

    I.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali ta' l-Estonja u l-Latvja hija mmirata għall-pajjiżi tas-CIS, b'mod partikulari l-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna, u l-Afganistan; billi l-infiq f'ODA ta' l-Estonja fl-2005 kien 0,08 % u l-infiq f'ODA tal-Latvja fl-2005 kien 0,07 %,

    J.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tal-Litwanja hija mmirata għall-Belarus, l-Ukrajna, il-Moldova, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, l-Afganistan (provinċja ta' Ghor) u l-Iraq, u għal pajjiż wieħed biss ta' l-ACP, il-Mawritanja, u li fl-2005 l-Litwanja nefqet 0,06 % f'ODA,

    K.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tal-Polonja hija mmirata lejn il-Belarus, l-Ukrajna, il-Moldova u l-Ġeorġja, u l-ODA tal-Polonja fl-2005 kienet ta' 0,07 %,

    L.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali ta' l-Ungerija hija mmirata lejn il-Balkani tal-Punent (Montenegro, Serbja, Bosnja u Ħerzegovina), u li fl-2005 l-infiq f'ODA ta' l-Ungerija kien ta' 0,11 %,

    M.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tar-Rumanija hija mmirata lejn il-Moldova, is-Serbja u l-Ġeorġja, u l-ODA tar-Rumanija kienet ta' 0,04 % fl-2006,

    N.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tas-Slovenja hija mmirata lejn il-Balkani tal-Punent (Bosnja u Ħerzegovina, Montenegro, Serbja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), Albanija) u l-Moldova, u li fl-2005 s-Slovenja nefqet 0,11 % f'ODA,

    O.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tas-Slovakkja hija mmirata lejn is-Serbja, il-Montenegro, il-Kirgiżtan, il-Każakstan, l-Ukrajna, u l-Belarus, u li l-infiq f'ODA tas-Slovakkja kien ta' 0,12 %,

    P.

    billi l-parti l-kbira ta' l-ODA bilaterali tar-Repubblika Ċeka hija mmirata lejn il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Moldova, il-Mongolja, is-Serbja u l-Montenegro u l-Vjetnam, u li fl-2005 r-Repubblika Ċeka nefqet 0,11 % f'ODA,

    Q.

    billi l-Bulgarija adottat l-istrateġija nazzjonali tagħha dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp biss fl-aħħar ta' l-2007, u l-prijoritajiet tagħha huma l-Albanija, FYROM, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, l-Ukrajna u l-Moldova, u li l-infiq tagħha f'ODA għall-2005 kien stmat li kien madwar 0,04 %, daqs il-kontribut tal-Bulgarija għall-istituzzjonijiet multilaterali,

    Ir-Relazzjoni bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi ta' l-ACP

    R.

    billi l-Estonja, il-Latvja u r-Rumanija ma jimmiraw lejn l-ebda pajjiż ta' l-ACP fil qafas tal-politika Ewropea ta' koperazzjoni għall-iżvilupp; għalkemm l-Estonja ma eskludietx li fil-ġejjieni tistabbilixxi koperazzjoni bilaterali ma' ta' lanqas stat wieħed mill-inqas żviluppati fl-Afrika tas-Sub-Saħara,

    S.

    billi l-Bulgarija għandha l-intenzjoni li tiffoka fuq pajjiżi Afrikani li magħhom kellha ftehimiet bilaterali qabel l-1989, bħall-Gana,

    T.

    billi r-Repubblika Ċeka tiffoka fuq l-Angola u ż-Żambja, billi l-Angola tirċievi 8 % (EUR 956 000 fl-2007) u ż-Żambja 4 % (EUR 775 000 fl-2007) tal-fondi allokati; billi fl-Angola tiffinanzja wkoll programmi fis-settur ta' l-agrikultura u l-iżvilupp rurali u l-edukazzjoni u l-programmi trażversali bħat-tneħħija ta' mini, it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur pubbliku u l-promozzjoni tas-soċjetà ċivili u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll ta' l-ambjent, u billi fiż-Żambja tiffinanzja wkoll programmi fis-settur tas-saħħa bl-għan li jintlaħqu l-MDGs bħat-tnaqqis fil-mortalità tat-tfal, it-titjib tas-saħħa ta' l-ommijiet u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS u mard ieħor, li jiffukaw fuq il-provinċja tal-Punent, li għandha ambjent naturali partikularment ostili,

    U.

    billi l-Ungerija tiffoka fuq l-Etjopja, u l-Polonja tiffoka l-aktar fuq l-Angola u t-Tanzanija,

    V.

    billi s-Slovakkja tiffoka fuq il-Kenja, s-Sudan u l-Możambik, is-setturi tan-negozju u tas-saħħa fil-Kenja, u toffri appoġġ għall-użu ta' risorsi li jiġġeddu; u billi l-koperazzjoni għall-iżvilupp mas-Sudan tinvolvi tnaqqis tad-djun u tiffoka fuq infrastruttura teknika bħall-ġestjoni ta' l-ilma, u s-settur soċjali partikularment fit-trawwim ta' l-edukazzjoni primarja u l-kura bażika tas-saħħa,

    W.

    billi s-Slovenja għandha l-intenzjoni li tiffoka fuq il-Madagaskar, in-Niġer, il-Mali, Burkina Faso, l-Uganda u l-Malawi permezz ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-iżvilupp Sloveni (NGDOs) u li tgħin il-komunitajiet lokali f'setturi bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-ilma, is-sanità u l-provvista ta' enerġija sostenibbli,

    X.

    billi fl-2006 l-Litwanja bdiet l-ewwel proġett bilaterali tagħha fil-Mawritanja (għajnuna għall-iżvilupp ta' riżorsi naturali),

    Y.

    Y billi fl-Istati Membri l-ġodda, parti konsiderevoli mill-għajnuna għall-iżvilupp hija mqassma permezz ta' kanali multilaterali inluża l-UE, u għaldaqstant dawk il-pajjiżi kollha jikkontribwixxu indirettament għall-iżvilupp tal-pajjiżi ACP,

    Ir-relazzjoni bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-ġirien tagħhom

    Z.

    billi l-ENP hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE, bl-għan li tiġi promossa tmexxija tajba u żvilupp ekonomiku fil-viċinanza tagħha u b'hekk jitnaqqsu d-differenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u l-ġirien tagħhom,

    AA.

    billi l-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' l-ENP għat-Tliet Stati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu (Ġeorġja, Armenja u Ażerbajġan) inħarġu fl-14 ta' Novembru 2006, minkejja l-fatt li l-inklużjoni tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu fl-ENP kienet inizjalment irrifjutata f'nota f'qiegħ il-paġna tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar Ewropa usa',

    AB.

    billi l-Pjanijiet ta' Azzjoni suppost li jkunu mfassla speċifikament għal kull pajjiż,

    AC.

    billi l-UE tradizjonalment tippreferi approċċ reġjonali fir-relazzjonijiet esterni tagħha,

    AD.

    billi l-Gvern tal-Ġeorġja qed jesprimi t-tama tiegħu li l-Ġeorġja tkun inkluża fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed ma' l-Ukrajna u l-Moldova, pjuttost milli fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, tama li kienet rikonoxxuta wkoll fil-Pjan ta' Azzjoni,

    AE.

    billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ġeorġja juri li l-UE hija lesta li toffri iktar appoġġ politiku lill-Ġeorġja fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, li s'issa kienet irrifjutata,

    AF.

    billi l-Istati Membri l-ġodda kienu involuti fl-iżvilupp ta' l-ENP qabel ma saru membri ta' l-UE,

    AG.

    billi l-Istati Membri l-ġodda ma kellhom l-ebda influwenza fil-Pjanijiet ta' Azzjoni u l-anqas ma kienu nvoluti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċedura qabel is-sħubija,

    AH.

    billi sabiex isiru parti mill-ENP, il-pajjiżi ġirien irid ikollhom relazzjonijiet kuntrattwali fis-seħħ, bħal pereżempju Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni jew Ftehima ta' Assoċċjazzjoni għaldaqstant il-Belarus, il-Libja u s-Sirja huma esklużi mill-ENP għaliex m'għandhom l-ebda relazzjoni kuntrattwali fis-seħħ,

    AI.

    billi l-UE timmira li jkollha approċċ bilaterali u reġjonali bbilanċjat lejn l-Ażja Ċentrali,

    AJ.

    billi r-relazzjoni bejn il-Każakstan, il-Kirġiżtan, il-Federazzjoni Russa, it-Taġiskistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan u l-UE hija bbażata fuq ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni u oqfsa ta' koperazzjoni bħall-inizjattiva BAKU, kif ukoll varjetà ta' strumenti tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni,

    AK.

    billi l-ġirien kollha tal-KE, irrispettivament mill-kwistjoni ta' sħubija possibbli, għandhom opportunità indaqs li jistabbilixxu relazzjonijiet privileġġati ma' l-UE li jkunu bbażati kemm fuq interessi komuni u kemm fuq valuri komuni, skond l-aspirazzjonijiet tagħhom stess,

    AL.

    billi l-vantaġġ ewlieni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni huwa li jgħin lill-pajjiż in kwistjoni biex jidentifika l-prijoritajiet u jiggwida l-appoġġ ta' l-UE għall-isforzi tiegħu,

    AM.

    billi l-Bulgarija u r-Rumanija huma diġà inklużi fil-koperazzjoni transkonfinali mas-sieħba ta' l-ENP rilevanti,

    AN.

    billi l-irwol ta' l-Istati Membri l-ġodda fil-qsim ta' l-esperjenza tat-tranżizzjoni se jkun użat u se jikkontribwixxi għall-għarfien fl-Istati Membri l-antiki permezz tal-programmi TAIEX u ta' ġemellaġġ,

    Sabiex titqajjem kuxjenza pubblika

    AO.

    billi l-livell attwali tan-nefqa fil-parti l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) biex titqajjem kuxejnza pubblika dwar kwistjonijiet ta' żvilupp tammonta bejn wieħed u ieħor għal madwar EUR 190 miljun, jew 0,25 % ta' l-ODA kollha,

    AP.

    billi l-Istati Membri l-ġodda kollha, minbarra l-Polonja u Malta, iqisu l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp bħala prijorità għall-pjattaformi nazzjonali ta' l-NGDOs tagħhom,

    AQ.

    billi l-ebda wieħed mill-Istati Membri l-ġodda s'issa m'għandu strateġija nazzjonali rigward l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp,

    AR.

    billi huma biss 12 % taċ-ċittadini ta' l-OECD li fil-fatt semgħu bl-MDGs, 62 % ta' dawk li semgħu bl-MDGs mhumiex konxji ta' xi jfissru l-MDGs, 17 % taċ-ċittadini Ewropej ma jafux jekk, fid-dawl tal-korruzzjoni u l-perċezzjoni li l-għajnuna mhijiex ta' benefiċċju għall-foqra, l-għajnuna tagħmilx differenza (ċifra li tilħaq l-34 % fil-Portugall, l-24 % fl-Italja, it-23 % fl-Irlanda u t-22 % fi Spanja),

    AS.

    billi huma biss 29 % taċ-ċittadini Ewropej li jaħsbu li se jkun hemm tnaqqis fil-faqar estrem u fil-ġuħ sa l-2015, filwaqt li l-ostakoli li jissemmew l-iktar huma n-nuqqas ta' flus jew riżorsi (18 %), in-nuqqas ta' volontà (18 %) u l-kobor tal-ħidma li trid issir (14 %),

    AT.

    billi rapport tal-Programm ta' l-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti ppropona li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimxu lejn jew lil hinn minn ċifra ta' 3 % ta' l-ODA bħala objettiv minimu għat-tqajjim ta' kuxjenza pubblika u l-ispiża għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp,

    1.

    Jenfasizza li l-Politika għall-Iżvilupp hija parti integrali mill-acquis communautaire u jfakkar fl-impenji internazzjonali ta' l-Istati Membri l-ġodda f'dan il-qasam; jenfasizza li l-UE għandha bżonn li tappoġġja l-Istati Membri l-ġodda sabiex tgħinhom jintegraw l-acquis communautaire;

    2.

    Iqis li l-għaxar Stati Membri ġodda li ssottoskrivew għall-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp fi żmien sena mill-adeżjoni tagħhom, filwaqt li qablu li jimplimentaw mudell ambizzjuż ta' żvilupp u li jaħdmu ħalli jilħqu l-MDGs saż-żmien stabbilit;

    3.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li bosta mill-Istati Membri l-ġodda mhumiex fit-triq it-tajba sabiex jilħqu l-mira ta' 0,17 % tal-GNI li għandhom jintefqu f'ODA sa l-2010, iżda li xi wħud qed jaraw it-tnaqqis fl-ODA bħala parti mit-tnaqqis ġenerali fil-baġit minħabba l-bżonn li jitnaqqas id-dejn tal-gvern;

    4.

    Jenfasizza l-esperjenza ta' l-Istati Membri l-ġodda, b'mod partikulari waqt il-proċess tat-tranżizzjoni u jqis li t-tmexxija tajba u l-promozzjoni tad-demokrazija jridu jkunu l-prijoritajiet ta' l-UE fi kwistjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jużaw tajjeb, sabiex itejbu l-politika dwar l-iżvilupp ta' l-UE, l-esperjenza akkumulata fil-qasam mill-Istati Membri l-ġodda;

    5.

    Iqis li, permezz ta' politika ta' koperazzjoni attiva, l-Istati Membri l-ġodda se jikkontribwixxu għall-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u s-solidarjetà mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda f'pajjiżi terzi fl-ambitu ta' l-ENP;

    6.

    Jenfasizza l-benefiċċju konkret għall-Istati Membri l-ġodda li jipparteċipaw fil-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikulari fl-oqsma ta' l-iżvilupp ekonomiku u l-kummerċ;

    7.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni li jmur lil hinn mill-politiki tradizzjonali dwar l-iżvilupp u joħloq relazzjonijiet ta' sħubija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    8.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-komunità internazzjonali hija lesta li taċċetta l-prinċipju ta' 'responsabilità komuni' fil-każ ta' emerġenza umanitarja;

    9.

    Jissuġġerixxi li l-Istati Membri l-ġodda u l-antiki għandhom jaħdmu flimkien b'mod aktar proattiv fl-UE sabiex jiżguraw li s-sitwazzjoni f'pajjiżi partikulari inklużi fl-ENP tkun immonitorata b'mod aktar f'waqtu sabiex l-UE tkun tista' tirreaġixxi b'aktar flessibilità fil-politika tagħha rigward dawn il-pajjiżi;

    10.

    Jenfasizza l-konnessjoni bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, li tikkostitwixxi sfida kbira għall-parti l-kbira ta' l-Istati Membri l-ġodda li jinsabu fil-fruntieri esterni ta' l-UE;

    11.

    Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-Istati Membri l-ġodda fl-evoluzzjoni tagħhom minn pajjiżi li jirċievu l-għajnuna għall-pajjiżi li jagħtu l-għajnuna, u jirrikonoxxi l-isfidi li se jkun hemm;

    12.

    Jinnota li l-prijoritajiet ta' l-Istati Membri l-ġodda wara l-perjodu ta' tranżizzjoni huma ddeterminati mir-relazzjonijiet storiċi tagħhom u huma marbuta mal-ġirien tagħhom, u li l-parti l-kbira tal-baġit ta' l-Istati Membri l-ġodda għall-koperazzjoni għall-iżvilupp hija mmirata għall-ġirien immedjati tagħhom u għall-pajjiżi tas-CIS; jistieden lill-UE biex tisfrutta l-okkażjoni tas-sħubija ta' l-Istati Membri l-ġodda biex issaħħaħ il-preżenza strateġika tagħha fl-Ewropa tal-Lvant, l-Ażja Ċentrali u l-Kawkasu bħala reġjuni fid-dinja li s'issa kienu anqas affettwati mill-għajnuna Ewropea iżda li madankollu qed jiffaċjaw diversi sfidi f'termini ta' żvilupp;

    13.

    Jenfasizza li azzjoni effettiva fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, oqsma ewlenin ta' intervenzjoni għall-Istati Membri l-ġodda, hija wkoll mezz biex jaġixxu fuq perjodu ta' żmien twil favur it-tnaqqis tal-faqar, li huwa objettiv prijoritarju tal-politika għall-iżvilupp ta' l-UE kif stabbilita mid-DCI;

    14.

    Ifakkar fid-dimensjoni tal-Lvant tar-relazzjonijiet esterni ta' l-UE u jqis li assemblea ġdida ta' l-UE u tal-pajjiżi ġirien (simili għall-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE, is-Sħubija Ewro-Mediterranja (Euromed) u l-Assemblea Parlamentari ta' l-UE-Amerika Latina (Eurolat)) tista' tibbaża fuq esperjenza storika, iżżid il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda fil-politika ta' l-UE u tgħin sabiex tifforma l-ENP u tagħmel lill-pajjiżi ġirien konxji minn oqsma politiċi ġodda;

    15.

    Jirrikonoxxi li l-parti l-kbira ta' l-Istati Membri għandhom dipartimenti fi ħdan il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin tagħhom li jittrattaw speċifikament il-koperazzjoni għall-iżvilupp, iżda jirrakommanda li jridu jsaħħu l-koordinazzjoni kemm fi ħdan il-ministeri tagħhom stess kif ukoll bejniethom u ma' Stati Membri oħra sal-livell approvat mill-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

    16.

    Jirrikonoxxi li t-twaqqif ta' l-istituzzjonijiet rilevanti u l-implimentazzjoni tal-politiki huwa proċess li jieħu l-ħin;

    17.

    Jirrikonoxxi li l-ikbar sfidi għall-Istati Membri l-ġodda fis-snin li ġejjin se jiġu miż-żieda fil-baġits u mill-attivitajiet għall-qawmien ta' kuxjenza;

    18.

    Jilqa' il-qafas strateġiku “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp: il-Kontribut ta' l-Edukazzjoni dwar l-Iżvilupp u t-Tqajjim ta' Kuxjenza” imsemmi hawn fuq u jenfasizza li l-Parlament għandu sehem importanti x'jagħti biex ikun enfasizzat l-irwol effettiv u potenzjali ta' l-edukazzjoni u l-kuxjenza dwar l-iżvilupp fl-edukazzjoni kemm formali u kemm informali fl-Istati Membri l-ġodda;

    19.

    Iqis li proġetti fuq żmien twil li jiffukaw fuq sħab u setturi fejn l-Istati Membri l-ġodda għandhom vantaġġ kumparattiv u jistgħu jittrasferixxu l-esperjenza huma dawk l-aktar utli fil-proċess ta' eliminazzjoni tal-faqar dinji;

    20.

    Jitlob li jinqasam ix-xogħol bejn l-Istati Membri rigward il-valur miżjud tal-kontribut ta' kull attur u bl-objettiv li naħdmu flimkien b'mod effettiv;

    21.

    Jemmen li l-maġġoranza l-kbira ta' l-Istati Membri l-ġodda jistgħu jagħtu prijorità akbar lill-politika għall-iżvilupp tagħhom u barra minn hekk jiżguraw approċċ lejn l-ippjanar ta' strateġiji b'koordinazzjoni interna akbar (bl-eċċezzjoni tal-Litwanja, fejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin huwa l-ministeru li jmexxi l-ippjanar u l-ġestjoni ta' l-ODA);

    22.

    Jiddikjara li l-objettiv ta' l-UE fir-rigward ta' l-Istati Membri l-ġodda m'huwiex biss li jittieħed benefiċċju mill-esperjenza tagħhom iżda wkoll li jgħinhom biex isaħħu l-irwol tagħhom bħala donaturi ġodda; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-Istati Membri l-ġodda u l-antiki biex jiddeċiedu flimkien dwar kalendarju realistiku bl-għan li jwassal l-Istati Membri l-ġodda għall-konformità ma' l-għanijiet ta' l-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-UE, waqt li jqisu kif dovut kemm il-potenzjal u kemm il-limiti tas-sħubija bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-antiki;

    23.

    Jenfasizza li l-Istati Membri l-ġodda jridu jkunu inklużi bis-sħiħ fil-qsim ta' esperjenza u f'taħriġ speċifiku fl-oqsma marbuta ma' l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; ifakkar fl-esperjenzi differenti bl-Iskema tal-Bini ta' Kapaċità (CBS) u jitlob li jkun hemm titjib ulterjuri, sabiex pereżempju jitwaqqaf it-tibdil fl-istaff tas-servizz ċivili;

    24.

    Ifakkar fl-importanza ta' djalogu permanenti ma' l-uffiċjali responsabbli għall-Istati Membri l-ġodda u għall-pajjiżi li se jissieħbu ma' l-UE jew dawk kandidati; jenfasizza l-importanza ta' l-għajnuna teknika ta' l-EuropeAid fl-organizzazzjoni tal-korsijiet ta' taħriġ, seminars, konferenzi u għajnuna teknika speċifika sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet li tkellmu dwarhom dawn il-pajjiżi; jenfasizza l-importanza ta' l-attivitajiet iffinanzjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

    25.

    Jiddispjaċih li l-grupp speċjali ta' ħidma dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Membri l-ġodda ma ltaqax iktar fl-2007, għalkemm l-Istati Membri l-ġodda għandhom bżonn urġenti li jżidu l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u li l-proċess ta' tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea għadu għaddej;

    26.

    Jitlob li dan il-grupp ta' ħidma jerġa' jibda l-attività tiegħu waqt li jkun żgurat, minn naħa, li jinvolvi b'mod indaqs fil-ħidma tiegħu rappreżentanza tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament (jew tas-segretarjat tiegħu), kif ukoll ta' rappreżentanza tat-TRIALOG, proġett li jaħdem mill-qrib mal-NGOs Ewropej għall-iżvilupp, u minn naħa l-oħra, li jwessa' l-mandat tiegħu biex iqis il-problemi speċifiċi ta' l-Istati l-Membri l-ġodda fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp:

    27.

    Jenfasizza l-importanza tal-proġetti ta' “ġemellaġġ” u “ġemellaġġ għal żmien qasir u bi skop speċifiku” għat-taħriġ ta' l-istaff ta' l-Istati Membri l-ġodda permezz ta' għajnuna teknika ta' kwalità, fondi li l-Ungerija u s-Slovakkja biss talbu;

    28.

    Jitlob li jsiru laqgħat interparlamentari darbtejn fis-sena bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti ta' l-Istati Membri l-ġodda dwar kwistjonijiet ta' żvilupp u ta' koperazzjoni u l-ħolqien ta' netwerk speċifiku f'dan ir-rigward;

    29.

    Jemmen li l-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda fil-kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tagħti dimensjoni ġdida lid-dibattiti u li tgħin ulterjorment sabiex jinbnew il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom;

    30.

    Jinnota n-nuqqas ta' rikonoxximent pubbliku tal-prijoritajiet tal-koperazzjoni għall-iżvilupp f'uħud mill-Istati Membri l-ġodda u jitlob li jkun hemm komunikazzjoni globali u strateġija edukattiva biex tpatti għal dan in-nuqqas; jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ta' żvilupp fil-kurrikuli ta' l-iskejjel, kif ukoll dwar l-irwol tal-midja fil-ħolqien ta' kuxjenza pubblika u biex tkun żviluppata tradizzjoni internazzjonali ta' volontarjat;

    31.

    Huwa ta' fehma pożittiva rigward l-importanza tar-rapport dwar it-tqajjim ta' kuxjenza rigward l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u l-irwol tagħha fl-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, li jenfasizza l-irwol attwali u potenzjali ta' l-edukazzjoni u l-kuxjenza dwar l-iżvilupp fl-edukazzjoni kemm formali u kemm informali fl-Ewropa, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-ġodda;

    32.

    Iqis li l-popolazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda diġà għandha kuxjenza dwar kwistjonijiet ta' għajnuna umanitarja, kif uriet il-mobilizzazzjoni sinifikanti wara t-tsunami fl-2004, li huwa punt tat-tluq biex titqajjem kuxjenza fost il-popolazzjoni rigward il-bżonn ta' impenji konkreti u fuq perjodu ta' żmien twil ta' politika għall-iżvilupp effikaċi;

    33.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tniedi kampanja speċifika għat-tqajjim ta' kuxjenza li tiffoka fuq il-vantaġġi kumparattivi u l-valur miżjud ta' l-Istati Membri l-ġodda fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' koperazzjoni u ta' żvilupp;

    34.

    Jitlob li jkun hemm iktar koordinazzjoni fost il-partijiet interessati nazzjonali rilevanti u involviment adegwat min-naħa ta' l-NGOs u l-awtoritajiet lokali fil-proċessi nazzjonali ta' tfassil ta' politiki;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi attivament lill-Istati Membri l-ġodda fil-preparazzjoni u n-negozjati rigward Pjanijiet ta' Azzjoni, kif ukoll waqt il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tagħhom;

    36.

    Jinnota li, billi jħollu mill-irbit l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, l-Istati Membri l-ġodda jistgħu jkunu eżempju pożittiv għall-Istati Membri kollha;

    37.

    Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu skadenzi biex iħollu mill-irbit l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, ladarba għajnuna marbuta fuq perjodu ta' żmien twil la sservi biex ikun hemm tmexxija tajba u lanqas biex issir allokazzjoni tajba tar-riżorsi, u ma tagħtix kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

    38.

    Jinnota li r-rabtiet bejn is-settur privat u l-għajnuna għall-iżvilupp jikkostitwixxu strument promettenti ġdid għall-Istati Membri l-ġodda, u li parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa ta' l-intrapriżi privati minn dawk l-Istati Membri fl-akkwist pubbliku ta' proġetti ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fil-livell ta' UE jista' jqajjem kuxjenza dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp;

    *

    **

    39.

    Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehima emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22).

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (3)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    (4)  Id-Dikjarazzjoni dwar il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja kien approvat mill-Kunsill fid-19 ta' Novembru u mill-Parlament Ewropew fid-29 ta' Novembru u kien iffirmat mill-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2007.

    (5)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (6)  ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 506.

    (7)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 32, 4.2.2006, p. 80.

    (9)  ĠU L 21, 25.1.2005, p. 9.

    (10)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.


    Top