Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0308

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT): Impetu ġdid għall-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa

    ĠU C 257, 9.10.2008, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 257/15


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT): Impetu ġdid għall-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa”

    (2008/C 257/03)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    b'konformità ma' l-ispirtu Ewropew ta' l-istrument il-ġdid, jenfasizza l-ħtieġa għal applikazzjoni mgħaġġla u konsistenti tar-regolament fit-territorju kollu ta' l-UE;

    jenfasizza li bl-għoti ta' forom ta' kooperazzjoni territorjali bejn l-atturi istituzzjonali fl-livelli differenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, struttura legali Komunitarja bħar-REKT tista' toħloq proċess orizzontali ta' integrazzjoni Ewropea fejn jiġu applikati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-prossimità;

    jenfasizza li l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni ta' livelli istituzzjonali differenti fi struttura kooperattiva waħda toffri l-possibbiltà ta' forom ġodda ta' gvernanza f'ħafna livelli, li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali isiru l-forzi li jixprunaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-UE, biex jgħinu l-gvernanza Ewropea ssir aktar aċċessibbli, parteċipatorja, demokratika, responsabbli u trasparenti;

    jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkollu rwol ewlieni ta' promozzjoni u informazzjoni fir-rigward ta' l-istrument tar-REKT permezz ta' mobilizzazzjoni politika, inizjattivi ta' komunikazzjoni, il-ħolqien ta' netwerks li jiġbru l-esperjenzi u l-aħjar prattiki u attività ta' riċerka;

    jitlob lill-Kummissjoni li, fil-Green paper li jmiss dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea, tniedi dibattitu strateġiku dwar ir-REKT.

    Rapporeur

    :

    Is-Sinjura BRESSO, President tar-Reġjun tal-Pjemonte (IT/PSE)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-isfidi tal-kontinent u l-ħtieġa ta' integrazzjoni Ewropea

    1.

    jilqa' b'entużjażmu l-adozzjoni tar-Regolament dwar ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT); huwa joffri risposta effettiva għall-ħtieġa fondamentali li jiġi approfondit il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea b'rispett lejn id-diversità reġjonali, billi l-mudelli attwali ta' gvernanza jiġu adattati għall-isfidi li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja;

    2.

    jinnota li l-Unjoni Ewropea tinsab quddiem tibdil fundamentali għall-futur tagħha: biżżejjed wieħed jaħseb fit-Trattat il-ġdid ta' Lisbona ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, fit-twessigħ riċenti taż-żona Schengen għal disa' pajjiżi ġodda, l-adozzjoni ta' l-Ewro minn Ċipru u Malta fil-bidu ta' l-2008, u r-reviżjoni tal-baġit li għaddejja bħalissa;

    3.

    fil-prinċipju huwa kuntent li t-Trattat il-ġdid ta' Lisbona idaħħal fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tar-reġjuni trans-konfinali; il-koeżjoni territorjali fost l-objettivi ta' l-Unjoni Ewropea; dan ifisser li hemm rikonoxximent espliċitu li, fl-iżvilupp tal-politiki ta' l-Unjoni, hemm bżonn li jiġi promoss żvilupp armonjuż u bbilanċjat tat-territorju poliċentriku Ewropew; il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji proposta dwar il-miżuri u l-attivitajiet fil-livell Ewropew li fil-futur jistgħu jiġu inklużi f'dan l-objettiv;

    4.

    jirrikonoxxi li l-futur ta' l-Unjoni Ewropea u tat-territorju tagħha jiddependi mit-tisħiħ tas-sinerġija fost il-politiki ta' koeżjoni u l-istrateġiji ta' promozzjoni tal-kompetittività, u l-iżvilupp ta' politiki settorjali li jgħinu, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu t-territorji l-anqas preferuti, biex jiġu indirizzati l-isfidi li joħorġu mill-globalizzazzjoni, bis-saħħa ta' aproċċ trans-konfinali, trans-nazzjonali u inter-reġjonali; jinnota li l-kooperazzjoni trans-konfinali, trans-nazzjonali u inter-reġjonali diġà ġabet u għadha toħloq valur miżjud Ewropew, politiku, istituzzjonali, ekonomiku u soċjo-kulturali.

    5.

    ifakkar li l-koeżjoni territorjali tinsab fil-qalba ta' l-Aġenda territorjali ta' l-Unjoni Ewropea. Din tesprimi l-esiġenza li d-dimensjoni territorjali jkollha sehem aktar importanti fil-futur tal-politika ta' koeżjoni Ewropea u tal-politiki Komunitarji l-oħra;

    6.

    iqis li l-koeżjoni territorjali tifforma element essenzjali sabiex jintlaħqu l-iskopijiet ta' tkabbir ekonomiku, u solidarjetà u fil-kisba ta' ekonomija soċjali tas-suq li tkun kompetittiva ferm, immirata lejn impjieg sħiħ, progress soċjali u żvilupp sostenibbli;

    7.

    jistqarr li, fl-istess waqt, il-koeżjoni territorjali tista' issaħħaħ l-kompetittività u s-sostenibbiltà tar-reġjuni ta' l-Ewropa, b'konformità ma' l-objetttivi ta' l-istrateġija l-ġdida ta' Lisbona aġġornata mill-Istati Membri fl-2008;

    8.

    jikkunsidra li l-kooperazzjoni territorjali u l-ewwel u qabel kollox il-kooperazzjoni trans-konfinali, hi element ewlieni għall-integrazzjoni Ewropea u prijorità politika ta' l-UE u jfakkar l-importanza speċjali li l-kooperazzjoni territorjali għandha fir-rigward ta' l-ibgħad reġjuni, gżejjer u muntanji;

    9.

    isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi dibattitu strateġiku dwar ir-REKT fil-Green Paper li jmiss dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea;

    Il-valur politiku u strateġiku tar-REKT

    10.

    jappoġġja l-kooperazzjoni territorjali bħala strument fundamentali tal-politika ta' koeżjoni fis-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li għandhom dimensjoni territorjali qawwija f'setturi li huma kruċjali mill-aspett ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali;

    11.

    jenfasizza li l-kooperazzjoni territorjali tirrispondi b'mod adegwat għall-ħtieġa li t-tqassim tal-fondi għall-perijodu baġitarju 2007-2013 ikun aktar ibbilanċjat mil-lat ġeografiku;

    12.

    huwa sodisfatt għall-fatt li l-perjodu baġitarju 2007-2013 jipprevedi żieda qawwija tal-kooperazzjoni territorjali fil-politika ta' koeżjoni permezz ta':

    l-integrazzjoni ta' l-inizjattiva komunitarja INTERREG, li ssir objettiv politiku fiha nnifsha (objettiv 3) tal-politika ta' koeżjoni Ewropea;

    inidrizz sod ta' l-inizjattivi ta' kooperazzjoni territorjali lejn it-twettiq ta' l-objettivi ta' Lisbona u ta' Göteborg;

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali u r-rabta tagħha ma' politiki tematiċi oħra ta' l-UE fil-qafas ta' l-inizjattiva Ir-Reġjuni Protagonisti tal-Bidla Ekonomika

    it-tisħiħ ta' l-istrutturi ta' kooperazzjoni, tal-mekkaniżmi operattivi u tal-proċessi ta' kapitalizzazzjoni, anki permezz ta' programmi ta' kuntatti f'netwerks bejn is-27 Stat Membru (Urbact, Interact, ESPON);

    13.

    iqis li r-Regolament (KE) 1082/2006 dwar ir-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jirrappreżenta strument legali importanti li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Ewropa permezz ta' leġislazzjoni komunitarja uniformi direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha;

    14.

    jikkunsidra li l-potenzjal prospettiv jiżdied ukoll bħala konsegwenza tar-rabta diretta ma' l-acquis communautaire, li jagħtih aktar saħħa u jżid il-probabbiltà li dan jiġi inkluż fil-liġi; din ir-rabta ifisser ukoll impatt aktar wiesa' u dinamiku mill-istrumenti ta' kooperazzjoni tradizzjonali;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni li l-qafas legali preċedenti, li r-Regolament ma għandu l-ebda intenzjoni jneħħi, sikwit ħoloq sitwazzjonijiet ta' inċertezza;

    16.

    jilqa' b'entużjażmu li r-Regolament marbut mar-REKT inkluda parti kbira mill-iżviluppi li introduċa l-acquis tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-qasam tal-kooperazzjoni territorjali. Fil-fatt, id-dritt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkooperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali kien rikonoxxut l-ewwel darba mill-Kunsill bil-Konvenzjoni Qafas Ewropa ta' l-1980 dwar il-Kooperazzjoni Transkonfinali bejn il-Komunitajiet jew l-Awtoritajiet Territorjali u l-Protokolli Addizzjonali tagħha ta' l-1995 u ta' l-1998.

    17.

    jiġbed l-attenzjoni li r-REKT huwa strument li jagħti l-ħajja lil sturttura ta' kooperazzjoni Ewropea, li l-iskop tagħha huwa li tippermetti li jiġu ffaċċjati u riżolti l-problemi legali-amministrattivi tradizzjonali marbuta ma' l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta' programmi u proġetti trans-konfinali, trans-nazzjonali u inter-reġjonali kif ukoll il-kooperazzjoni territorjali in ġenerali;

    18.

    jenfasizza li r-REKT tikkontribwixxi sabiex tagħti stabbiltà u ċertezza għall-inizjattivi ta' kooperazzjoni territorjali, permezz ta' ħolqien ta' gruppi ta' kooperazzjoni li għandhom personalità legali, kif ukoll il-mezzi meħtieġa sabiex iwettqu proġetti u miżuri, bi jew mingħajr il-kontribut finanzjarju tal-Komunità;

    19.

    isostni li r-REKT tista' toffri pjattaforma effettiva ta' koordinament u implimentazzjoni tal-politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali, f'oqsma diversi li huma kruċjali bħall-infrastruttura, il-kompetittività ta' l-intrapriżi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-taħriġ, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji, netwerks ta' l-enerġija u tat-trasport, kwistjonijiet tas-saħħa u soċjali u l-iżvilupp urban sostenibbli u poliċentriku;

    20.

    ifakkar li programmi Ewropej bħall-INTERREG wasslu għall-ħolqien ta' ħafna strutturi, qbil u ftehimiet bil-għan li jiżviluppaw forom ta' kooperazzjoni transkonfinali u inter-reġjonali bejn l-awtoritajiet territorjali f'oqsma ta' interess komuni;

    21.

    jemmen li r-REKT jista' jkun opportunità ġdida biex tingħata struttura legali lill-Ewroreġjuni u biex dan il-kunċett jiġi żviluppat b'mod konsistenti. Fil-passat, inizjattivi ta' kooperazzjoni Ewroreġjonali offrew kontribut sinifikanti titħeġġeġ il-kooperazzjoni reali fi spettru wiesa' ta' attivitajiet, ir-relazzjonijiet ta' viċinat, jitqarrbu l-popli, fit-trasferiment ta' l-għerf u fl-iskambju ta' prattiki tajbin;

    22.

    jenfassizza li r-Regolament tar-REKT ma jfittixx li jrażżan l-Ewroreġjuni li qed joperaw bħalissa jew li joħloq struttura amministrattiva addizzjonali iżda biex jipprovdi għażla kredibbli għall-kooperazzjoni territorjali trans-Ewropea;

    23.

    jenfasizza li r-REKT jipprovdi għodda b'saħħitha għall-kisba tal-kooperazzjoni deċentralizzata madwar l-Unjoni Ewropea f'numru ta' oqsma ta' politika fuq il-bażi ta' strutturi stabbli kapaċi li jimmobbilizzaw il-parteċipazzjoni ta' ċittadini u jieħdu deċiżjonijiet konġunti li jkunu implimentati bis-sħiħ u li jwasslu għal kooperazzjoni strateġika fit-tul;

    24.

    jissuġġerixxi li r-REKT jista' u għandu jkun strument prijoritarju ta' ħidma, li jtejjeb l-aċċess għas-suq ta' kreditu sabiex jiffinanzja l-infrastruttura jew servizzi ta' interess komuni għat-territorji differenti ta' l-UE li min-naħa tagħhom jiġġeneraw it-taxxi meħtieġa biex jingħata appoġġ lis-saħħa finanzjara ta' dawn il-miżuri;

    25.

    jisħaq li l-ewwel miżura li għandha tiġi implimentata fil-livell Komunitarju tinvolvi t-tħeġġiġ ta' l-użu tar-REKT bħala l-istrument preferut għall-kooperazzjoni, kemm minħabba l-benefiċċji sostanzjali li jirriżultaw mit-tmexxija issemplifikata tal-politiki, pjanijiet u proġetti ta' kooperazzjoni u sabiex jiżgura l-użu mifrux ta' prattiki amministrattivi aħjar madwar l-UE;

    26.

    jaħseb li l-adozzjoni ta' l-istrument tar-REKT jista' jippermetti biex, f'kuntest ta' razzjonalizzazzjoni u anqas tixrid ta' fondi, l-istrutturi ta' kooperazzjoni eżistenti mhux biss jaħdmu b'mod aktar koerenti u inċisiv, iżda jtejbu ukoll il-kwalità tar-riżultati miksuba;

    27.

    jenfasizza li r-REKT ser jgħin b'mod konsiderevoli sabiex id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi isiru aktar effettivi billi jiġu involuti aktar mill qrib l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-parteċipanti reġjonali interessati ekonomiċi u soċjali;

    28.

    jenfasizza li billi r-REKT jagħti libsa leġislattiva Komunitarja lil forom ta' kooperazzjoni territorjali bejn atturi istituzzjonali f'livelli differenti minn tnejn jew aktar Stati Membri, tista' tibda' proċess ta' integrazzjoni Ewropea orizzontali, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-prossimità;

    29.

    jargumenta li r-REKT ser jippermetti lill-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej ikunu l-ixprun fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika ta' l-UE, u dan jgħin biex il-gvernanza Ewropea issir aktar miftuħa, parteċipatorja, demokratika, tagħti rendikont ta' għemilha u trasparenti;

    30.

    jenfasizza li l-possibbiltà li l-livelli istituzzjonali differenti jinġiebu taħt struttura unika ta' kooperazzjoni tiftaħ it-triq għal forom ġodda ta' gvernanza f'livelli differenti fejn dawk involuti jikkontribwixxu skond il-kompetenzi tagħhom għas-suċċess globali ta' l-intrapriża;

    L-impenn li r-Regolament jiġi applikat skond l-ispirtu Komunitarju

    31.

    jenfasizza li min-natura tiegħu stess l-istrument ġuridiku tar-Regolament jiżgura regoli indaqs dwar il-kooperazzjoni territorjali fl-Istati Membri kollha, u jnaqqas id-diskrepanzi maħluqa mill-frammentazzjoni regolatorja; din tkun l-ewwel darba li jiddaħħal strument komuni b'applikazzjoni ġeografika daqstant wiesgħa;

    32.

    jikkunsidra li l-implimentazzjoni tar-Regolament għandu jkun ikkoordinat tajjeb, sabiex jinġiebu flimkien l-atti legali differenti mfassla mill-Istati Membri sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) 1082/2006 mingħajr ma jkun hemm inkompatibbiltà jew ostakoli;

    33.

    jinsisti fuq il-ħtieġa li r-Regolament jiġi applikat malajr u b'mod koerenti fit-territorju kollu Ewropew, skond l-ispirtu Ewropew ta' l-istrument il-ġdid;

    34.

    jinnota, b'konformità mal-proċeduri msemmija fil-premessi tar-regolament dwar ir-REKT, l-importanza li anke l-Istati terzi li dalwaqt jaderixxu jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta' l-istrument il-ġdid tal-komunità, bl-aktar mod xieraq u sa mill-bidu;

    35.

    jinnota li xi Stati Membri diġà adottaw id-dispożizzjonijiet biex jimplimentaw ir-Regolament, għalkemm iżomm id-dritt li jwettaq analiżi bir-reqqa ta' dawn il-miżuri sabiex jiżgura l-konformità tagħhom ma' l-objettivi tar-regolamentazzjoni uniformi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali;

    36.

    jiddepplora l-fatt li l-parti l-kbira ta' l-Istati Membri għadhom ma ħasbux biex jadottaw id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tar-Regolament u jħeġġeġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu dan mill-aktar fis mingħajr ma jxekklu b'ostakoli u burokrazija żejda l-ħolqien tar-REKTs u t-twettiq sħiħ tagħhom;

    37.

    jinnota li r-REKT inħoloq anki biex jissemplifika il-proċeduri ta' tmexxija u implimentazzjoni ta' l-inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u għalhekk jenħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni kemm jista' jkun mifruxa fi ħdan kull Stat fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali differenti fir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

    38.

    għalhekk iqis li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri hija essenzjali flimkien mal-parteċipazzjoni diretta ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    39.

    ifakkar li bir-Regolament dwar ir-REKT, il-liġi Komunitarja tagħti ħajja għal kategorija ġdida ta' persuna legali, li minkejja r-riferimenti sinifikattivi għad-dritt nazzjonali jridu jirċievu trattament sostanzjalment uniformi fl-Istati Membri differenti, skond il-prinċipju ta' l-effettività diretta applikabbli u ta' l-effett dirett;

    40.

    jinnota li l-Artikolu 2 tar-Regolament ifassal ġerarkija preċiża li permezz tagħha kemm ir-regolamentazzjoni nazzjonali kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Konvenzjonijiet u l-Istatuti tar-REKTs il-ġodda jieħdu preċedenza l-liġi ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikun jinstab, filwaqt li l-liġi nazzjonali tapplika biss fl-oqsma li m'humiex jew huma biss parzjalment koperti mir-regolament;

    41.

    jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li ma jirreferux għal-liġi nazzjonali japplikaw direttament kull darba li jinħoloq REKT ġdid;

    42.

    iqis li r-regolament jagħti d-dritt kollu, applikabbli b'mod immedjat, lill-membri potenzjali tar-REKT li jinsabu fit-territorju ta' minn ta' l-anqas żewġ Stati, li jwaqqfu REKT b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament;

    43.

    ifakkar li n-nuqqas ta' konformità mill-Istati Membri ma' l-obbligi tagħhom li jadottaw id-dispożizzjonijiet opportuni ta' applikazzjoni jxekkel il-potenzjal tal-kunċett tar-REKT, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu l-obligi tagħhom imwiegħda f'din il-kwistjoni;

    44.

    iqis li l-Kummissjoni Ewropea tista' taqdi rwol deċiżiv biex tiżgura l-operattività sħiħa tar-REKT, skond l-ispirtu awtentiku tar-Regolament;

    45.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni, filwaqt li joffru appoġġ adegwat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, permezz ta' l-adozzjoni ta' linji gwida, kriterji ta' interpretazzjoni, u indikazzjonijiet tekniċi. Għal dan il-għan il-Kummissjoni tista' tuża x-xogħol li sar mill-Grupp ta' esperti tar-REKT maħluq mill-Kumitat tar-Reġjuni;

    46.

    fil-każ li jibqgħu sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità, jittama li l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-possibbiltà li tibda l-proċeduri meħtieġa ta' infrazzjoni kontra l-Istati Membri, mingħajr raġuni, li ma jkunux wettqu dmirijiethom li jadottaw il-miżuri neċessarji ta' implimentazzjoni tar-Regolament.

    Promozzjoni ta' l-użu tar-REKT

    47.

    iqis li informazzjoni Komunitarja speċifika u miżuri ta' taħriġ u kull miżura oħra adegwata, inkluż inċentivi legali, ekonomiċi u finanzjarji, jistgħu jintużaw biex jippromovu r-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

    48.

    f'dan ir-rigward, iqis li l-inċentivi ekonomiċi-finanzjarji bażiċi jistgħu jinqasmu f'żewġ gruppi kbar. L-ewwel ikun jitlob programm speċifiku b'finanzjament Komunitarju, allokat a priori mill-ERDF, li jagħti kontribut (fuq perijodu definit minn qabel, fuq bażi dejjem tonqos) għall-ħolqien ta' REKTs ġodda jew il-konverżjoni ta' proġetti prospettivi ta' kooperazzjoni ġestiti bl-użu ta' strutturi konvenzjonali (b'mod partikulari konsorzji ad hoc u gruppi oħrajn simili, fejn amministrazzjoni reġjonali tmexxi l-proġett). Din il-ġabra ta' inċentivi tista' tinġabar taħt it-titolu “Programm għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni tar-REKTs (PROCCEGTC)”, u jkun jiffoka fuq appoġġ tekniku u finanzjarju fuq perijodu ta' bejn tlieta u ħames snin, b'kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja dejjem tonqos ta' bejn 50 u 25 % ta' l-ispejjeż eleġibbli (parir legali, pagament ta' infrastruttura amministrattiva bażika, spejjeż tal-bidu);

    49.

    jikkunsidra li t-tieni grupp ta' inċentivi ekonomiċi-finanzjarji jirrikjedi li sejħiet għal offerti maħruġa mill-Kummissjoni li jinkludu kriterja ta' effiċjenza akbar fl-evalwazzjoni ta' proġetti mressqa bil-għan li jinħoloq REKT, u previżjoni ta' sostenibbiltà meta l-proġett jingħalaq. Dan jgħin il-promozzjoni ta' kultura kooperativa istituzzjonali għall-perijodu qasir u medju, li tfittex sorsi ġodda ta' finanzjament b'żieda mal-baġit Komunitarju;

    50.

    fir-rigward tal-miżuri legali li jridu jittieħdu sabiex jgħinu lill-istituzzjoni tkun ta' suċċess madwar l-UE, ir-responsabbiltà ewlenija għandha taqa' f'idejn il-Kummissjoni, bl-appoġġ tekniku tal-Kumitat tar-Reġjuni;

    51.

    jipproponi li l-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem miżuri ta' informazzjoni fid-direttorati ġenerali tagħha sabiex tkabbar l-għarfien tal-kontribuzzjoni tar-REKTs lejn l-implimentazzjoni tal-politika settorjali ta' l-UE;

    52.

    jiddikjara l-ħeġġa tiegħu li jaħdem flimkien ma' parteċipanti istituzzjonali fil-miżuri ta' promozzjoni msemmija aktar kmieni;

    Ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni

    53.

    jinnota li huwa għandu kompetenzi speċifiċi ta' konsultazzjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni transnazzjonali, skond l-artikolu 265 tat-Trattat tal-KE

    il-kooperazzjoni territorjali, u r-REKT, b'mod partikolari, huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-mandat politiku attwali tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-protokoll il-ġdid ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

    l-artikolu 5 tar-regolament jistabbilixxi li l-membri tar-REKT għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kumitat tar-Reġjuni b'konvenzjonijiet futuri u bir-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' statuti; dan jiftaħ it-triq għall-ħolqien ta' “reġistru Ewropew” tar-REKT fil-Kumitat tar-Reġjuni, kif kien intalab fil-bidu mill-Kumitat tar-Reġjuni nnifsu fl-Opinjoni tiegħu ta' l-2004 dwar il-proposta ta' regolament (CdR 62/2004 fin.);

    54.

    jistqarr l-intenzjoni tiegħu li jaqdi rwol fundamentali ta' informazzjoni u ta' promozzjoni ta' l-istrument tar-REKT permezz tal-mobilizzazzjoni politika, inizjattivi ta' komunikazzjoni, il-ħolqien ta' netwerk għall-iskambju ta' l-esperjenzi u l-aħjar prattiċi u attivitajiet ta' riċerka;

    55.

    jenfasizza li twaqqaf grupp ta' esperti dwar ir-REKT, bl-iskop li josservaw l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' implimentazzjoni u jiffaċilitaw l-iskambju ta' l-esperjenzi fir-rigward tal-ħolqien u l-ġestjoni tar-REKT fil-livell territorjali;

    56.

    jimpejnja ruħu biex jenfasizza l-possibbiltajiet li joffru l-liġijiet kemm fl-Istati Membri kif ukoll fi Stati terzi li huma viċin ta' l-Unjoni, ħalli jiġu massimizzati l-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet territorjali ta' l-Unjoni Ewropea u dawk ta' Pajjiżi terzi;

    57.

    ser jintensifika l-kooperazzjoni tiegħu ma' l-Organizzazzjoni Pan-Reġjonali Ewropea b'esperjenza speċifika u twila fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali trans-Ewropea;

    58.

    jenfasizza li sabiex ir-REKT u l-kooperazzjoni territorjali jkollhom suċċess, b'mod essenzjali, hemm bżonn ta' kooperazzjoni qawwija inter-istituzzjonali, li tkun kapaċi tinvolvi l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali

    Brussell, it-18 ta' Ġunju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top