Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62015TJ0452

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Novembru 2017.
    Andrei Petrov et vs Il-Parlament Ewropew.
    Membru tal-Parlament Ewropew – Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament – Ċittadin ta’ Stat Membru – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etniċi – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità – Ammissibbiltà ta’ motiv – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi – Ugwaljanza fit-trattament – Użu ħażin ta’ poter.
    Kawża T-452/15.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:T:2017:822

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    20 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

    “Membru tal-Parlament Ewropew - Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament - Ċittadin ta’ Stat Membru - Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etniċi - Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità - Ammissibbiltà ta’ motiv - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi - Ugwaljanza fit-trattament - Użu ħażin ta’ poter”

    Fil-Kawża T‑452/15,

    Andrei Petrov, residenti f’Saint Petersbourg (ir-Russja),

    Fedor Biryukov, residenti f’Moska (ir-Russja),

    Alexander Sotnichenko, residenti f’Saint Petersbourg,

    irrappreżentati minn P. Richter, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz u M. Windisch, bħala aġenti,

    konvenut,

    li għandha suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Ġunju 2015 li tirrifjuta l-aċċess għall-bini tiegħu lir-rikorrenti,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent, Udo Voigt, rikorrent fil-kawża rreġistrata mar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-Numru T-618/15, ġie elett fil-Parlament Ewropew fil-lista ta’ partit Ġermaniż, in-Nationaldemokratische Partei Deutschlands (NPD). Minn dakinhar, huwa membru tal-Parlament bħala deputat mhux affiljat ma’ grupp politiku.

    2

    Fit-22 ta’ Marzu 2015, f’Saint Petersbourg (ir-Russja) inżamm forum politiku imsejjaħ “Forum Nazzjonali Russu”, li għalih U. Voigt kien mistieden mill-partit Russu Rodina u li fih ħadu sehem it-tliet rikorrenti, Andrei Petrov, Fedor Biryukov u Alexander Sotnichenko.

    3

    Bħala tkomplija ta’ dan il-forum, assistent ta’ U. Voigt, permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ġunju 2015, informa lis-servizz tal-istampa tal-Parlament bl-intenzjoni tiegħu li jorganizza, fis-16 ta’ Ġunju 2015, konferenza stampa intitolata “L-azzjonijiet tagħna sabiex tiġi evitata gwerra bierda u sħuna fl-Ewropa” (iktar ’il quddiem il-“konferenza stampa”). Din il-konferenza stampa kellha tiżvolġi fil-preżenza ta’ sitt parteċipanti, jiġifieri U. Voigt, deputat Grieg, żewġ ex deputati Taljan u Brittaniku kif ukoll A. Petrov u F. Biryukov, it-tnejn li huma ċittadini Russi u membri tal-parti Russa Rodina. L-assistent ta’ U. Voigt talab għal dan il-għan li sala tal-Parlament u l-infrastruttura ta’ interpretazzjoni jkunu disponibbli għalih.

    4

    Dejjem fit-tkomplija tal-forum intitlotat “Forum Nazzjonali Russu”, l-assistent ta’ U. Voigt, fid-9 ta’ Ġunju 2015, talab lill-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Sigurtà” tal-Parlament, responsabbli fil-qasam ta’ akkreditament, il-ħruġ ta’ permessi ta’ aċċess għal 21 persuna fosthom ħames ċittadini Russi, jiġifieri t-tliet rikorrenti, E.N. u P.E, b’antiċipazzjoni tat-tieni avveniment, jiġifieri laqgħa ta’ xoghol intitolat “Laqgħa dwar it-tema tal-kooperazzjoni Ewropea”, ippjanata wkoll għas-16 ta’ Ġunju segwenti (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ xogħol”).

    5

    Fid-9 ta’ Ġunju 2015, id-DĠ “Sigurtà”, b’posta elettronika, irrikonoxxa li rċieva t-talba għal akkreditament. Dan ir-rikonoxximent li rċieva inkluda numru ta’ riferiment li jippermetti jiġu rtirtati l-permessi ta’ aċċess tas-16 ta’ Ġunju 2015 u kienet akkumpanjata minn anness li jikkonferma li l-avveniment kien kompatibbli mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà, iżda tispeċifika wkoll li l-organizzatur ma kienx eżentat mill-proċedura normali ta’ awtorizzazzjoni.

    6

    Dejjem fid-9 ta’ Ġunju 2015, is-servizz tal-istampa, b’posta elettronika, informa lill-assistent ta’ U. Voigt li l-awtoritajiet politiċi tiegħu kienu taw istruzzjonijiet sabiex ma jagħmilx it-tagħmir mitlub għall-konferenza stampa disponibbli għalih (iktar ’il quddiem il-“posta elttronika tas-servizz tal-istampa”). Din il-posta elettronika tirreferi għar-restrizzjonijiet ta’ aċċess imposti mill-istituzzjoni fuq il-politiċi u d-diplomatiċi Russi kif ukoll għar-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u ta’ F. Biryukov tfixkel l-attivitajiet tal-istituzzjoni.

    7

    Fl-10 ta’ Ġunju 2015 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja [2015/2001 (INI)] (ĠU 2016, C 407, p. 35), iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015”), li ilha tiġi diskussa mill-15 ta’ Jannar preċedenti.

    8

    Fis-16 ta’ Ġunju 2015, l-assistent ta’ U. Voigt irtira l-permessi ta’ aċċess għall-mistednin ta’ dan tal-aħħar għal-laqgħa ta’ xogħol. Madankollu, matul l-għodwa, l-unità “Akkreditament” tad-DĠ “Sigurtà” infurmat lil dan tal-aħħar, bil-posta elttronika li, fid-dawl tal-lista ta’ parteċipanti f’din il-laqgħa u skont struzzjonijiet li waslu mill-uffiċċju tal-President tal-Parlament, l-aċċess għall-bini tal-istituzzjoni ġie rrifjutat lill-ħames mistednin Russi, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    9

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

    10

    Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Settembru 2015, Petrov et vs Il-Parlament u l-President tal-Parlament (T-452/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:709), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn kien dirett kontra l-President tal-Parlament.

    11

    Fit-12 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw replika u, fil-25 ta’ Frar segwenti, il-Parlament ressaq kontroreplika.

    12

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    – tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    13

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    14

    B’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali nnotifikat lill-Parlament il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li għalihom dan tal-aħħar wieġeb fil-21 ta’ Diċembru segwenti.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà tar-replika

    15

    Fil-kontroreplika, il-Parlament esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tar-replika għar-raġuni li din tal-aħħar kellha fiha riflessjonijiet u allegazzjonijiet li ma tantx huma koerenti u li r-rabta mal-motivi esposti fir-rikors kienet inċerta.

    16

    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors jista’ jiġi kkompletat minn replika. Barra minn hekk mill-punt 142 tad-Dispożizzjoniet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li “il-qafas u l-motivi jew l-ilmenti fil-qofol tal-tilwima jkunu ġew esposti […] b’mod iddettaljat fir-rikors […] fir-risposta, ir-replika […] bħala għan li jippermettu lir-rikorrent […] jippreċiża […] il-pożizzjoni tagħhom [tiegħu] u li jirfina[…] l-argumenti tagħhom [tiegħu] dwar punt importanti u li jwieġbu għall-punti ġodda li joħorġu fir-risposta”.

    17

    F’dan il-każ, għalkemm ir-replika fiha punti ta’ ambigwità, ġeneralment tissodisfa l-għanijiet deskritti hawn fuq. Barra minn hekk, anki jekk ikun fih ilmenti li jistgħu jitqiesu bħala motivi ġodda, dan il-fatt ma jiġġustifikax li din in-nota titwarrab mid-dibattiti kollha kemm huma. Dan il-fatt huwa biss tali li jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ilmenti inkwistjoni, u dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami ta’ kull motiv ikkonċernat.

    18

    Konsegwentement, ir-replika għandha titqies bħala inammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Kummenti preliminari

    19

    Fir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-“ksur tat-Trattati” u, it-tieni wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

    20

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) tal-istess Trattat, il-Qorti Ġenerali għandha effettivament kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal ksur tat-Trattati.

    21

    L-Artikolu 76)(d) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi madankollu li r-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, b’mod partikolari li l-punti essenzjali ta’ liġi jirriżultaw għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess [sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Bach Flower Remedies vs EUIPO – Durapharma (RESCUE), T-337/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:578, punti 50 u 51]. B’hekk, għalkemm ir-rikorrent lanqas ma huwa obbligat jindika, b’mod espliċitu, ir-regola ta’ dritt speċifika li fuqha huwa bbaża l-ilment tiegħu, dan bil-kundizzjoni li l-argument tiegħu jkun ċar biżżejjed sabiex il-parti avversarja u l-qorti tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jidentifikaw din ir-regola mingħajr diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni,T-279/03, EU:T:2006:121, punt 47, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:494, punt 65).

    22

    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-“ksur tat-trattati” jikkostitwixxi biss każ ġeneriku ta’ ftuħ tar-rikors għal annullament li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu, iżda ma jistax jikkostitwixxi l-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T-224/95, EU:T:1997:187, punti 80 u 81).

    23

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel motiv huwiex ibbażat fuq bażi legali iktar preċiża mis-sempliċi invokazzjoni tal-“ksur tat-trattati”.

    24

    F’dan il-każ, mill-kontenut tar-rikors u mis-sommarju mehmuż miegħu, u li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C-167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punti 25 u 26, u tat-12 ta’ April 2016, CP vs Il-Parlament, F-98/15, EU:F:2016:76, punt 16), li r-rikorrenti attwalment jibbażaw l-ewwel motiv tagħhom fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). B’mod iktar speċifiku, huma jinvokaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika tagħhom kif ukoll ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tagħhom.

    25

    Fir-replika, ir-rikorrenti jallegaw barra minn hekk li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Huma jsostnu wkoll ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza sa fejn huma ġew ittrattati b’mod differenti minn viżitaturi u mistednin oħra tal-Parlament.

    26

    Fl-aħħar nett, kemm ir-rikors kif ukoll ir-replika fihom allużjonijiet għan-natura sproporzjonata tad-deċiżjonijiet ikkontestati li dwarhom għandu jiġi ddeterminat qabel kollox jekk huwiex motiv awtonomu jew le.

    27

    F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Parlament, għalkemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu eżistenza awtonoma, jista’ jkun ukoll parti integrali mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. B’hekk ġie deċiż li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedu li differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C-101/12, EU:C:2013:661, punt 77; tat-23 ta’ Marzu 1994, Huet vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-8/93, EU:T:1994:35, punt 45, u tat-30 ta’ Jannar 2003, C vs Il-Kummissjoni, T-307/00, EU:T:2003:21, punt 49). Meta ġew mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li, f’dan il-każ, l-allegazzjoni tan-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata ma kkostitwixxietx motiv separat.

    28

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi eżaminat:

    – fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tar-rikorrenti;

    – fit-tieni lok, il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tar-rikorrenti;

    – fit-tielet lok, il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

    29

    Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti esponew li kienu jafu bil-kuntest politiku prevalenti fiż-żmien taż-żjara tagħhom fil-Parlament u li U. Voigt kien spjegalhom id-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti barra minn hekk ippreżentaw mehmuż mar-rikors kopja ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll il-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li informa lill-assistent ta’ U. Voigt li t-tagħmir mitlub għall-konferenza stampa ma kienx sejjer jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minħabba r-restrizzjonijiet ta’ aċċess imposti mill-istituzzjoni fuq il-politiċi u d-diplomatiċi Russi kif ukoll minħabba r-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov jfixklu l-attivitajiet tal-istituzzjoni.

    30

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet premessi kollha li għandu jiġi eżaminat ir-rikors.

    Fuq il-motvi ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tagħhom

    31

    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma kienu bl-ebda mod ta’ riskju għall-iżvolġiment normali tax-xogħol tal-Parlament jew għas-sigurtà tiegħu. Fl-assenza ta’ motiv oġġettiv, id-deċiżjoni kkontestata tkun ivvizzjata minn diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tagħhom jew l-oriġini etnika tagħhom u dan jikser, konsegwentement, l-Artikolu 21 tal-Karta. Barra minn hekk, anke jekk wieħed jassumi li xi ċittadini Russi fil-fatt kienu ta’ riskju għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament, kien ikun biżżejjed li tiġi limitata l-projbizzjoni ta’ aċċess għalihom.

    32

    Il-Parlament iqis li dan il-motiv ma huwiex fondat.

    33

    Skond l-Artikolu 21(1) tar-Regoli tal-Proċedura, hija pprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-oriġini etniċi. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom, kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità hija pprojbita wkoll.

    34

    Peress li r-rikorrenti ma jiddistingwixxux b’mod ċar bejn iż-żewġ tipi ta’ diskriminazzjoni li jinvokaw, hemm lok li jitfakkar li, meta test ta’ portata ġenerali juża żewġ termini distinti, raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jipprekludu li dawn jiġu attribwiti l-istess portata. Dan jgħodd a fortiori fejn, bħal f’dan il-każ, dawn il-kliem ikopru tifsiriet differenti fil-lingwaġġ ta’ kuljum (sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2013, Marques vs Il-Kummissjoni, F-158/12, EU:F:2013:135, punt 28, u tal-14 ta’ Mejju 2014, Cocco vs Il-Kummissjoni, F‑17/13, EU:F:2014:92, punt 33).

    35

    B’hekk, għalkemm in-nazzjonalità hija rabta legali u politika bejn individwu u Stat sovran, il-kunċett ta’ oriġini etnika huwa bbażat fuq l-idea li gruppi tas-soċjetà huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn nazzjonalità, fidi reliġjuża, lingwa, oriġini kulturali u tradizzjonali u ambjent ta’ għajxien komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgarija, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 46).

    36

    Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika, il-Parlament sostna li r-Russja għandha iktar minn 185 grupp etniku differenti. Issa r-rikorrenti jillimitaw rwieħhom li jenfasizzaw n-nazzjonalità Russa, u ma jindikawx li huma kienu membri ta’ grupp etniku partikolari. A fortiori bl-ebda mod ma stabbilixxew li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minħabba appartenanza etnika speċifika.

    37

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jurux li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta huma ssodisfatti u li b’hekk ma jistgħux jallegaw li ġew diskriminati minħabba oriġini etnika partikolari.

    38

    Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet relatati għal dan tal-aħħar (ĠU 2007, C 303, p. 17) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjon għall-interpretazzjoni tiegħu.

    39

    Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, l-Artikolu 21(2) tal-Karta “jikkorrispondi għall-Artikolu 18(1) [TFUE] u għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu”. Skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati jiġu eżerċitati fil-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minn dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-Artikolu 21(2) tal-Karta għandu jinqara bħala li għandu l-istess portata bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

    40

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 TFUE jistipula li “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Din id-dispożizzjoni tinsab fit-tieni parti ta’ dan it-trattat intitolat “Non-disriminazzjoni u ċittadinanza ta’ l-Unjoni”. Hija tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fejn ċittadin ta’ Stat Membru jkun ġie suġġett għal trattament diskriminatorju, meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħu. Dan l-artikolu, għaldaqstant, ma japplikax fil-każ ta’ eventwali differenza ta’ trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C-22/08 u C-23/08, EU:C:2009:344, punti 51 u 52, u tas-7 ta’ April 2011, Francesco Guarnieri & Cie, C-291/09, EU:C:2011:217, punt 20).

    41

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Russa, ma jistgħux jibbażaw fuq il-ksur tal-Artikolu 21(2) tal-Karta.

    42

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn dan ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jidħlu fil-Parlament huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tagħhom. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata ta’ dan ir-rifjut, li ma tiddistingwix lill-mistednin Russi skont kemm huwa ta’ riskju, isir riferiment għall-punti 75 sa 78 iktar ’il quddiem.

    Fuq il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi tar-rikorrenti u bbażata, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza.

    43

    Fir-replika tiegħu, ir-rikorrenti jsostnu li kienu suġġetti għal trattament diskriminatorju minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Jesponu wkoll li “finalment […] il-projbizzjoni ta’ aċċess għandha fi kwalunkwe każ tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza”. Fil-fatt, minħabba din id-deċiżjoni, huma allegatament kienu ġew ittrattati b’mod differenti minn viżitaturi u mistednin oħra tal-Parlament. Ir-rikorrenti jesponu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża li tostakolahom milli jesprimu fi ħdan il-Parlament opinjoni politika mhux approvata mill-President tal-istituzzjoni u kuntrarja għar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015.

    44

    Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti għar-raġuni li huma motivi invokati għall-ewwel darba, u tardivament, fir-replika.

    45

    Ir-rikorrenti jsostnu madankollu li huwa biss waqt il-qari tar-risposta li huma saru jafu bil-bażi politika tad-diskriminazzjoni li għaliha kienu suġġetti għaliha.

    46

    Skond l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, T-72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671, punti 23 u 27).

    47

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi, din il-projbizzjoni tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, li r-rikorrenti invokaw fil-kuntest tal-motiv tagħhom ibbażat, fir-rikors, fuq il-“ksur tat-trattati”. Madankollu, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti jillimitaw l-argumentazzjoni tagħhom bbażata fuq din id-dispożizzjoni għal allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika. Barra minn hekk, huwa jinvoka diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-Karta. Fl-ebda ħin ma huma jinvokaw, fl-att promotur tiegħu, ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi tagħhom.

    48

    Il-fatt li r-rikorrenti ma invokawx, fir-rikors, tali diskriminazzjoni huwa ta’ sinjifikat partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi iżolata mill-kuntest tagħha. B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li, waqt il-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienu fil-pussess tal-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li l-Parlament irrifjuta li jagħmlu disponibbli lil U. Voigt it-tagħmir neċessarju għall-konferenza stampa tiegħu wkoll prevista fis-16 ta’ Ġunju 2015. Issa, hemm żewġ raġunijiet għal dan ir-rifjut. L-ewwel nett, il-posta elettronika tas-servizz tal-istampa tfakkar ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess imposti mill-istituzzjoni, min-naħa, fuq id-diplomatiċi Russi u, fit-tieni lok, fuq il-politiċi Russi, jiġifieri, b’mod iktar speċifiku, il-membri tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (duma tal-Istat tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa) u s-Soviet Federatsii Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (kunsill tal-federazzjoni tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa), kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Parlament għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. It-tieni nett, din l-istess posta elettronika ssemmi r-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov tfixkel l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-rifjut kontenzjuż kellu l-għan li jipprojbixxi lill-mistednin Russi milli jaċċedu għall-bini tal-Parlament, entità politika, sabiex jipparteċipaw, fuq stedina ta’ deputat, f’laqgħa fuq tema politika, jiġifieri l-“kooperazzjoni Ewropea”. Barra minn hekk, l-ewwel żewġ rikorrenti huma investiti b’responsabbiltajiet kbar fi ħdan il-partit politiku Russu Rodina u t-tielet rikorrent huwa ppreżentat bħala professur universitarju fir-relazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, il-laqgħa inkwistjoni kienet maħsuba sabiex tkun il-kontinwazzjoni ta’ forum politiku, jiġifieri l-“Forum Nazzjonali Russu”, li għalih kienu pparteċipaw it-tliet rikorrenti msemmija iktar ’il fuq u li l-Parlament kien għadu kif ikkritika fir-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015. Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li l-attivitajiet tas-16 ta’ Ġunju 2015 li għalihom kienu mistednin kellha l-għan li jippermettilhom jesponu l-opinjoni politika tagħhom dwar il-“kooperazzjoni Ewropea” sabiex, minn naħa, tingħata kjarifika kuntrarja dwar il-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” għal dik tar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 u, min-naħa l-oħra, li tkompli l-ħidma li kienu bdew hemm. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikorrent familjari mal-politika u normlament diliġenti kellu joqgħod attent għall-kuntest politiku dwar id-deċiżjoni kkontestata.

    49

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-invokazzjoni, fir-replika, ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi tar-rikorrenti ma hijiex l-amplifikazzjoni ta’ motiv li jinsab fir-rikors li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu matul il-proċedura kontenzjuża preżenti, iżda motiv ġdid. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jitqies bħala inammissibbli sakemm ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

    50

    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat, fir-replika wkoll, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ir-rikorrenti b’mod partikolari jsostni, fir-rikors, li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu “totalment arbitrarji u diametrikament opposti għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fid-dritt primarju”. Madankollu, din l-allegazzjoni rreferiet għar-“raġunijiet esposti hawn fuq”, jiġifieri għall-iżviluppi li jikkonċernaw l-allegati diskriminazzjonijiet bbażati fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika. Fl-ebda stadju ma r-rikorrenti, waqt il-preżentata tar-rikors tiegħu, invoka, bħala tali l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fid-dawl tat-trattament mogħti lill-viżitaturi u l-mistednin l-oħra kollha tal-Parlament.

    51

    Għaldaqstant, jekk ir-rikorrenti riedu li jestendu, fir-replika, il-portata tal-ewwel motiv tagħhom lil hinn mill-ilmenti limitati għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika tagħhom billi jinvokaw b’mod ġeneriku l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fid-dawl tat-trattament mogħti lill-viżitaturi u l-mistednin l-oħra tal-Parlament, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi prinċipju għandu jitqies bħala motiv ġdid li ma jirriżultax mill-mod kif jiżviluppa d-dibattitu kontenzjuż. Sa dan il-punt u sakemm ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, dan il-motiv għandu jitqies bħala inammissbbli.

    52

    Huwa veru li, sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet ta’ difiża tiegħu, il-Parlament ikkunsidra, fir-risposta u sussidjarjament, il-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tikklassifika mill-ġdid il-motiv ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew l-oriġini etnika bħala ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-elementi li jiġġustifikaw li dan il-prinċipju jitqajjem fir-replika ġew żvelati biss matul il-proċeduri. Fid-dawl tal-kuntest imfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, dan l-argument fid-difiża tal-Parlament ma weriex lir-rikorrenti l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li setgħu b’mod leġittimu jinjoraw sa issa.

    53

    Għandu jiżdied li l-Artikolu 21 tal-Karta, li jservi bħala l-bażi għall-motiv ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika, huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger, C-528/13, EU:C:2015:288, punt 48) u li kemm dan il-prinċipju kif ukoll il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni huma żewġ espressjonijiet tal-istess prinċipju ġenerali tad-dritt, li jipprojbixxi, minn naħa, it-trattament ta’ sitwazzjonijiet simili b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, it-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament [sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C-422/02 P, EU:C:2005:56, punt 33].

    54

    B’hekk, sa fejn, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-invokazzjoni, fir-replika, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza għandha titqies bħala l-espressjoni, f’terminoloġija oħra, tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika, l-ilment inkwistjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 33 et seq iktar ’il fuq.

    55

    Fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tar-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza huwa infondat peress li mill-punti 63 sa 78 iktar ’il quddiem jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motiv oġġettiv u raġonevoli, imqabbel ma’ għan legalment ammissibbli u hija proporzjonata għall-għan segwit.

    Fuq il-motiv dirett kontra ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati u bbażat fuq użu ħażin ta’ poter

    56

    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati minn abbuż ta’ poter, dak li l-Parlament jikkontesta.

    57

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża ħafna li jirreferi għall-użu mill-awtorità amministrattiva tal-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għaliha jkunu ngħatawlha l-istess poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li jiġu invokati ċerti fatti insostenn ta’ dawn l allegazzjonijiet, iżda għandhom jitressqu indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura tali li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, għall-inqas, il verosimiljanza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-preċiżjoni materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tiġi kkontestata. B’hekk, l-evalwazzjoni ġenerali tal-indizji ta’ użu ħażin ta’ poter ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi allegazzjonijiet, fuq indizji mhux suffiċjentement preċiżi jew li ma humiex la oġġettivi u lanqas rilevanti (ara d-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2013, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni, T-32/13 P, EU:T:2013:721, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenzza ċċitata).

    58

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, “għar-raġunijiet esposti iktar ’il qudddiem”, id-deċiżjoni kkontestat kienet ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter sa fejn huma “kompletament arbitrarj[a] u dijametrikament oppost[a] għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”.

    59

    Madankollu, sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw fuq l-allegati irregolaritajiet ikkritikati fil-motivi bbażati fuq il-“ksur tat-trattati”, hemm lok li jitfakkar li, peress li dawn ġew miċħuda iktar ’il fuq, dan ir-riferiment ma jistax jirnexxi.

    60

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jammetti li s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament huma għanijiet legalment ammissibbli, li jistgħu jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, huwa jikkontesta li dawn kienu l-għanijiet realment segwiti minn dawn tal-aħħar.

    61

    Ir-rikorrenti jallegaw, fil-fatt, li huma ma jikkostitwixxux periklu għas-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament. Għalkemm dan tal-aħħar huwa post ta’ skambju politiku, l-għan tar-rifjut li jitħallew jaċċedu għall-Parlament kien fir-realtà li jinżammu ’l bogħod minħabba t-twemmin politiku tagħhom u affiljazzjoni politika li ma togħġobx il-maġġoranza tal-Assemblea.

    62

    Huwa importanti li jiġi osservat li, b’dan l-argument, ir-rikorrenti bi ħsiebu jiddeduċi l-prova ta’ użu ħażin ta’ poter mill-ineżattezza tal-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet ikkontestati.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 48 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti ma kinux membri tad-Duma tal-Istat tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa jew tal-Kunsill tal-federazzjoni tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa, id-deċiżjoni kkontestata kienet motivata mill-fatt li l-preżenza ta’ dawn tal-aħħar fil-Parlament tista’ tagħmel ħsara lill-ordni lis-sigurtà tal-istituzzjoni kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tiegħu fil-kuntest ġenerali tal-avvenimenti li taw lok għar-restrizzjonijiet ta’ aċċess imsemmija.

    64

    Iktar speċifikament, il-Parlament enfasizza, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015, il-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet politiċi bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni fil-mument tal-fatti. Huwa rrefera għas-sitwazzjoni fl-Ukraina u għall-pubblikazzjoni, mill-Federazzjoni Russa, ta’ lista sewda li fiha l-ismijiet tad-deputati attwali u dawk preċedenti u ta’ uffiċjali tal-Unjoni li kellha twassal sabiex tillimita l-aċċess tal-politiċi u tad-diplomatiċi Russi għall-infrastrutturi tagħha.

    65

    Fid-dawl tal-kuntest speċifiku li dak iż-żmien kien jikkaratterizza r-relazzjonijiet politiċi bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni, minn naħa, u fid-dawl li kienu qed jintensifikaw, skont il-Parlament, ir-relazzjonijiet bejn partiti Ewropej ikklassifikati bħala populisti u forzi Russi deskritti bħala nazzjonalisti, min-naħa l-oħra, il-Parlament enfasizza li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” li kien għadu kif ġie kkundannat severament mill-Assemblea. Il-Parlament enfasizza wkoll li l-ewwel żewġ rikorrenti kienu membri attivi ta’ partit Russu li kien tqies bħala nazzjonalista. Huwa żied li t-tliet rikorrenti kienu finalment protagonisti mistiedna, minn naħa, sabiex juru, ġo l-istituzzjoni, perspettiva differenti minn dik tat-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 dwar il-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” u, min-naħa l-oħra, sabiex isegwu hemm ix-xogħol li kien inbeda waqt dan il-forum, li r-rikorrenti ikkonfermaw matul is-seduta (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

    66

    Madankollu r-rikorrenti josservaw li “dritt li ġej mill-istatus ta’ kap” tal-President tal-Parlament, invokat mill-Parlament, ma jistax jintuża sabiex jimpedixxi laqgħat li s-suġġett tagħhom jikkontradixxi l-maġġoranza, peress li l-parlamenti huma preċiżament postijiet ta’ skambji politiċi.

    67

    Madankollu, l-Artikolu 22 tar-regoli interni tal-Parlament jagħti lill-President tal-istituzzjoni l-kompetenza neċessarja sabiex jipprovdi għas-sigurtà ġenerali fil-bini tal-Parlament, sabiex jimpedixxi u jwaqqaf kwalunkwe tfixkil għall-iżvolġiment tajjeb tal-attivitajiet parlamentari kif ukoll sabiex jipproteġu d-dinjità tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-Parlament jallega ġustament li ma huwiex obbligat jippromwovi fl-infrastrutturi tiegħu l-attivitajiet politiċi ta’ partit ta’ pajjiż terz. Ir-rikorrenti jaqblu ma dan fil-kitbiet tagħhom. Għaldaqstant, il-Parlament ma huwiex obbligat li jirċievi membri jew simpatizzanti ta’ tali partit sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom fil-bini tiegħu. B’mod iktar ġenerali, mill-Artikolu 14 TUE jirriżulta li d-dritt li jieħdu sehem fil-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji, ta’ kontroll politiku u konsultattiv ġol-Parlament huwa rriżervat lir-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni eletti b’vot universali, dirett, liberu u sigriet, filwaqt li dispożizzjonijiet partikolari, bħall-Artikolu 15(6)(d)TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 TFUE, speċifikament, iggarantixxew id-dritt ta’ smigħ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 115 tar-regoli interni tal-Parlament jipprevedi li d-dibattiti huma pubbliċi u li l-laqgħat tal-kumitati huma wkoll normalment pubbliċi, l-Artikolu 157 tal-imsemmija regoli jispeċifika li l-pubbliku li jitħalla jidħol fil-gallariji għandu jibqa’ bil-qiegħda u jżommu s-silenzju. Jingħad ukoll li l-istruttura tat-trattati u t-testi adottati għal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-eżerċizzju liberu tal-poteri vestiti fil-Parlament ifissru li dan tal-aħħar ma huwiex il-post fejn il-pubbliku kollu jkollu l-fakultà sħiħa li jesprimi ruħu.

    68

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Parlament għandu l-obbligu li ma jfixkilx il-ħidma tad-deputati, fosthom dik ta’ U. Voigt. Madankollu, dan l-argument huwa irrilevanti f’dan il-każ sa fejn ir-rikorrenti ma għandhomx interess personali u dirett li jinvokawh. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, dawn tal-aħħar ikkonfermaw, waqt is-seduta, li din l-allegazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi lment bħala tali.

    69

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li permessi ta’ aċċess kienu nħarġu għall-attenzjoni tagħhom, u b’hekk U. Voigt ħaseb li, fin-nuqqas tal-konferenza stampa, il-laqgħa ta’ xogħol setgħet issir fil-bini tal-istituzzjoni bil-parteċipazzjoni tagħhom. Il-ħruġ ta’ dawn il-permessi juri li dawn tal-aħħar ma huma bl-ebda mod ta’ riskju partikolari, filwaqt li l-bidla fl-attitudni tal-Parlament turi n-natura ta’ tfettiq tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-kumplikazzjoni inutli tax-xogħol tiegħu ta’ deputat li tirriżulta minnha.

    70

    Madankollu, għalkemm huwa eżatt li l-Parlament irrikonoxxa li rċieva t-talba għal akkreditament għal-laqgħa ta’ xogħol bil-posta elttronika tad-DĠ “Sigurtà” tad-9 ta’ Ġunju 2015 u li din il-posta elettronika kien fiha numru ta’ riferiment li jippermetti li jiġu rtitrati l-permess ta’ aċċess ddestinati għar-rikorrenti, għandu jitfakkar li din il-posta elettronika li ġiet minn DĠ “Sigurtà”, filwaqt li l-deċiżjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għall-bini hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-kuntest politiku li eċċediet il-kompetenzi tas-servizzi amministrattivi tal-Parlament u kienet tappartjeni biss lill-organi politiċi tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-posta elettronika tad-DĠ “Sigurtà” tad-9 ta’ Ġunju 2015 li inkludiet anness li jispeċifika li l-organizzatur tal-avveniment ma kienx eżenti minn proċedura normali ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ fi ħdan l-istituzzjoni. B’hekk il-kontradizzjoni apparenti li tirriżulta mill-ħruġ ta’ numru ta’ riferiment li jippermetti li jiġu rtirati l-permessi ta’ aċċess u r-rifjut lir-rikorrenti jitħallew finalment jaċċedu fil-Parlament jirrifletti r-rwol differenti assenjat lis-servizzi amministrattivi u lill-korpi politiċi. Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li l-Parlament, sabiex ifettaq, kien ta x’wieħed x’jaħseb li l-laqgħa kontenzjuża setgħet saret fl-infrastrutturi tiegħu.

    71

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ladarba t-teħid ta’ miżuri bħar-rifjut li persuni jitħallew jidħlu fil-Parlament sabiex tiġi evitata kwalunkwe tfixkil għax-xogħol tiegħu jippreżupponi evalwazzjoni futura tar-riskju fid-dawl tad-data disponibbli neċessarjament jimplika marġni ta’ inċertezza, ma jidhirx li l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament ma kienx raġonevolment relatat mal-motivi allegati minn dan tal-aħħar.

    72

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li sabu indizju ta’ użu ħażin ta’ poter fil-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tmur, fi kwalunkwe każ, lil hinn minn dak li kien neċessarju. B’hekk osserva li l-President tal-Parlament kellu għad-dispożizzjoni tiegħu servizz ta’ sigurtà kapaċi li jillimita l-forom kollha ta’ provokazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda ċ-ċittadini Russi mistednin kollha, filwaqt li, skont il-posta elettronika tas-servizz tal-istampa, huma biss l-ewwel żewġ rikorrenti li kienu ta’ riskju għas-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni, kien juri li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi tip ta’ “sanzjoni kollettiva”.

    73

    Madankollu, għandu jitfakkar li r-rikorrenti la stabbilixxew u lanqas allegaw li kull persuna għandha jkollha aċċess inkundizzjonat għall-faċilitajiet tal-Parlament għal skopijiet ta’ propaganda politika jew sabiex hemm jiddiskutu l-linji politiċi tal-Assemblea. Għall-kuntrarju, kif ġie espost fil-punt 67 iktar ’il fuq, il-Parlament espona, mingħajr ma ġie kontradett, li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix lill-pubbliku l-fakultà sħiħa li jaċċedi għall-bini tiegħu u sabiex jużah sabiex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu.

    74

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-President tal-Parlament impedixxa lir-rikorrenti milli jidħlu fil-bini tal-istituzzjoni sabiex jesprimu ruħhom waqt laqgħa politika, pjuttost milli joqgħod fuq il-kapaċità ta’ intervent tas-servizzi ta’ sigurtà, ma jistax jitqies, fil-kuntest internazzjonali mfakkar fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, bħala indizju ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan jgħodd iktar u iktar meta l-Parlament ikkonferma, matul is-seduta, li, peress li r-rifjut ta’ aċċess kontenzjuż kien marbut mal-kuntest inkwistjoni, huwa kien biss temporanju.

    75

    Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jibbażaw fuq li r-rifjut ta’ aċċess ittieħed kemm kontra “il-grupp kollu ta’ viżitaturi Russi”, kif ukoll kontra E.N. u P.E., sabiex jintwera li dan ir-rifjut kien jikkostitwixxi sanzjoni kollettiva u sproporzjonata. Fil-fatt, ir-rifjut li dawn iż-żewġ persuni jaċċedu għall-Parlament huwa dovut għall-fatt li dan kienu qed jakkumpanjaw, waħda minnhom il-mara tat-tieni rikorrent, l-oħra bħala interpretu, kif jirriżulta mid-dibattiti waqt is-seduta.

    76

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll għal xejn in-natura kollettiva tar-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament milli jibbażaw fuq il-fatt li jirriżulta a contrario mill-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li, għall-Parlament innifsu, it-tielet rikorrent, A. Sotnichenko, ma kienx jikkostitwixxi riskju partikolari.

    77

    Ma jistax jinsilet argument mill-fatt li, fil-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li tirrifjuta li sala tkun disponibbli għal U. Voigt sabiex jorganizza l-konferenza stampa tiegħu, il-Parlament qies li l-preżenza tal-ewwel żewġ rikorrenti kienet ta’ riskju għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni mingħajr ma ssemma l-każ ta’ A. Sotnichenko. Fil-fatt, mill-posta elettronika mibgħuta fit-3 ta’ Ġunju 2015 mill-assistent ta’ U. Voigt lis-servizz tal-istampa tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma għandhiex tipparteċipa fiha.

    78

    Barra minn hekk, il-Parlament espona li A. Sotnichenko kien ħa sehem fil-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu”, bħall-ewwel żewġ rikorrenti, li dan ma ġiex ikkontestat, u li hija din il-parteċipazzjoni li kienet iġġustifikat li aċċess għall-bini tal-istituzzjoni sabiex jieħu sehem fil-laqgħa ta’ xogħol kien ukoll irrifjutat fil-kuntest deskritt fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq.

    79

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma jipprovdux indizji preċiżi, oġġettivi u konsistenti suffiċjenti li jagħtu x’wieħed jaħseb li s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament ma kienx l-għan realment veru segwit mill-President tiegħu meta dan adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. B’hekk hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

    80

    Peress li ebda motiv ma kien fondat, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    81

    Skond l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    82

    Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġi kkundannati għall-ispejjeż kollha, kif mitlub mill-Parlament.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Andrei Petrov, Fedor Biryukov u Alexander Sotnichenko huma kkundannati jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, dawk sosnuti mill-Parlament Ewropew.

     

    Kanninen

    Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

    Reine

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2017.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Fuq